L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija” (Mt 1:20). Min hu dan Ġużeppi? L-Evanġelista San Mattew jgħidilna li kien bin David, min-nisel ta’ David.  Għalhekk il-belt ta’ missirijietu kienet Betlehem. Imma hu raġel, li għażel li jgħix f’belt ċkejkna, jisimha Nazaret, belt tal-Galilija u mhux tal-Lhudija; belt li ma kellhiex fama mill-aqwa. “Tista’ toħroġ xi ħaġa tajba minn Nazaret?” (Ġw 1:46); l-ebda profeta ma jista’ joħroġ minn Nazaret. Ġużeppi, bħalma jgħidulna l-erba’ Evanġelisti, kien ukoll mastrudaxxa, ħaddiem tal-id; bniedem li bis-sengħa tiegħu kien jidħol fil-familji, afdat minnhom, jagħmel dak kollu li hemm bżonn. Kien bniedem li tgħallem jaqla’ ħobżu bl-għaraq ta’ xbinu.

U l-Evanġelista jgħidilna wkoll li dan il-mastrudaxxa “kien raġel ġust” (Mt 1:19). Ir-raġel ġust hu dak li jitgħallem jafda fil-Mulej, li t-tama tiegħu hi fil-Mulej, li jibża’ mill-Mulej, mhux għax imwerwer minnu imma għax jieħu l-Kelma tal-Mulej bis-serjetà. Kien raġel ġust, jisma’ l-Kelma tal-Mulej, jifhimha, jixtarrha, jemminha, u jgħixha.

L-isem ‘Ġużeppi’ hu isem għażiż għall-poplu Lhudi. Fit-Testment l-Antik insibu lil Ġużeppi, iben Ġakobb, li ħeles lil ħutu u lil missieru mill-ġuħ. Ġużeppi b’xi mod jantiċipa l-misteru tas-Salvatur. Kien bniedem mibjugħ minn ħutu minħabba l-għira, li l-providenza tibagħtu fl-Eġittu u jkun jista’ jsalva mhux biss lill-Eġittu imma ’l ħutu wkoll mill-ġuħ u mill-mewt. Inzerta, li anke Ġużeppi, l-għarus ta’ Marija, kien iben Ġakobb.

Ħafna drabi nħossuna mhedda min-nies li jiġu fostna, mhedda minn xulxin. Il-Mulej, illum qed jgħidilna, tibżgħux tilqgħu lil xulxin.

“Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’” (Mt 1:20). Din il-kelma li l-Mulej jgħid lil Ġużeppi ta’ Nazaret, illum jgħidha lil kull wieħed u kull waħda minna: ‘Tibżax!” Ġużeppi, kellu bżonnha din il-kelma, li l-anġlu jagħtih fl-ewwel ħolma. San Mattew jirrakkuntalna erba’ ħolmiet ta’ Ġużeppi, li fihom jirċievi messaġġi importanti għall-missjoni tiegħu. Dak li għadna kemm smajna fl-Evanġelju hi l-ewwel ħolma minn erbgħa. U din l-ewwel ħolma, hi importanti. Dan il-messaġġ hu essenzjali, għax Ġużeppi qiegħed bejn ħaltejn x’se jagħmel. L-għarusa tiegħu ħarġet tqila. X’se jagħmel? Ixandarha man-nies? Jikkundannaha għall-mewt? U l-Mulej jgħidlu: ‘tibżax’. F’dik l-istedina hemm stedina għall-fiduċja. Hemm stedina biex Ġużeppi jifhem li fit-toroq mgħawġa tal-ħajja sseħħ ukoll ir-rieda tal-Mulej. Tibżax!

