a) Preskrizzjonijiet Reliġjużi u Morali

Meta taħsdu l-ħsad ta’ artkom, tibqax sejjer taħsad sa tarf il-għalqa, u lanqas ma għandek tlaqqat li jaqa’ mill-ħsad tiegħek.

Ma għandikx taqta’ l-frott kollu tad-dwieli tiegħek, u la tlaqqatx li jaqa’ fl-art; ħallih għall-fqir u għall-barrani – Jien hu l-Mulej Alla tagħkom.

La tisirqux, la tgħidux kliem b’ieħor, la tqarrqux b’xulxin.

La taħilfux b’ismi fil-gideb, lanqas ma għandek iżżeblaħ lil isem Alla tiegħek: jiena hu l-Mulej.

La taħqarx lil għajrek, u lanqas tisirqu; il-ħlas tal-ħaddiem mikri ma jibqax għandek sa filgħodu.

La tisħetx lit-trux, u la tqegħidx tfixkil quddiem l-agħma; imma tibża’ minn Alla tiegħek: jiena hu l-Mulej.

La tgħawwiġx fil-ħaqq li tagħmel; la tħarisx lejn wiċċ il-fqir; lanqas ma tweġġah lill-kbir għal wiċċu; imma tagħmel ħaqq mill-proxxmu tiegħek fis-sewwa.

Tmurx  ixxerred qlajja’ fuq niesek, u tqumx kontra demm għajrek: jiena hu l-Mulej.

La tbejjitx ‘l ħuk f’qalbek, imma lil għajrek wissih u erġa’ wissih, biex ma tkunx ħati tiegħu.

La titħallasx b’idejk, u la żżommx f’qalbek għal ulied niesek, imma ħobb lil għajrek bħalek innifsek: jiena hu l-Mulej.

Lev 19, 9-18


b) Agħmel il-Karità

Mill-ġid li jkollok agħmel il-karità, u qatt tagħti b’nofs qalb. Iddawwarx ħarstek mill-ebda fqir, biex ma titwarrabx minnek il-ħarsa ta’ Alla. ġib ruħek skond ma jkollok; jekk il-ftit, tibżax tagħti l-karità mill-ftit li tista’. B’hekk tkun qiegħed taħżen teżor kbir għalik għal żmien il-bżonn. Il-karità teħles lil dak li jkun mill-mewt u ma tħallihx jinqabad fid-dlam. Il-karità għal min jagħmilha hi offerta togħġob lil Alla l-Għoli.

Aħjar it-talb bil-qalb, u l-karità bis-sewwa, mill-għana bid-dnewwa. Aħjar tagħti l-karità, milli taħżen id-deheb.

Tob 4, 7-11; 12, 8

c) Is-Sawm tassew

Jaqaw mhux dan is-sawm li jiena rrid, jiġifieri, li tħoll l-irbit tal-ħażen, u tqaċċat ix-xkiel tal-madmad, li tibgħat ħielsa l-maħqurin, u tkisser kull madmad? Mhux li taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ, u ddaħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf? Mhux li tlibbes lil min hu għarwien, u n-nies ta’ darek ma tinsihomx?

Imbagħad ifiġġ bħaż-żerniq id-dawl tiegħek, u malajr tagħlaqlek il-ġerħa tiegħek. Quddiemek timxi l-ġustizzja tiegħek, u l-glorja tal-Mulej timxi warajk. Jekk biss issejjaħlu, iwieġeb il-Mulej; jekk tgħajjatlu, jgħidlek: ‘Hawn jien’. Jekk tneħħi minn nofsok il-moħqrija, ma tmiddx sebgħek u ma tagħmilx deni b’ilsienek.

Is. 58, 6-9

d) Ħenn għal l-Imsejknin

“Għalhekk, sultan, ilqa’ l-parir tiegħi: infatam minn ħtijietek b’għemejjel tajba, u minn ħżunitek, billi tħenn għal l-imsejknin; żgur jitwal għalik żmien ir-risq.”

Dan 4, 24


e) L-Elemożina

“Qisu li l-għemil tajjeb tagħkom ma tagħmluhx għal wiċċ in-nies biex tidhru quddiemhom, għax inkella ma jkollkomx ħlas minn għand Missierkom li hu fis-smewwiet.

