Dan l-aħħar ġiet imwaqqfa’ s-Soċjetà Patristika Maltija biex ikunu apprezzati dejjem aktar il-kitbiet u l-ħajjiet tal-Missirijiet tal-Knisja. Dawn kienu persunaġġi kbar li għexu bejn l-ewwel u t-tmien seklu tal-istorja tal-Knisja – nies bħal San Ċiprijanu, Sant’Ambroġ, Santu Wistin, San Bażilju l-Kbir, il-Papa San Ljun il-Kbir, San Ġwann Griżostmu u l-Papa San Girgor il-Kbir.
Dawn taw kontribut enormi fil-formulazzjoni tat-teoloġija u l-ispiritwalità Nisranija. Għandhom kitbiet straordinarji għall-ġmiel tagħhom. Kienu wkoll predikaturi kbar li għallmu lill-Poplu Nisrani fil-bliet prinċipali ta’ dak iż-żmien.
Biex napprezzaw aktar dawn il-kitbiet, bl-għajnuna tal-Fondazzjoni tal-Istudji Teoloġiċi tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, is-Soċjetà Patristika Maltija ppubblikat ktejjeb ta’ 61 paġna, bi ħsieb għal kuljum dwar il-ħniena għal matul ir-Randan. Il-kitbiet huma meħudin minn 20 awtur differenti u ġew tradotti għall-ilsien Malti minn xi membri tas-Soċjetà. Kull silta – li mhix twila aktar minn 180 kelma – hi akkumpanjata minn riflessjoni prattika biex tgħix aħjar dak li wieħed ikun qara.
Fi tmiem il-ktejjeb hemm glossarju ta’ informazzjoni bażika dwar kull wieħed mill-awturi li hemm siltiet tagħhom fil-ġabra.
Peress li kotba nbiegħu kollha, is-Soċjetà Patristika ħadet ħsieb tagħmel ristampa tal-ktejjeb. Dan jista’ jinkiseb mil-Libreriji Reliġjużi ewlenin kif ukoll mill-Kurja tal-Arċisqof għall-prezz ta’ €4, billi ċċempel 21245350. Il-ktejjeb huwa kumpann sabiħ u profond għal dan iż-żmien tar-Randan, speċjalment waqt il-Ġublew tal-Ħniena.