Ħuti, aħna u nħarsu lejn id-dinja tal-lum, għandna bżonn nisimgħuha din il-kelma; għandhom bżonn jisimgħuha n-nies tal-Ukrajna; għandhom bżonnha fuq kollox in-nies ta’ fejn trabba u għex Ġesù: in-nies tal-Palestina u n-nies ta’ Iżrael. Tibżax! Din il-kelma għandha bżonnha d-dinja kollha. Mhedda kif inhi bil-kambjament tal-klima, bl-egoiżmu tagħna, u bl-effetti tal-egoiżmu tagħna. Imma l-Mulej ukoll illum jgħidilna: Tibżgħux! Għaliex? Għax se jagħmel xi maġija? Le! Għax irid jimliena bil-fiduċja u jibnilna rieda tajba biex nagħmlu fuq dak li hu sewwa. La tibżax! U għax qed jgħidlu la tibżax lil Ġużeppi ta’ Nazaret?

Il-kultura tal-akkoljenza hija l-antidotu (il-mediċina) għall-vjolenza, l-aggressjoni, l-arbitrarjetà u l-arroganza.

“La tibżax, tilqa’ għandek” (Mt 1:20). It-tieni stedina tal-Anġlu lil Ġużeppi hi messaġġ għal kull wieħed u waħda minna. Il-Mulej qed jgħidilna biex ma nibżgħux ikollna kultura, ambjent ta’ akkoljenza, li jilqa’. “Tibżax tilqa’ għandek”. Aħna ħafna drabi nħossuna mhedda min-nies li jiġu fostna, mhedda minn xulxin. Il-Mulej, illum qed jgħidilna, tibżgħux tilqgħu lil xulxin. Mhux se naqblu f’kollox. Allaħares, ikollna l-istess idea fuq kollox; imma kemm hu importanti nitgħallmu nilqgħu lil xulxin. Dik il-qawwa li tisma’, tapprezza, tifhem; imbagħad tirrealizza, li fejn nistgħu naħdmu flimkien, u fejn ma nistgħux naqblu, nibqgħu nirrispettaw lil xulxin.

Il-kultura tal-akkoljenza għandha bżonnha d-dinja; għax il-kultura tal-akkoljenza hija l-antidotu (il-mediċina) għall-vjolenza, l-aggressjoni, l-arbitrarjetà u l-arroganza. Kultura li tilqa’, kultura inklussiva (biex nużaw terminu tal-moda) imma għandu profondità kbira. Il-kultura tassew inklussiva, fejn kulħadd, hu min hu, iħossu milqugħ, rispettat fid-dinjità tiegħu, apprezzat u protett.

Ejja nirringrazzjaw lil Alla, li aħna qegħdin f’kultura, li dan il-kliem hu għażiż għaliha. Imma t-talba tagħna bl-interċessjoni ta’ San Ġużepp, hi li mill-kliem sabiħ, ngħaddu għall-fatti.

“La tibżax tilqa’ għandek lil Marija b’martek” (Mt 1:20). Marija, li mwiegħda lilek, imma tqila minn xi ħaddieħor. Dilemma kbira għal raġel ġust. Irid ikun l-Ispirtu s-Santu, li permezz tiegħu, Marija nislet fil-ġuf lill-Iben ta’ Alla, li jgħin lil Ġużeppi jifhem il-missjoni tiegħu. Hu kellu diġà l-istint ta’ raġel ġust li jipproteġi lil din il-mara. “Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies” (Mt 1:19). Qabel ma kellmu Alla, qabel ma fehem x’ġara; l-istint tiegħu ta’ raġel bieżel, onest, integru, leali; u li tassew kien iħobb lil Marija ta’ Nazaret, li ġara x’ġara, jipproteġi lilha u lit-tarbija. Għax jekk joqtol lilha, se joqtol żewġ persuni, żewġ ħlejqiet: lilha u lit-tarbija. U jiddeċiedi li jiddefendihom u “jibgħatha bil-moħbi tan-nies” (Mt 1:19). Jeħlisha mill-kundanna tal-mewt u tat-tħaġġir. Daħħal f’rasu li jibgħatha bil-moħbi tan-nies. Jiddefendi l-fama u l-ħajja tagħha.