Mela meta tagħmel karità, tmurx iddoqq it-trombi quddiemek, kif jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor fis-sinagogi u fit-triqat biex in-nies tfaħħarhom. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħkom ġa ħaduh. Iżda int, meta tagħmel karità, idek ix-xellugija ma għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija, biex hekk il-karità tiegħek issir fil-moħbi, u Missierek, li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu.”

Mt 6, 1-4

f) Hena vera u Hena qarrieq

Imbagħad niżel magħhom u waqaf f’wita, flimkien ma’ kotra kbira ta’ dixxipli u folla kbira ta’ nies minn kull naħa tal-Lhudija u ġerusalem u mix-xtajta ta’ Tir u Sidon. Dawn kienu marru biex jisimgħuh  jfejjaqhom mill-mard tagħhom. Min kien imħabbat mill-ispirti ħżiena kien ifiq; u l-kotra kienet tfittex li tmissu, għax minnu kienet toħroġ qawwa li tfejjaq lil kulħadd.

Ġesù refa’ għajnejh lejn id-dixxipli tiegħu u qal:

Henjin intom il-foqra, għax tagħkom hija s-Saltna ta’ Alla.

Henjin intom li għalissa bil-ġuħ, għax għad tkunu mxebbgħin.

Henjin intom li għalissa tibku, għax għad tithennew.

Henjin intom meta minħabba Bin il-bniedem in-nies jobogħdukom, jaqtgħukom minn magħhom, jgħajrukom u jwarrbu isimkom bħallikieku kien xi ħaġa ħażina. Dak in-nhar li jiġrilkom hekk, ifirħu u aqbżu bil-ferħ, għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema. L-istess għamlu missirijiethom lill-profeti.

Imma ħażin għalikom, intom il-għonja, għax il-faraġ tagħkom ħadtuh.

Ħażin għalikom intom li għalissa mxebbgħin, għax għad tkunu bil-ġuħ.

Ħażin għalikom li għalissa tidħku, għax għad tnewħu u tibku.

Ħażin għalikom meta kulħadd isemmikom fil-ġid. Għax l-istess għamlu missirijiethom lill-profeti foloz!

Imma lilkom, li qegħdin tisimgħuni, ngħidilkom: ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom. Min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda, dawwarlu wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa l-oħra; min jeħodlok il-mantar, anqas il-libsa ma għandek tiċħadlu. Agħti lil kull min jitolbok; u min jeħodlok xi ħaġa tiegħek, titolbhilux lura. Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom. Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom. U jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax dan jagħmluh saħansitra l-midinbin. U jekk tisilfu xi ħaġa lil min tistennewh iroddhielkom lura, xi ħlas jista’ jkollkom? Il-midinbin ukoll jisilfu lill-midinbin, bil-ħsieb li jieħdu lura daqshekk ieħor minn għandhom. Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura, u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u tkunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb ma’ l-ingrati u l-ħżiena.  ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom.

Lq 6,17-36

g) Teżori fis-Sema

Bigħu ġidkom u agħtuh karità, u fittxu għalikom infuskom boroż li ma jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes fis-sema, fejn la l-ħalliel ma jersaq u lanqas il-kamla ma tħassar.

Lq 12,33

Kif semgħu jgħid hekk Ġesù qallu: “ħaġa waħda tonqsok: bigħ kull ma għandek, agħtih lill-foqra, u jkollok teżor fis-smewwiet; imbagħad ejja u imxi warajja.” Iżda dak, meta semgħu jgħid dan, sewwed qalbu ħafna, għax kien tassew għani.

Lq 18, 22-23

h) Karità mill-Qalb

Mela agħtu karità minn dak li hemm ġewwa, u taraw kif kollox ikunilkom nadif.

Lq 11,41

i) Il-Kmandament il-ġdid

Nagħtikom kmandament ġdid: li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin. Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.”

Ġw 13, 34-35

j) Kienu ħaġa Waħda

Dawk kollha li kienu jemmnu kienu ħaġa waħda, u kienu jaqsmu kollox bejniethom, ibigħu ġidhom u kull ma kellhom u jaqsmu d-dħul bejn kulħadd, skond il-ħtieġa ta’ kull wieħed.

