L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Fid-dawl tal-ħajja ta’ Santu Wistin, nixtieq insemmi tliet punti ta’ riflessjoni li narahom jgħoddu ħafna għalina, speċjalment għalina li kkonsagrajna ruħna lil Alla.
Nafdaw fil-ħniena ta’ Alla
L-ewwel nett, insemmi dik it-talba sabiħa u tant magħrufa li għamel Santu Wistin fl-Istqarrijiet li tibda “Kemm ħabbejtek tard!”. Hija talba li tesprimi l-istorja tal-ħajja tiegħu, imma mbagħad meta tkompli taqra iktar ’l isfel f’dik il-parti tal-Istqarrijiet ta’ Santu Wistin, hu jgħid li t-tama tiegħu hi mibnija fuq il-ħniena immensa ta’ Alla. Fuq hemm isserraħ it-tama tiegħu. Santu Wistin hu eżempju kif qatt ma għandna naqtgħu qalbna mill-ħniena ta’ Alla. Hu għex tant snin ifittex lil Alla, imma fl-istess waqt il-ħajja tiegħu kienet ħafna drabi waħda mqallba.
Imma waqt li hu kien qed ifittex lil Alla, Alla kien qed ifittex lilu. Dik tfisser meta aħna ngħidu li nafdaw fil-ħniena ta’ Alla. Alla lilna jħobbna, Alla lilna jfittixna. Hu aħna li kultant naqtgħu qalbna minna nfusna, mhux Alla li jaqta’ qalbu minna. U l-eżempju sabiħ ta’ Santu Wistin li tgħammed ta’ kważi 33 sena, u mbagħad beda jgħix tassew viċin ta’ Alla, hu ta’ dawl għalina wkoll biex fil-mixja tal-ħajja tagħna qatt ma naqtgħu qalbna meta nħarsu lejn in-nuqqasijiet, id-difetti, l-iżbalji tagħna. Irridu nkunu konxji tagħhom, imma ma niqfux fihom. Ħarsitna niffissawha fuq il-ħniena ta’ Alla li toħroġna minnhom. Santu Wistin għadda minn din l-esperjenza sabiħa li l-ħniena ta’ Alla ħarġitu mis-sitwazzjoni tal-ħajja tiegħu u tagħtu tassew it-tama. F’ħajjitna għandna dejjem nitolbu lil Alla biex hu jmexxina, hu jippurifikana, inaddafna mill-iżbalji u mill-ħażen tagħna biex inkunu dejjem aktar nogħġbuh.
Ma niqfux f’dak li hu sabiħ imma naslu għand is-Sabiħ
It-tieni punt li nixtieq insemmi hi t-talba li tesprimi l-ħajja tiegħu: “Agħmel li nsibuk, għax qabel ma nsibuk ma nistriħux. Fik biss tinsab l-hena u l-mistrieħ tagħna. Int għamiltna għalik, O Alla, u qalbna ma ssib qatt kwiet jekk ma tistrieħx fik.” Santu Wistin din jgħidha wkoll b’mod differenti bnadi oħra. Speċjalment meta jgħid “Kemm ħabbejtek tard”, jispjega għaliex: int kont fija, u jien fittixtek barra minni. Waqaft fil-ħlejjaq flok wasalt għandek; waqaft f’dak li hu sabiħ flok wasalt għand is-Sabiħ.
Waqt li Santu Wistin kien qed ifittex lil Alla, Alla kien qed ifittex lilu. Dik tfisser meta aħna ngħidu li nafdaw fil-ħniena ta’ Alla. Alla lilna jħobbna, Alla lilna jfittixna.
Din hi dawl għalina, għall-ħajja tagħna, aħna li kkonsagrajna ruħna lil Alla. It-tentazzjoni kultant hi li nieqfu f’ħidmiet tagħna li huma tajbin, li huma sbieħ, imma ma naslux għand il-Mulej għax nieqfu fihom. Flok iwassluna għand il-Mulej, joħolqulna qisu ostaklu, għaliex qalbna tintrabat ma’ xi ħaġa sabiħa flok ma’ Alla li hu s-Sabiħ. Din tiġri meta qalbna tintrabat ma’ persuna, ma’ ħidma, ma’ xi ħaġa li hi sabiħa fiha nfisha. Imma jekk qalbna tintrabat hemm, ma tħallix il-post għal Alla li hu s-Sabiħ u li miegħu għandna nintrabtu. Kultant din tiġri anke fil-ħajja tagħna flimkien, anke fil-ħajja tal-familja, bħalma intom familja wkoll. Ikun hemm xi affarijiet li int assenjata li tagħmilhom u tixtieq tagħmilhom tajjeb, imma trid toqgħod attenta li ma torbotx qalbek magħhom. Il-mument li hemm bżonn timxi għal ħaġa oħra, li hemm bżonn li ma tkunx tiegħek dil-ħaġa imma tkun ta’ kulħadd, tinduna li l-qalb ma għandhiex tintrabat ma’ xi ħaġa, jew ma’ xi ħadd, ma’ persuna li tieħu post il-qalb li tintrabat ma’ Alla. Għalhekk it-talba hi tant sabiħa u tant vera: “għax qabel ma nsibuk ma nistriħux”. Jibqa’ l-vojt, u dak il-vojt li Alla biss jista’ jimlieh. Ħadd ħlief Alla.
Nakkumpanjaw lill-oħrajn skont il-pass tagħhom
It-tielet punt li nixtieq insemmi hu dan u jolqot mhux biss lilna personalment imma l-ministeru tagħna, il-mod kif naqdu l-appostolat tagħna. Kemm hu importanti li jkollna quddiemna l-istil ta’ kif Alla jaħdem fil-ħajja tagħna u dan ikun ukoll l-istil ta’ kif aħna naħdmu mal-oħrajn. B’liema mod? Jekk Alla kapaċi jistenna, jien li m’iniex kapaċi nistenna? Jekk Alla jgħinna nikbru bil-mod il-mod, b’ħafna paċenzja, anke aħna mal-oħrajn hekk għandna nagħmlu. Għandna naħdmu, nirsistu, ngħinu, nakkumpanjaw; imma l-akkumpanjament ifisser akkumpanjament bil-pass li int kieku tixtiequ aktar mgħaġġel, imma kull persuna għandha storja għaliha; għalhekk akkumpanjament biex il-persuna tersaq lejn Alla bil-pass tagħha. Aħna ngħinuna, insostnuha. Hekk għamlet Santa Monika lil binha għal tant snin bit-talb tagħha.
Man-nies għandna bżonn dan l-akkumpanjament li jirrispetta l-pass tagħhom imma jkun fl-istess waqt akkumpanjament ta’ appoġġ, ta’ sostenn, biex il-persuni jersqu lejn Alla. Hawn min isibu kmieni lil Alla, hawn min bħal Santu Wistin isibu iktar tard, forsi bħalu jgħid “kemm ħabbejtek tard!” Alla jirrispetta dan il-pass. Hu jridna li fl-appostolat tagħna wkoll nakkumpanjaw lin-nies b’dal-mod. Hekk inkunu tassew, kif smajna fl-Evanġelju ta’ San Ġwann illum, nixbhu lir-Ragħaj li jieħu tant paċenzja, inkunu dawk li ngħinu lin-nies biex ikollhom il-ħajja u l-ħajja bil-kotra.
Nitlob lil Santu Wistin biex ikompli jkun ta’ ispirazzjoni għalina lkoll, kemm għall-ħajja tagħna personali, għall-vokazzjoni tagħna, skont is-sejħa li Alla għamlilna, kif ukoll fil-qadi tal-ministeru tagħna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju