L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Xerrdu l-ferħ minn qlubkom hienja”. Dan hu l-bidu tal-Innu popolari lil San Gejtanu, u żgur li jesprimi dak li tħossu issa li San Gejtanu reġa’ lura f’daru, hawnhekk fil-knisja Arċipretali ddedikata lilu, il-Ħamrun.
Imma kien dan il-ferħ ukoll li ħafna ħassew f’din l-esperjenza speċjali, unika, li l-vara ta’ San Gejtanu ħalliet il-Ħamrun biex tmur Ruma fl-okkażjoni tal-ħames ċentinarju tal-professjoni solenni ta’ San Gejtanu minn Thiene u l-ewwel imsieħba tiegħu, it-Teatini, li kienet saret fil-Bażilka ta’ San Pietru, il-Vatikan, nhar l-14 ta’ Settembru, 1524. Hija esperjenza li żgur ma jinsewhiex dawk li kienu Ruma u dawk li kellhom l-opportunità li jaraw il-vara kemm fil-Bażilka ta’ San Andrea della Valle kif ukoll fil-Bażilka ta’ San Pietru. Żgur li d-devoti kollha ta’ San Gejtanu għandhom gratitudni kbira lejn dawk li ħadmu biex dan l-avveniment seta’ jseħħ.
Filwaqt li llum nifirħu wara din l-esperjenza u nirringrazzjaw lill-Mulej, nixtieq li naħsbu ftit x’jgħallimna San Gejtanu fuq kif nistgħu llum inxerrdu l-ferħ.
L-għajn tal-ferħ veru
Qabel xejn, San Gejtanu jeħodna fl-għajn tal-ferħ veru. Jgħallimna nfittxu l-ewwel is-Saltna ta’ Alla, kif smajna fl-Evanġelju llum. San Gejtanu kien bniedem ta’ fiduċja kbira f’Alla, li mexxietu tul ħajtu kollha. Għax kellu din il-fiduċja f’Alla, ħa ħafna inizjattiva għall-ġid tal-bniedem. It-talb kien għalih l-għajn li minnha jixrob u li permezz tagħha jissaħħaħ f’din il-fiduċja.
Kellu mħabba kbira lejn l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem fil-mument tal-bidu – għalhekk l-imħabba lejn il-presepju; u fil-mument meta Ġesù qed jagħti ħajtu fuq is-salib – għalhekk l-imħabba lejn il-kurċifiss. Kellu din il-fiduċja f’Alla li hu ried iwassal lil kulħadd. Għalhekk kien jemmen fil-provvidenza ta’ Alla, u bħala qaddis jibqa’ dejjem ifakkarna fil-provvidenza ta’ Alla. Kif jitkanta fl-Innu popolari: “Int ħabbejt fuq kollox ’l Alla, u batejt bil-qalb għalih’, u “Lilu xtaqt maħbub mill-kotra, ħdimt għalih bla taf mistrieħ“.
Il-ferħ fit-tiġdid
San Gejtanu jurina li nxerrdu l-ferħ meta naħdmu għat-tiġdid veru, kif semma l-Papa Franġisku fid-diskors tiegħu lit-Teatini. San Gejtanu kien bniedem li ġab riforma kbira fil-Knisja, speċjalment fejn jidħol il-kleru. Għalhekk waqqaf il-Kongregazzjoni tat-Teatini, li l-ewwel għan tagħha kien il-qdusija tal-kleru u t-tiġdid fil-ħajja tal-kleru.
Imma San Gejtanu wriena x’jiġifieri tkun riformatur kif irid il-Mulej. Jiġifieri, li l-ewwel mhijiex il-kelma imma hija x-xhieda. Għalhekk is-saċerdoti tal-Kongregazzjoni ma kinux jitkellmu biss fuq dak li jixtiequ jaraw, imma juruha bix-xhieda tagħhom. Hekk issir ir-riforma l-ewwel, billi int stess tagħti xhieda. U San Gejtanu wkoll għamel riforma minn ġewwa. Għalih, il-Knisja kienet il-familja tiegħu, li dejjem riedha aħjar. Meta ra l-ħażin, ma kienx isawwat il-Knisja, jitkellem fuqha qisu hu li jiġġudikaha jew jikkundannaha, imma kien jgħin biex tkun ippurifikata. Kien jemmen li hi l-qdusija li ġġib il-vera bidla fil-ħajja tal-Knisja. Ħadem ukoll għat-tiġdid bl-umiltà, mhux billi qiegħed lilu nnifsu bħala protagonista imma billi dejjem iqiegħed lil Alla fiċ-ċentru.