Atti 2,44-45

Il-kotra kbira ta’ dawk li emmnu kienu qalb waħda u ruħ waħda. ħadd minnhom ma kien jgħid li l-ġid li kellu kien tiegħu, iżda kellhom kollox flimkien. B’qawwa kbira l-appostli kienu jagħtu xhieda tal-qawmien tal-Mulej Ġesù, u kulħadd kien iġibhom ħafna. ħadd minnhom ma kien jonqsu xejn; għax kull min kellu oqsma jew djar kien ibigħhom, u l-flus li jdaħħal minnhom kien imur iqegħedhom f’riġlejn l-appostli. Imbagħad kien jitqassam kollox skond il-ħtieġa ta’ kull wieħed. Hekk għamel il-levita Ġużeppi, minn Ċipru, li l-appostli kienu jsejħulu Barnaba, jiġifieri bin il-faraġ; dan kellu għalqa, biegħha, u l-flus li daħħal minnha mar iqegħedhom f’riġlejn l-appostli.

Atti 4,32-37


k) Ebda Bniedem m’għandu jissejjaħ Imniġġes

(Kornelju, ċenturjun tar-reġiment,) iċċassa jħares (lejn l-anġlu) kollu biża’ u qal: “Dan x’inhu, Mulej?” L-anġlu qallu: “It-talb tiegħek u l-opri tiegħek ta’ karità telgħu quddiem Alla u ftakar fik. Mela issa ibgħat xi rġiel f’Ġaffa, biex iġibu minn hemm lil wieħed Xmun, li jgħidulu wkoll Pietru. Dan qiegħed għand ċertu Xmun konzatur, li għandu d-dar ħdejn il-baħar.” X’ħin l-anġlu li kien ikellmu telaq, Kornelju sejjaħ tnejn mill-qaddejja tiegħu u suldat twajjeb minn dawk li kellu dejjem madwaru, qalilhom kull ma kien ġralu u bagħathom lejn ġaffa.

Il-għada, waqt li dawn kienu fit-triq u qorbu lejn il-belt, Pietru għall-ħabta ta’ nofs-in-nhar tela’ jitlob fuq il-bejt. Qabdu l-ġuħ u xtaq jitrejjaq b’xi ħaġa; u ġara li, waqt li kienu qegħdin ihejjulu, daħal f’estasi. Lemaħ is-sema jinfetaħ, u ra xi ħaġa qisha liżar kbir, miżmum mill-erbat itruf u nieżel lejn l-art. Fih kien hemm minn kull xorta ta’ bhejjem ta’ erba’ saqajn, annimali li jitkaxkru fuq l-art u għasafar ta’ l-ajru. U sema’ leħen igħidlu: “Qum, Pietru, oqtol u kul.” Imma Pietru wieġeb: “Ma jkun qatt, Mulej! Jien qatt ma kilt ikel profan u mniġġes.” U l-leħen tennielu għal darb’oħra: “Dak li Alla saffa, int ma għandikx issejjaħlu mniġġes.” Dan ġara għal tliet darbiet. Imbagħad, f’daqqa waħda, dik il-ħaġa qisha liżar reġgħet ittieħdet ‘il fuq lejn is-sema.

Pietru, kollu mħawwad, kien qiegħed jaħseb bejnu u bejn ruħu x’setgħet tfisser dik id-dehra li kellu: fl-istess ħin l-irġiel li kien bagħat Kornelju staqsew għad-dar ta’ Xmun u waslu quddiem il-bieb. Imbagħad sejħu lil xi ħadd u staqsew jekk Xmun, li jgħidulu Pietru, kienx qiegħed hemm. Sadattant Pietru kien għadu mħasseb dwar id-dehra. U qallu l-Ispirtu: “Hawn żewġt irġiel qegħdin jistaqsu għalik. Fittex inżel isfel u mur magħhom, tieħu ħsieb ta’ xejn, għax jien hu li bgħatthom.” Pietru niżel ħdejn dawk l-irġiel u qalilhom: “Jien hu dak li qegħdin tfittxu. X’ġiebkom hawn?” Huma qalulu: “Bagħatna Kornelju, iċ-ċenturjun, raġel sewwa li għandu l-biża’ ta’ Alla u jixhed għalih il-poplu Lhudi kollu. Anġlu qaddis qallu biex jibgħat għalik u tmur għandu ħalli jisma’ x’għandek tgħidlu.” Imbagħad Pietru stedinhom jibqgħu hemm.

