• L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi


  • Il-Kunvent tal-Ulied il-Qalb ta’ Ġesù, Fleur-de-Lys

    7 ta’ Lulju 2019

    Waħda mill-karatteristiċi sbieħ ta’ Papa Franġisku hi l-enfasi fuq il-ferħ. Araw tlieta mid-dokumenti prinċipali tiegħu: Il-Ferħ tal-Evanġelju; Il-Ferħ tal-Imħabba; Ifirħu u Thennew. Hemm din in-nota kontinwa ta’ ferħ.

    Hi wkoll in-nota dominanti fil-Kelma ta’ Alla llum: l-istedina biex nifirħu, nithennew, naqbżu bil-ferħ fil-profeta Iżaija, is-sejħa fis-Salm biex ngħajtu bil-ferħ, u fl-Evanġelju meta Ġesù jfisser lit-72 li kien bagħat b’missjoni r-raġuni għalfejn għandhom jifirħu: “Għax ismijietkom miktuba fis-smewwiet”.


    Grazzi bil-ferħ

    Din hi l-esperjenza tagħna llum fiċ-ċelebrazzjoni tal-50 sena ta’ ħajja reliġjuża ta’ ħames sorijiet u tal-25 sena ta’ soru tal-Kongregazzjoni Ulied il-Qalb ta’ Ġesù. Qed ngħidu lil Alla grazzi bil-ferħ għal dawn is-snin kollha ta’ ħajja reliġjuża. Aħna grati lejh, għax kull ġid huwa minnu.  Nirringrazzjaw lilhom ukoll bil-qalb, għeżież reliġjużi, tal-fedeltà f’din il-missjoni li għaliha sejħilhom Alla, talli għextu b’dedikazzjoni sħiħa l-vokazzjoni tagħkom. Grazzi lil dawk kollha li kienu ta’ għajnuna lilkom tul dawn is-snin.

    Illum nixtieq nistieden lilkom ilkoll biex nirriflettu fuq dan il-ferħ li l-Mulej irid li jkollna, hi x’inhi s-sejħa li jagħmlilna.


    Ferħana għax maħbuba minn Alla

    Fil-bidu nett ta’ Il-Ferħ tal-Evanġelju, fl-ewwel sentenza, il-Papa Franġisku jispjega b’mod sabiħ ħafna: “Il-ferħ tal-Evanġelju jimla l-qalb u l-ħajja kollha ta’ dawk li jiltaqgħu ma’ Ġesù.  Dawk li jħallu lilu jsalvahom, jinħelsu mid-dnub, min-niket, mill-vojt ġewwieni, mill-iżolament.  Ma’ Ġesù Kristu dejjem jitwieled u jerġa’ jitwieled mill-ġdid il-ferħ.”

    Dan hu l-ferħ li jkollna f’qalbna għax aħna maħbuba minn Alla. Il-laqgħa ma’ Ġesù ħaj twassalna biex inħossu fina din l-imħabba li tagħmilna nies ferħana. Il-Papa jagħmlilna stedina biex aħna lkoll nidħlu f’din ix-xmara ta’ ferħ u biex l-evanġelizzazzjoni tkun immarkata minn dan il-ferħ.

    Il-ferħ f’qalbna ma jfissirx li ma ngħaddux minn żmien iebes, diffiċli, u minn problemi kultant kbar fil-mixja tagħna tal-ħajja. Jien kelli l-okkażjoni li niltaqa’ ma’ diversi familji li kellhom u għandhom esperjenza iebsa ħafna tat-tbatija u nifhem kemm tkun diffiċli l-ħajja għalihom. Kultant f’mumenti bħal dawn, l-aħjar li tagħmel hu li tiskot u tieqaf fil-kwiet, u turi s-solidarjetà ma’ min qed ibati, u din l-imħabba tkun ta’ appoġġ u għajnuna kbira.


    Ferħ differenti minn kif ġieli nifhmuh

    Nixtieq li nagħrfu b’mod ċar dak li jgħidilna Ġesù. Il-ferħ li jagħtina hu mhuwiex l-istess bħalma ġieli nifhmuh aħna. Mhuwiex it-tip ta’ ferħ li nħossuh għax l-affarijiet sejrin tajjeb jew għax inqisuna rebbieħa. Mhuwiex it-tip ta’ allegrija li tisma’ fl-għajta “ma tagħmlu xejn mal-banda tagħna, mal-festa tagħna, mal-partit tagħna, jew mal-bażilka tagħna.”

    Mhuwiex ferħ li jiddependi mill-oħrajn, minn ta’ madwarna. Kultant fil-ħajja reliġjuża jista’ jkollok l-impressjoni żbaljata li l-ferħ tal-Mulej jiġi jekk għandek miegħek soru simpatika, u ma jkollokx ferħ jekk ikollok soru antipatika.

    Il-ferħ li jagħtina l-Mulej f’qalbna hu ferħ li hu frott tal-imħabba tiegħu. Ġej miċ-ċertezza li aħna maħbuba minn Alla, u dan iġib f’qalbna l-ġmiel, is-serenità, il-ferħ. Jekk ikollna dan il-ferħ f’qalbna, aħna wkoll insiru strumenti tal-ferħ tal-Mulej madwarna, mal-oħrajn li magħhom ngħixu u niltaqgħu.


    Inwasslu l-ferħ ġenwin

    Jekk f’qalbna jkun hemm il-bitterness, id-dwejjaq, b’mod naturali dan inxerrduh madwarna. Jekk aħna nħallu l-qtigħ il-qalb jegħlibna, u nkunu pessimisti u mnikktin, imbagħad dan hu li nxerrdu madwarna. Inkunu qegħdin inxerrdu l-aħbarijiet il-ħżiena, li minnhom hawn ħafna, flok l-Aħbar it-Tajba li l-Mulej bagħatna nxandru.

    It-talba li nixtieq nagħmel għalikom, għeżież reliġjużi li qed tiċċelebraw illum dan l-anniversarju importanti, kif ukoll għalikom ilkoll li qed tissieħbu magħhom u għalina preżenti għal din l-Ewkaristija: nitlob li jkollna din l-esperjenza tal-ferħ li ġejja mil-laqgħa tagħna mal-Mulej, il-ferħ għax ismijietna miktuba fis-smewwiet; u nitlob li dan jgħinna biex inkunu evanġelizzaturi mmarkati b’ferħ ġenwin li nwassluh lil kull min niltaqgħu miegħu.

    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju