L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Inroddlok ħajr, għax tal-għaġeb għamiltni!” (Salm 138:14). Din l-espressjoni sabiħa mis-Salm 138, toqgħod tassew tajjeb fuq il-fomm ta’ Ġwanni l-Battista, fil-jum li fih niċċelebraw it-twelid tiegħu. Is-Sinjal li ngħata lil omm Ġesù, fit-tħabbira tal-anġlu, kienet li omm Ġwanni, Eliżabetta, kienet tqila; hi li kienet sterili, u ma setax ikollha tfal. U l-anġlu jgħid lil Marija: “Ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal” (Lk 1:37). Aħna għalhekk niċċelebraw it-Twelid ta’ Ġwanni, proprju f’dan il-mument, sitt xhur qabel il-Milied. Bħal-lum sitt xhur oħra jkun lejlet il-Milied. Anke biex nirrispettaw ftit il-kronoloġija li jħabbar l-anġlu Gabrijel lil Marija.

Nagħmlu tliet festi fis-sena, li fihom Ġwanni l-Battista hu l-protagonist. Is-soltu naħsbu fil-festa tal-lum, il-festa tat-twelid tiegħu, l-24 ta’ Ġunju; imsejħa wkoll San Ġwann tal-Ħġejjeġ għax tradizzjonalment kienu jsiru l-ħġejjeġ biex jiċċelebraw din il-festa kbira. U fid-29 ta’ Awwissu għandna l-festa tal-martirju tiegħu. Il-mument traġiku, meta Erodi, mxewwex mill-mara ta’ ħuh li ħadha għandu, jaqtalgħu rasu; għax it-tifla tagħha kienet talbitu dan il-ġest, dan ir-rigal: “Agħtini issa stess ras Ġwanni l-Battista fuq platt” (Mt 14:8); għax ommha hekk qaltilha. ‘X’se nitolbu lir-Re, talli żfint u għoġobtu?’ ‘Itolbu ras Ġwanni l-Battista fuq platt’.

Imma hemm festa oħra li nagħmlu, li fiha wkoll Ġwanni l-Battista hu l-protagonista, u din nagħmluha fil-31 ta’ Mejju, meta niċċelebraw il-laqgħa ta’ Eliżabetta tqila bi Ġwanni l-Battista ma’ Marija, tqila b’Ġesù, dik li aħna nsejħu l-festa tal-Viżitazzjoni. Huma erba’ ħlejqiet li jiltaqgħu għax l-ommijiet huma tqal b’uliedhom. Ġwanni l-Battista hu protagonist għax “malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf” (Lq 1:41) bil-ferħ. Allura, anke fil-ġuf, Ġwanni l-Battista jħoss il-preżenza ta’ Ġesù, u ommu tinterpreta r-reazzjoni tat-tarbija tagħha bħalha qabża bil-ferħ.

Ġwanni hu msejjaħ il-Prekursur, dak li għadda, mexa, ġera wkoll, qabel Ġesù; imma wkoll hu l-Battista. Dawn iż-żewġ titli ma nsibuhomx fiċ-ċertifikat tat-twelid tiegħu, mhux għax kien hemm. Zakkarija kiteb ismu. Ma nafx x’għamlu biha din il-kitba tiegħu. “Ismu huwa Ġwanni” (Lq 1:63); li jfisser – ‘Alla ħanin’. Mhux Żakkarija – ‘Alla jiftakar’; imma ‘Alla ħanin’. Fiċ-ċertifikat żgur li kellu ‘Ġwanni bin Żakkarija’. Imma aħna nsejħulu l-Battista għax kellu l-missjoni li jgħammed lil dak li tana l-magħmudija, li ssalvana minn dnubietna. Ġwanni l-Battista hu dak li jindika lil Ġesù bħala “l-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja” (Ġw 1:29). U l-kliem ta’ Ġwanni l-Battista, aħna niftakruh f’kull quddiesa; meta s-saċerdot jurina l-Ewkaristija, u jgħidilna: ‘Dan hu l-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnubiet tad-dinja’. Inkunu qed nirrepetu aħna saċerdoti, il-kliem li bih Ġwanni l-Battista, introduċa lil Ġesù lid-dixxipli tiegħu.