Il-għada telaq magħhom, u marru wkoll miegħu xi wħud mill-aħwa ta’ ġaffa. Il-jum ta’ wara waslu Ċesarija. Kornelju laqqa’ flimkien lil niesu u ‘l ħbiebu u kien qiegħed jistenniehom. X’ħin daħal Pietru, Kornelju mar jilqgħu u ntefa’ f’riġlejh jagħtih qima. Imma Pietru qajmu u qallu: “Qum. Jien bniedem ukoll.” Huwa u jitkellem miegħu, baqa’ dieħel ġewwa, u hemm sab ħafna nies miġbura flimkien. U qalilhom: “Intom tafu li mhix ħaġa sewwa għal wieħed Lhudi li jissieħeb ma’ wieħed barrani jew li jersaq lejh. Imma lili Alla wrieni li ebda bniedem ma għandi nsejjaħlu profan jew imniġġes. Għalhekk xejn ma sibtha bi tqila biex niġi hawn meta bgħatt għalija. Issa, nistaqsi jien, għalfejn bgħatt għalija?” U Kornelju wieġbu: “Erbat ijiem ilu, bħal dan il-ħin, kont id-dar ngħid it-talb tat-tlieta ta’ wara nofs-in-nhar. F’daqqa waħda rajt raġel bi lbies ilellex wieqaf ħdejja, u qalli, ‘Kornelju, Alla sema’ t-talb tiegħek u laqa’ l-opri tal-karità tiegħek u ftakar fik.’

Atti 10,4-31

F’Ġaffa kien hemm waħda mid-dixxipli jisimha Tabita, isem li jfisser Għażżiela; kienet mara tagħmel ħafna opri ta’ karità u għemejjel tajba.

Atti 9,36

l) Il-Liġi tal-ħajja nisranija

Ħobbu lil xulxin bħal aħwa: Fittxu li tistmaw lil xulxin. Tħallux il-ħrara tagħkom tibred, tħeġġu fl-ispirtu, servu lill-Mulej. Ifirħu bit-tama, stabru fil-hemm, itolbu bla waqfien. Aqsmu ġidkom mal-qaddisin li jinsabu fil-bżonn; ilqgħu f’darkom lill-barranin.

Rum 12,10-13


m) Ħobbu lil Xulxin

Tkunu obbligati lejn ħadd ħlief li tħobbu lil xulxin. Kull min iħobb ikun iħares il-bqija tal-liġi. Għax il-kmandamenti: “La tagħmilx adulterju, la toqtolx, la tisraqx, la tkunx rgħib”, u kull preċett ieħor, hu liema hu, kollha jinġabru f’kelma waħda: “ħobb il-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”.

Rum 13, 8-9

n) Il-Glorja tal-Imħabba

Li kont nitkellem bl-ilsna tal-bnedmin u ta’ l-anġli bla ma għandi l-imħabba, kont inkun qisni strument tar-ram iżarżar jew platti jċekċku.

U kieku kelli d-don tal-profezija u naf il-misteri kollha u l-għerf kollu,

kieku kelli l-fidi tiegħi sħiħa li nqanqal il-muntanji,

imma ma kellix imħabba,

jien ma kont inkun xejn.

U kieku kelli nqassam ġidi kollu fil-karità

u nagħti ġismi għall-ħruq

bla ma jkolli mħabba,

xejn ma jkun jiswieli ta’ ġid.

L-imħabba taf tistabar u tħenn;

l-imħabba m’hijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn,

ma tagħmilx dak li mhux xieraq; ma tfittexx dak li hu tagħha,

xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha għad-deni,

ma tifraħx bl-inġustizzja,

imma tifraħ bil-verità;

kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti.

L-imħabba ma tintemm qatt.

Igħibu l-profeziji, jisktu l-ilsna, jgħib il-għerf.

Għalissa nafu biċċa,

u l-profezja tagħna hi nieqsa;

imma meta jfeġġ dak li hu sħiħ,

igħib dak li hu nieqes.