Kemm għandu x’jgħallimna Ġużeppi, waqt li nifhmu li bħala soċjetà għadna bżonn iżjed nippromwovu u niddefendu d-dinjità ta’ kulħadd, inkluż id-dinjità tal-mara. Kemm hu ta’ swied il-qalb, li l-postijiet tad-dinja, uħud mis-soċjetajiet, minflok jimxu ’l quddiem fuq din il-ħaġa, qegħdin imorru lura. Għaliex tifla f’ċerti pajjiżi fid-dinja ma tistax tmur l-iskola? Tfajla li titwaqqaf milli tkompli l-università? Għax mara! San Ġużepp, kellu mentalità differenti, quddiem il-mara ta’ mħabbtu. Fid-dilemma tiegħu ried isalvaha, isalva l-fama tagħha, l-integrità tagħha, u lill-wild li kienet qiegħda ġġorr. Għax jekk hemm xi ħadd li kien protettur tal-wild fil-ġuf tal-mara hu San Ġużepp. Li fid-deċiżjoni tiegħu, billi lill-għarusa tiegħu jibgħatha bil-moħbi tan-nies u ma joqtluhiex taħt id-daqqiet tal-ġebel, fehem li jsalva lilha u lill-wild tagħha, ġie kif ġie.

Kien Alla mbagħad li fehem lil San Ġużepp “li dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben u inti ssemmih Ġesù” (Mt 1:20-21). Jagħtih ukoll l-awtorità. Kull kelma, fil-messaġġ tal-anġlu hi importanti u għażiża. Mela din it-tarbija li għandha Marija, ġejja mill-Ispirtu s-Santu. Ma naħsibx, li Ġużeppi se jifhem x’sema’, imma jaf li almenu mhix fil-periklu. ‘Se jkollha iben’ u jingħata l-awtorità li jsemmih Ġesù. Għax li ssemmi t-tarbija hu rikonoxximent tal-paternità. U Ġużeppi jisseddaq bl-awtorità tiegħu fuq it-tifel. U l-anġlu lil Ġużeppi, mhux biss jafdalu lill-omm u lit-tifel, u jagħtih l-awtorità fuqhom; imma jiġi fdat ukoll bil-missjoni tat-tifel. Din ħafna drabi ma napprezzawhiex: li dan il-mastrudaxxa umli ta’ Nazaret, minn pajjiż minsi, jirċievi mill-bidu nett is-sigriet tal-missjoni ta’ dan it-tifel, tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. “Hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom” (Mt 1:21). Għalhekk l-isem Ġesù, ‘Yeshua’, Alla jsalva. Imma lil San Ġużepp, jingħatalu t-tagħrif, li din is-salvazzjoni hi savazzjoni konkreta ħafna, li aħna għandna bżonnha: “Hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom” (Mt 1:21).

Għaliex tifla f’ċerti pajjiżi fid-dinja ma tistax tmur l-iskola? Tfajla li titwaqqaf milli tkompli l-università? Għax mara!

Għalhekk ninterċedu lil San Ġużepp, nitolbu l-interċessjoni tiegħu, biex hu jfakkarna kontinwament fil-missjoni ta’ Ġesù għalina. Min hu Ġesù għalina? Hu dak li inti lest tiftaħ qalbek quddiemu biex isalvak mill-ħażen tiegħek, mill-egoiżmu tiegħek, mir-rabja tiegħek, mill-vizzji tiegħek, minn dnubietek. San Ġużepp hu l-ħarries tal-feddej għax hu wkoll afdat bl-identità vera ta’ Ġesù, mhux b’ismu biss jew imnejn ġej. Imma wkoll għal xiex ġie. Ġużeppi, li fl-Evanġelju, m’għandniex kelma waħda li qal, jagħmel biss – jisma’ u jagħmel.