Ħafna drabi nbatu mill-marda tal-protagoniżmu – jien, jien, jien. U ninqdew ukoll bl-affarijiet ta’ Ġesù biex nidhru aħna. San Ġwanni l-Battista, bl-eżempju tiegħu, jippurifikana minn kull sens ta’ vanaglorja, ta’ protagoniżmu. Jikber Ġesù, niċkienu aħna.

Kelma oħra għażiża ta’ Ġwanni l-Battista li ġġagħlna nirriflettu hi: “Jeħtieġ jikber hu u niċkien jiena” (Ġw 3:30); meta jitkellem dwar Ġesù. L-umiltà kbira ta’ dan ir-raġel kbir fl-umiltà tiegħu. U Ġesù jgħid fuqu: “Tassew, ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista” (Mt 11:11). Din hi l-Kelma ta’ Ġesù; dan hu ċ-ċertifikat li Ġesù stess jagħti fuq Ġwanni l-Battista.

Ġwanni l-Battista jsejjaħ lilu nnifsu “l-ħabib tal-għarus” (Ġw 3:29); għax l-għarus hu Ġesù. U allura, jekk il-Mulej ġej biex jingħaqad magħna f’din il-festa ta’ mħabba, li hi t-tieġ tal-umanità mad-divinità; Ġwanni hu l-ħabib tal-għarus, “li jifraħ ħafna meta jisma’ leħen l-għarus” (Ġw 3:29).

Ejjew nitolbu l-interċessjoni tiegħu biex aħna nkunu l-ewwel nett bħalma kien hu; għax l-isem hu missjoni – messaġġiera tal-ħniena ta’ Alla. Imma ejjew niftakru li San Ġwann il-Battista ma kienx messaġġier irħis; ma raħħas l-ebda wieħed mill-kmandamenti ta’ Alla. Il-missjoni tiegħu kienet li jwassal il-ħniena imma fil-verità. Lil Erodi qallu ċar u tond, li l-mara li kellu ma kinitx tiegħu; u spiċċa bla ras minħabba f’hekk. Għalkemm il-missjoni tiegħu kienet li jintroduċi lil Ġesù, li jneħħi d-dnubiet tad-dinja, ma għamilx kompromess mal-verità. Kif ngħidu bl-Ingliż: He had the courage to speak truth to power. Kellu l-kuraġġ li quddiem il-kbar ta’ din id-dinja jgħid kelma ta’ verità. Jalla aħna nibqgħu nimitawh.

It-tieni ħaġa hi li aħna bħala Knisja, bħala poplu, hemm bżonn ngħożżu l-eżempju tiegħu, meta jgħid fuq Ġesù: “Jeħtieġ jikber hu u niċkien jiena” (Ġw 3:30). Ħafna drabi nbatu mill-marda tal-protagoniżmu – jien, jien, jien. U ninqdew ukoll bl-affarijiet ta’ Ġesù biex nidhru aħna. San Ġwanni l-Battista, bl-eżempju tiegħu jippurifikana minn kull sens ta’ vanaglorja, ta’ protagoniżmu. Jikber Ġesù, niċkienu aħna. Ejjew nitolbu l-interċessjoni tiegħu biex aħna nkunu tassew grati lejn il-Mulej għax għamel magħna tassew ħwejjeġ kbar. “Inroddlok ħajr għax tal-għaġeb għamiltni!” (Salm 138:14).        

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġob 38:1,8-11
Salm: 106(107):23-24,25-26,28-29,30-31
Qari II: 2 Kor 5:14-17
L-Evanġelju: Mk 4:35-41

Aktar ritratti