Meta kont tarbija, kont nitkellem ta’ tarbija,

inħoss ta’ tarbija, naħseb ta’ tarbija.

Meta sirt raġel warrabt dak li hu ta’ tarbija.

Bħalissa naraw bħallikieku f’mera, imċajpar,

imma mbagħad naraw wiċċ imb’wiċċ.

Issa nagħraf biċċa,

imbagħad nagħraf bħalma jien magħruf issa.

Issa hawn fidi, tama u mħabba, it-tlieta jibqgħu. Il-kbira fosthom l-imħabba.

1 Kor 13, 1-13

o) L-Offerta għall-Insara ħutkom

Dwar l-għajnuna li għandkom tagħtu lill-qaddisin, kollu żejjed li niktbilkom. Naf ir-rieda tajba tagħkom. U jien ftaħart bikom quddiem in-nies tal-Maċedonja u għedt: “In-nies ta’ l-Akaja jinsabu lesti mis-sena l-oħra”; u l-ħeġġa tagħkom qanqlet lil ħafna minnhom. Madankollu jien bgħatt lil l-aħwa, biex il-ftaħir tiegħi bikom ma jisfax fix-xejn f’din il-ħaġa sabiex, kif għedtilkom, tkunu lesti, u hekk ma jmurx jiġri li jiġu xi Maċedonin miegħi u jsibukom m’intomx lesti, u ġġegħluna nistħu, biex ma ngħidx intom, minn din il-fiduċja tagħna fikom. Għalhekk aħna ħassejna l-bżonn li nitlob lil dawn l-aħwa biex jiġu għandkom qabilna u jlestu l-offerta li kontu wegħidtu qabel; u hekk din tkun lesta, mhux bħala ħaġa bilfors, imma bħal ħaġa ħierġa mill-qalb.

Jien dan ingħid: min jiżra’ ftit, jaħsad ftit; u min jiżra’ ħafna, jaħsad ħafna. Kull wieħed għandu jagħti skond ma jidhirlu hu minn rajh, mhux fuq il-qalb jew bilfors; għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ. Alla mbagħad għandu l-ħila jfawwarkom b’kull xorta ta’ barka, hekk li dejjem u f’kollox ikollkom kull ma hu biżżejjed għalikom, u jibqgħalkom ukoll għal kull opra tajba. Bħalma hu miktub:

“Huwa qassam bil-kotra u ta lill-fqar;

il-ġustizzja tiegħu tibqa’ għal dejjem.”

Dak li, lil min jiżra’, jagħtih iż-żerriegħa u l-ħobż għal l-ikel, jagħti u jkattar iż-żerrriegħa lilkom ukoll, u jżid il-frott tal-ġustizzja tagħkom. U intom tistagħnu b’kull ġid, ħalli turu kull xorta ta’ ġenerożità li biha, permezz tagħna, jitla’ innu ta’ radd il-ħajr quddiem Alla. Għaliex il-ministeru ta’ dan is-servizz mhux biss itaffi l-bżonnijiet tal-qaddisin, imma wkoll inissel kotra ta’ radd il-ħajr lil Alla: dan il-ministeru juri x’intom, u huma jagħtu glorja lil Alla minħabba l-ubbidjenza tagħkom għall-Evanġelju ta’ Kristu u tal-ġenerożità ta’ l-għotja tagħkom lilhom u lil kulħadd; u t-talb tagħhom għalikom juri l-imħabba kbira li għandhom għalikom minħabba l-grazzja bla qjies ta’ Alla għalikom. Niżżi ħajr lil Alla għad-don tiegħu li ma jitfissirx bil-kliem.

2 Kor 9, 1-15

p) Il-libertà tan-Nisrani

Intom imma, ħuti, intom ġejtu msejħa għall-ħelsien; imma tinqdewx b’dan il-ħelsien għall-ġisem, iżda aqdu lil xulxin fl-imħabba. Il-liġi kollha tinġabar f’liġi waħda: ‘ħobb lil għajrek bħalek innifsek’. Jekk intom tgiddmu u tieklu lil xulxin oqogħdu attenti li ma tikkunsmawx lil xulxin.