Il-ferħ fl-imħabba lejn dawk fil-bżonn
San Gejtanu jurina li nxerrdu l-ferħ meta nfittxu li ngħinu b’imħabba kbira l-fqar u l-morda, u dawk li qed ibatu. Kienet l-istess imħabba lejn Alla li kienet twasslu lejn dawk li huma fil-bżonn, kif għamel bil-kura tal-morda, bil-bini ta’ sptarijiet, u bl-attenzjoni għall-fqar; kif għamel ukoll bl-inizjattiva ta’ bank li jista’ jsellef il-flus lill-fqar, il-Monte di Pietà oriġinali f’Napli.
Dawn kollha kienu inizjattivi ta’ ġid kbir għas-soċjetà u speċjalment għal dawk li kienu l-aktar fil-bżonn. Kif inkantaw fl-Innu Popolari: “Qalb il-foqra, qalb il-mord, xħett il-hena tas-smewwiet. Imlejt qalbhom b’dawl il-faraġ, b’sabar kbir u bit-tamiet’.
Dak li jfixkel il-ferħ
Illum nixtieq inħeġġiġkom biex tkunu dawk li xxerrdu l-ferħ matul is-sena kollha fil-Ħamrun u f’Malta – il-ferħ veru, il-ferħ li jagħtina Ġesu f’qalbna, il-ferħ li kellu San Gejtanu. L-appell tiegħi jmur ukoll biex żmien il-festa fil-Ħamrun ikun jixbah dejjem, f’kull aspett tagħha, il-festa sabiħa li kien hemm fil-Vatikan. Hemmhekk kien kollox dekoruż, sabiħ, b’devozzjoni u mħabba vera lejn il-qaddis.
Aħna u nħarsu lejn il-ġrajja tal-Vatikan ma nistgħux ma nintebhux kemm ikun ikrah meta hawnhekk fi Strada Rjali fil-ġranet tal-festa jkun hemm folla nies ikantaw b’mod li joffendu ma’ marċ li fih innifsu hu marċ sabiħ, intenzjonat biex iferraħ. Dan tajjeb li aħna ngħiduh illum, għax meta jkun hemm kant tal-mistħija jkun ta’ skandlu għat-tfal preżenti li jkunu hemm jifirħu. U jekk ngħidu li din hi ħaġa normali, l-agħar hu meta l-vulgarità ssir in-normalità.
Nistedinkom ilkoll biex niddefendu lil San Gejtanu minn dawk li jwaqqgħuh għaż-żufjett meta jsir dal-kant fil-festa tiegħu. Min għandu fuq spallejh ir-responsabbiltà li jwaqqaf dan l-abbuż, ma għandux jorbot idejh u jibqa’ qisu mhu qed jisma’ xejn, imma għandu jerfa’ din ir-responsabbiltà! San Gejtanu kien bniedem li ħadem għar-riforma u għall-purifikazzjoni minn ġewwa, u aħna rridu nixbħuh f’dan, fiċ-ċelebrazzjoni tal-istess festa tiegħu.
Ispirazzjoni
L-esperjenza ta’ San Gejtanu fil-Vatikan tibqa’ mnaqqxa fl-Istorja ta’ din il-parroċċa. Żgur jibqa’ stampat fil-moħħ u fil-qalb ir-ritratt tal-Papa Franġisku jitlob b’devozzjoni quddiem l-istatwa ta’ San Gejtanu, hu li ġej mill-Arġentina fejn hemm devozzjoni kbira lejn dan il-qaddis. Ħa noqogħdu quddiem San Gejtanu bl-istess qima tal-Papa Franġisku, u nitolbuh biex ikompli jkun ta’ ispirazzjoni u ta’ barka għall-ħajja tagħna, u jgħinna tassew inxerrdu l-ferħ. Nitolbuh għal din il-parroċċa għażiża ddedikata lilu, għall-Ħamrun kollu, u għall-Knisja biex ilkoll naraw fih tassew ispirazzjoni sabiħa. Nitolbuh jidħol għall-familji tagħna, speċjalment għall-morda tagħna u dawk li għaddejjin mit-tbatija. Għalhekk nixtieq li nitolbu llum lil San Gejtanu bil-kliem sabiħ tal-Innu tiegħu: “O Gejtanu, ibqa’ magħna, biex tgħallimna lkoll nixbhuk, fil-qdusija u fl-imħabba, O Missier aħna nħobbuk”.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta