L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-Evanġelju li għadna kemm smajna jagħtina r-rakkont tal-aħħar tislima ta’ Ġesù lid-dixxipli tiegħu. Il-laqgħa ta’ dawn id-dixxipli kienet laqgħa ftit imħallta. Kif rawh, jgħidilna l-kapitlu 28 ta’ San Mattew, “inxteħtu quddiemu” (Mt 28:9) għalkemm xi wħud iddubitaw. Hi sitwazzjoni attwali ħafna.

Fil-laqgħa tagħna ma’ Ġesù fiċ-ċirkustanzi tal-ħajja mhux bilfors nagħrfuh mill-ewwel għaliex l-Irxoxt jiltaqa’ magħna fil-proxxmu tagħna. Ħafna drabi jkun mgħotti bi star, mgħotti b’ċirkustanzi li jġagħluna niddubutaw. Imma dan Ġesù? Forsi għaliex il-Mulej jiltaqa’ magħna b’mod sorprendenti f’sitwazzjonijiet li mhumiex komdi, li jpoġġuna f’diffikultà. Forsi f’ċirkustanzi li jistednuna nxammru l-kmiem u mmiddu għonqna għax-xogħol. Il-Mulej ma jiskandalizzax ruħu bid-dubji tagħna. Il-fiduċja tiegħu fina hi wkoll sinjal ta’ kemm se jkun magħna biex jgħinna. Ġesù jaf li l-kliem tiegħu huwa tassew minnu: “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 15:5). Naf kemm intom dgħajfin imma jiena magħkom. Jiena magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien.      

Inti tista’ tkun Nisrani u tiddisprezza l-ġisem? Tiddisprezza dak li ħalaq Alla u qal li hu tajjeb?      

Nimmaġina li dawn kienu s-sentimenti fil-qalb ta’ Duminku ta’ Guzman hu u jitlob il-Papa ta żmienu biex jagħtih il-permess jitlaq il-kanonikat ta’ Osma u jkun missjunarju itineranti. L-idea tiegħu kienet li jmur mal-ħabib tiegħu l-Isqof Diego ta’ Esevedo fl-Ewropa ta’ Fuq. Kienu għadhom ġejjin minn vjaġġ twil lejn id-Danimarka biex iwasslu l-għarusa tal-Prinċep, li nzertat mietet fit-triq.

Imma hu u jgħaddi minn Toulouse fin-Nofsinhar ta’ Franza raw il-ħerba ta’ ereżija sottili li b’xi mod għadha magħna wkoll. Imma raw ukoll il-bżonn li fl-Ewropa ta’ Fuq ikun hemm min ixandar il-Kelma tal-Mulej. Il-Papa qalilhom: ‘Le, le, le. Morru Toulouse u għamlu li tistgħu biex tagħtu risposta għal din l-ereżija tal-Katari jew l-Albeġiżi. Din x’kienet? Kienu grupp li kien qawwi ħafna, kellu mexxejjata’ eżempju kbir. Duminku ta’ Guzman baqa’ impressjonat bil-ħajja eżemplari ta’ dawn il-kapijiet ta’ din is-setta. Ma kienx bniedem li jwaħħal it-tikketti b’faċilità. Imma kellhom disprezz kbir lejn il-ġisem, lejn id-dinja materjali. U Duminku bit-tagħlim li kien ħa Palencia, mhux ’il bogħod minn Caleruega fejn twieled, kien jaf li jekk inti tiċħad dak kollu li Alla ħalaq u li hu tajjeb, ma tkunx qed tagħtih kumpliment lill-Mulej għaliex biex isalvana l-Iben ta’ Alla sar bniedem.

Qegħdin hawnhekk fi knisja Dumnikana ddedikata lill-misteru kbir tal-inkarnazzjoni, tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem għaliex dan hu li niċċelebraw fil-Lunzjata, fil-laqgħa tal-Anġlu Gabrijel ma’ Marija li jgħidilha: “Int se ssir omm bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Minnek jitwieled dak li għad ikun kbir. Issejjaħlu Ġesù li jfisser Salvatur, Alla jsalva” (ara Lq 1:31-32). U San Ġwann hu u jħabbrilna li: “Dawl idda fid-dlam” (Ġw 1:5) jgħidilna sentenza li aħna l-Maltin kellna x-xorti nitgħallmu mill-fomm ta’ San Ġorġ Preca: “Verbum Dei caro factum est,  l-Iben ta’ Alla sar bniedem” (Ġw 1:14) fl-aħħar. Inti tista’ tkun Nisrani u tiddisprezza l-ġisem? Tiddisprezza dak li ħalaq Alla u qal li hu tajjeb?      

Il-Katari kellhom din il-problema kbira. San Duminku fehem li r-risposta li ried jagħti ma kinitx risposta ta’ frugħa, ta’ arroganza imma tagħlim sod impoġġi b’mod qawwi imma b’umiltà u b’rispett. Kien jgħid li, pereżempju, il-faqar ma tiġġilidlux bil-frugħa, tirrispondi bil-faqar ukoll; l-umiltà tirrispondi għaliha bl-umiltà; it-tagħlim ħażin tirrispondi għalih bit-tagħlim tajjeb.

Aħna qegħdin f’dan l-istaġun sabiħ tal-liturġija li jwassalna lejn l-Għid il-Ħamsin, lejn il-mument meta d-dixxipli ta’ Ġesù jirċievu l-qawwa ixandruh fil-ftuħ, joħorġu mill-fosdqa ta’ biża’, ta’ insikurezza forsi anke ta’ disprezz tagħhom infushom u jsiru missjunarji. Din kienet ix-xewqa kbira ta’ Duminku, għalih u għall-familja li l-Mulej għażlu biex iwaqqaf.

Il-faqar ma tiġġilidlux bil-frugħa, tirrispondi bil-faqar ukoll; l-umiltà tirrispondi għaliha bl-umiltà; it-tagħlim ħażin tirrispondi għalih bit-tagħlim tajjeb.

Duminku kien bniedem ferrieħi. Meta Ġesù jitkellem ma’ Katarina ta’ Siena, mitt sena wara, ifakkarha f’din il-ħaġa dwar missierha San Duminku: kemm kien qrib ħafna, ix-xebh ta’ Duminku għal Ġesù stess, u kemm kien bniedem ta’ ferħ, ferħ li jiġbdek. Wara nimmaġina li kien fundatur li ma kontx issibha diffiċli tissieħeb miegħu.     

It-talba tagħna llum f’dan l-ewwel Tlieta ta’ San Duminku f’din is-sena, li fiha qegħdin infakkru anniversarju importanti tal-mewt ta’ San Duminku li miet fis-6 ta Awwissu 1221 – 800 sena ilu; it-talba tagħna hi li aħna nifhmu li dak kollu li ħalaq Alla hu tajjeb, li jekk aħna se niddjalogaw, se nirrispettaw ħafna ’l xulxin. U fil-qalb tagħna nitolbu lill-Ispirtu s-Santu jsawwab fina l-ferħ ta’ min jemmen li l-Mulej hu dejjem magħna u li għalkemm jifhem li ngħaddu minn mumenti ta’ diffikultà u ta’ dubji, għandu fiduċja kbira fina li aħna nwasslu dan il-messaġġ illum.   

Kieku Duminku kellu jkellimna llum x’jgħidilna? Nippruvaw nistaqsuha din il-mistoqsija f’din is-sena partikalari. Żgur jistedinna nkunu qrib ħafna ta’ Ġesù. Hu li kien jgħaddi ljieli jgħidilna l-kronaki jibki, dik l-unjoni mal-maħbub ta’ qalbu, ma’ Ġesù. Jgħallimna li inti ma tistax titkellem jekk il-kelma ma tfurx mill-qalb, il-qalb mimlija bil-kontemplazzjoni ta’ Ġesù l-maħbub. Aħna meta Ġesù jgħidilna: “Tħobbni int?” X’se ngħidulu? Forsi nriegħxu minħabba d-dnubiet tagħna, id-dgħufija tagħna. M’għandniex naqtgħu qalbna. “Sinjur, inti taf, inti taf li jiena nħobbok” (ara Ġw 21:17).  

Duminku kien jemmen li lkoll kemm aħna persuni uniċi maħluqin fuq ix-xbieha ta’ Alla, li hu mħabba, u, għal dan il-għatx għall-imħabba, wieġeb skont iċ-ċikustanzi ta’ żmienu.

U Duminku wkoll jgħallimna li dan il-ferħ ma nistgħux inżommuh għalina. Il-Papa jħobb jirrepeti li l-Mulej se jgħin lill-proxxmu permezz tagħna. Ma nistax inħares jiena wara dahri ngħid: ‘hemm xi ħaddieħor forsi, jiġi hu’. Il-Mulej forsi jpoġġik f’ċirkustanzi fejn għandek il-kapaċità u l-okkażjoni tagħmel il-ġid. Il-Mulej se jagħmel il-ġid fid-dinja permezz tiegħek, inti min inti, mill-kbir saż-żgħir. Duminku ħalla kollox u fil-missjoni tiegħu għamel ġid kbir. Kien promotur tat-tagħlim vera tad-dinjità tal-persuna umana, tad-dinjità tal-ġisem tal-bniedem, id-dinjità taż-żwieġ qaddis, il-lealtà lejn il-Papa, imma tgħallem ukoll mill-avversarju tiegħu.    

Din ħaġa li tolqotni ħafna. Duminku kellu s-sens u l-umiltà jitgħallem mill-avversarju tiegħu; ra fihom nies li mhumiex interessati fil-poter u l-flus. Aħna rridu nkunu hekk, irridu nitgħallmu, imma lill-poplu mbagħad irridu nagħtuh it-tagħlim vera, it-tagħlim li jirrispetta d-dinjità ta’ kull bniedem. Il-Katari tant kienu jiddisprezzaw il-ġisem li lanqas kienu jemmnu li l-ġisem iqum fil-qawmien mill-imwiet. Jgħidu r-ruħ imbagħad tmur f’ġisem ieħor, xi ħaġa li għadha magħna sal-lum f’ċerti kulturi. Duminku ġġilidha din il-ħaġa, għaliex? Għax Duminku kien jemmen li lkoll kemm aħna, persuni uniċi maħluqin fuq ix-xbieha ta’ Alla, li hu mħabba, u, għal dan il-għatx għall-imħabba, wieġeb skont iċ-ċikustanzi ta’ żmienu.

Kull min għandu għatx għall-imħabba jirrispondi għan-natura tiegħu għax aħna maħluqin fix-xbieha ta’ Alla. Għandna għatx biex iħobbna xi ħadd u nsibu l-milja tagħna meta ningħataw f’għotja ta’ mħabba. Nitolbu bl-interċessjoni ta’ San Duminku u nitgħallmu minnu biex fiċ-ċirkustanzi li Alla jpoġġina fihom, naqdu l-missjoni tagħna u naħdmu biex mhux biss bil-kliem imma wkoll bl-eżempju nitħabtu u nistinkaw biex id-dinjità ta’ kull bniedem tkun irrispettata dejjem għaliex Ġesù stess jgħidilna: “Dak li tagħmlu mal-iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 4:32-35
Salm: 96, 1-3, 7-8a. 10
Evanġelju: Mt 28:16-20

More Photos >>