-
-
****
Direttur: Tom McCarthy
Atturi: Mark Ruffalo, Michael Keaton, Rachel McAdams
Ħin: 128 minuti
Maħruġ minn KRS Releasing Limited
Klassifika tal-Gvern: 15
Klassifika tal-Knisja: 18
Fl-2001 wasal editur ġdid, Marty Baron, għal-gazzetta prominenti The Boston Globe, li ma’ segħtax jifhem kif il-gazzetta tiegħu kien għadha tat ftit importanza lil abbużi sesswali mill-qassisnin li kienu bdew jitfaċċaw. Għalhekk huwa jqabbad lit-tim ‘Spotlight’ tal-gazzetta, li kien jispeċjaliżża fl-investigazzjoni fil-fond ta’ stejjer lokali, biex jinvestiga din il-ħaġa. It-tim ‘Spotlight’ ta’ The Boston Globe, kien jikkonsisti mill-editur, Walter ‘Robby’ Robinson, u r-reporters Mike Rezendes, Sacha Pfeiffer, u Matt Carroll, u bdew jinvestigaw allegazzjonijiet ta’ ħabi ta’ abbużi sesswali mill-Knisja Kattolika fl-Aċidjoċesi ta’ Boston, l-Istati Uniti. Għall-ewwel kienu jafu b’għadd żgħir ta’ każijiet, iżda malajr il-każijiet li bdew jinvestigaw kibru minn 4 għal 13 u mbagħad saru 90 każ. Wara li damu xhur sħaħ isegwu kull ħjiel li jsiru jafu bih, u jintervistaw lil vittmi u avukati, kmieni fl-2002 ippubblikaw dak li sabu, mhux biss l-għadd kbir ta’ abbużi sesswali mill-qassisin iżda wkoll l-isforzi kbar li saru mill-Knisja f’Boston biex taħbi dawn il-każi. Ir-rapport ta’ The Boston Globe ta bidu għal mewġa ta’ investigazzjonijiet madwar l-Istati Uniti kollha u mad-dinja kollha.
Film drammatiku investigattiv, fuq l-istil ta’ All the President’s Men. Huwa film interessanti u bilanċjat, li jiffoka l-aktar fuq il-ġurnalisti u d-diffikultajiet kbar li jħabbtu wiċċhom magħhom biex jagħmlu x-xogħol tagħhom. Il-film jittratta temi maturi u fih kliem goff u ħażin. Jgħodd għal udjenza adulta.