It-tmexxija tas-soup kitchen li topera minn Dar Papa Franġisku f’Birkirkara, li sservi lil 150 persuna ta’ kuljum, qed tappella għall-għajnuna biex tkun tista’ tlaħħaq mad-domanda dejjem ikbar.
Il-Fondazzjoni Dar il-Hena, li tmexxi din id-Dar, qed tappella għall-voluntiera li lesti jaqsmu ftit sigħat fil-ġimgħa biex jgħinu fil-preparazzjoni tal-ikel, fit-tindif kif ukoll fit-tqassim tal-ikel lill-persuni li jirrikorru għall-ikel.
“Il-kontribut tiegħek jagħmel differenza kbira,” iddikjarat il-Fondazzjoni Dar il-Hena, li fissret il-ħidma tal-voluntiera bħala vjaġġ li jippremja lil dawk li jaqsmu ħinhom mal-oħrajn fil-bżonn.
Dar Papa Franġisku fetħet fl-2016 biex tipprovdi akkomodazzjoni lil irġiel li għal raġunijiet varji jaffaċċjaw problemi li jwassluhom biex jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom. Dan apparti interventi u servizzi soċjali li jwasslu lir-residenti biex iqumu fuq saqajhom mill-ġdid.
Dawk li jixtiequ jkunu parti mit-tim ta’ voluntiera ta’ Dar Papa Franġisku huma mitluba jċemplu fuq 77026644, jibagħtu email fuq [email protected] jew messaġġ fuq il-paġna ta’ Facebook.
Source: Newsbook.com.mt