Gal 5, 13-15

q) Il-ħajja ġdida fi Kristu

U fuq kollox ilbsu l-imħabba, li hi l-qofol tal-perfezzjoni.

Kol 3,14

r) Il-Għonja Nsara

Lil dawk li huma għonja bil-ġid ta’ din l-art widdibhom biex ma jitkabbrux u ma jqegħdux it-tama tagħhom f’għana li ma tistax torbot fuqu, imma li għandhom jittamaw f’Alla li jagħtina kollox bix-xaba’ biex ingawdu bih; għidilhom jagħmlu l-ġid, jistagħnu b’opri tajba, li jkunu ġenerużi u jaqsmu ma’ l-oħrajn.

Hekk ikunu qegħdin jaħżnu għalihom infushom teżor sabiħ għalli ġej, biex bih jiksbu l-ħajja, il-ħajja vera.

1 Tim 6, 17-19

s) Is-Sejħa tan-Nisrani

Għalhekk, mela, kunu ħerqana biex iżżidu l-virtù ma’ l-għerf; ma’ l-għerf ir-rażna; mar-rażna s-sabar; mas-sabar it-tjieba; mat-tjieba l-ħbiberija ta’ l-aħwa; mal-ħbiberija ta’ l-aħwa l-imħabba.

2 Pt 1, 5-7

t) Il-Kmandament il-ġdid

Għeżież, miniex niktbilkom xi kmandament ġdid, imma kmandament qadim li kellkom sa mill-bidu. Il-kmandament il-qadim hi l-kelma li intom smajtu. B’danakollu kmandament ġdid qiegħed niktbilkom: għax seħħ tassew fi Kristu u fikom, għax id-dlam għadda u d-dawl tassew ġa qiegħed jiddi. Min igħid li qiegħed fid-dawl, u jobgħod ‘il ħuh, għadu fid-dlam sa issa. Min iħobb ‘il ħuh, jgħammar fid-dawl, u fih ma hemm ebda tfixkil. Iżda min jobgħod ‘il ħuh, jinsab fid-dlam, jimxi fid-dlam, u ma jafx fejn hu sejjer, għax id-dlam għamielu għajnejh.

1 Ġw 2, 7-11

u) Ħobbu lil Xulxin

Ħuti, tistagħġbux jekk id-dinja tobgħodkom. Nafu li għaddejna mill-mewt għall-ħajja; dan nafuh għax inħobbu lil ħutna; min ma jħobbx jinsab fil-mewt. Kull min jobgħod lil ħuh hu qattiel, u intom tafu li ebda qattiel ma għandu fih il-ħajja ta’ dejjem. B’dan naslu biex nagħarfu x’inhi l-imħabba: li Kristu ta ħajtu għalina. Aħna wkoll mela għandna nagħtu ħajjitna għal l-aħwa. Mela jekk wieħed għandu biex igħix fid-dinja u jara ‘l ħuh fil-bżonn u jagħlaq qalbu għalih, kif tista’ l-imħabba ta’ Alla tgħammar fih? Uliedi, ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ, imma bil-għemil u bil-verità.

1 Ġw 3, 13-18

v) Alla huwa Mħabba

U aħna għarafna l-imħabba li Alla għandu għalina u emminnieha.

Alla hu mħabba, u min igħammar fl-imħabba jgħammar f’Alla, u Alla fih. U l-imħabba ssir sħiħa fina, meta aħna nqawwu qalbna għal jum il-ħaqq, għax saħansitra f’din id-dinja aħna sirna bħalu. Fl-imħabba ma hemmx biża’; l-imħabba sħiħa tkeċċi l-biża’ ‘l barra, għax il-biża’ għandu x’jaqsam mal-ħaqq. Min jibża’ għadu ma sabx il-milja ta’ l-imħabba. Aħna nħobbu, għax hu ħabbna l-ewwel. Jekk xi ħadd igħid: “Jiena nħobb ‘l Alla”, u jobgħod lil huh, dan ikun giddieb. Għax min ma jħobbx lil ħuh li jara, kif jista’ jħobb lil Alla li hu qatt ma rah? Dan hu l-kmandament li tana hu: li min iħobb ‘l Alla, iħobb ukoll lil ħuh.

1 Ġw 4, 16-21