Hu jobdi biex jiddefendi lil Ġesù. L-erba’ ħolmiet huma ħolmiet, li permezz tagħhom il-Mulej, kif jgħidilna l-Evanġelju ta’ San Mattew, lil Ġużeppi jindikalu x’hemm bżonn li jsir. Rari jgħidlu kif. Fl-ewwel ħolma jgħidlu ‘lqagħha’, imbagħad irranġa inti. Fit-tieni ħolma jgħidlu: ‘isma’ dan it-tifel qiegħed fil-periklu għax Erodi jrid joqtlu. Ara x’se tagħmel’. Billejl jaqbad u jmur lejn l-Eġittu. Imbagħad fl-Eġittu, bħala refuġjat ma’ martu u t-tarbija jirranġa hu bl-għaraq ta’ ġbinu. ‘Oqgħod hemm sakemm ngħidlek jien’. Imbagħad jgħidlu: irritorna għax min ried joqtol it-tarbija miet hu; u jirritorna (ara Mt 2:20).

Fl-aħħar ħolma jgħidlu: ‘ħu paċenzja tmurx il-Lhudija għax it-tifel ta’ dak li ried joqtlu gwapp daqs missieru. Mur Nazaret’. U jmur lura mnejn ġie – Nazaret. U dejjem jobdi San Ġużepp. Il-missjoni tiegħu ma kinitx faċli. L-esperjenza tiegħu, meta t-tifel kellu 12-il sena, u Ġesù għamel waħda tinkiteb, tant hu hekk, li kitibha San Luqa. U ntilef fit-tempju, u missieru u ommu għamlu tlett ijiem ifittxuh, b’qalbhom maqsuma (ara Lq 2:48).

Trid issib lil Ġesù? Fittxu fil-proxxmu. Ilqa’ lil ħuk, ilqa’ lill-proxxmu. Għax il-Mulej, dak kollu li tagħmel ta’ ġid, jgħoddu magħmul lilu nnifsu.

San Ġużepp hu l-patrun, flimkien ma’ omm Ġesù, ta’ kull wieħed u waħda minna, meta aħna nintilfu, meta l-Mulej ngħidulu: ‘Inti fejn qiegħed?’ Fejn qiegħed fil-mard tiegħi, fid-diffikultajiet tiegħi? Fejn qiegħed meta l-inġustizzja donnha tirrenja? Meta s-sewwa trid tfittxu bil-fanal fid-dawl tax-xemx. Fejn qiegħed? Anke Ġużeppi għadda mill-proċess tad-dlam, hu u jfittex lil Ġesù. Aħna nitolbu, li jkollna l-ferħa tiegħu; il-ferħa li nsibu lil Ġesù. U Ġesù malajr jagħtina r-risposta: “Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx, u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni” (Mt 25:35-36). U aħna ngħidulu: ‘Mulej, meta?’ “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Trid issib lil Ġesù? Fittxu fil-proxxmu. Ilqa’ lil ħuk, ilqa’ lill-proxxmu. Għax il-Mulej, dak kollu li tagħmel ta’ ġid, jgħoddu magħmul lilu nnifsu.

Il-Papa Franġisku għandu meditazzjoni sabiħa fuq din l-istedina li l-anġlu jagħmel lil Ġużeppi meta jilqa’ lil Marija b’martu u lil binha. U jinsisti, li Ġużeppi, waqt li qed jilqagħhom, qed jilqa’ lil kull wieħed u kull waħda minna. Għaliex fit-tifel, f’Ġesù, hemm il-proxxmu kollu tagħna, hemm jiena u int. Għalhekk, ġustament, San Ġużepp hu patrun universali tal-Knisja Kattolika.

Illum, nitolbu l-interċessjoni tiegħu għall-paċi fid-dinja. Nitolbu għall-interċessjoni tiegħu, biex fil-pajjiż fejn trabba, twieled, ħadem, għex, miet u għamel il-missjoni tiegħu, ikun hemm il-ġustizzja, il-paċi u s-solidarjetà. Tgħiduli, qed noħolmu? Anke Ġużeppi ħolom, għal darba, erba’ darbiet. U kien il-messaġġ tal-Mulej għalih: “Tibżax, ilqa’.”

Viva San Ġużepp!                   

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 2 Sam 7:4-5a,12-14a,16
Salm: 88:2-5,27,29
Qari II: Rum 4:13,16-18,22
L-Evanġelju: Mt 1:16,18-21,24a

Aktar ritratti