L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“In-niket tagħkom għad jitbiddel f’hena” (Ġw 16:20) Dan hu l-kliem li jgħid Ġesù lid-dixxipli tiegħu illum fl-Evanġelju skont San Ġwann – qiegħed hawnhekk fl-Aħħar Ċena – u qed jgħidilhom minn qabel li se jgħaddu minn esperjenza ta’ niket, imma n-niket se jinbidel f’hena. Qed jagħtihom it-tama, u aħna nafu mill-esperjenza ta’ dawn li raw kemm kien veru dal-kliem ta’ Ġesù, u għamlu esperjenza ta’ dak li San Pawl jispjega bi kliem sabiħ: “it-tama ma tqarraqx bina” (Rum 5:5). Hu l-kliem li lbieraħ il-Papa Franġisku użah bħala titlu għall-Bolla tal-Indizzjoni tal-Ġublew tas-sena d-dieħla, is-sena fejn niċċelebraw proprju din it-tema: “Pellegrini tat-Tama”. It-tama ma tqarraqx bina.
Ġesù jgħidilhom ċar lid-dixxipli li se jgħaddu minn esperjenza ta’ niket. Jgħid: “intom għad tibku u tingħu” (Ġw 16:20). Dan ftit qabel il-Passjoni, u l-Passjoni kienet tassew esperjenza ta’ dan għalihom, għad-dixxipli. Kien niket kbir meta jaraw lill-Imgħallem tagħhom, Ġesù, li miegħu għexu u li ma għamilx ħlief ġid, jiġi msallab u maqtul. Mhux biss. Imma għalihom in-niket u anke l-biki kien kbir għax raw l-ingratitudni tan-nies u raw kif spiċċa Ġesù, imma wkoll meta ħarsu lejhom infushom, setgħu jaraw li huma ma baqgħux fidili lejh għaliex abbandunawh, u Pietru ċaħdu. Meta Ġesù jgħid “intom għad tibku”, mhux biss minħabba n-niket tal-esperjenza, imma kif għamel Pietru nnifsu: beka meta għaraf x’kien għamel il-Mulej.
Imma Ġesù jgħid: “in-niket tagħkom għad jitbiddel f’hena”. U proprju dan li kien li ġara meta Ġesù qam mill-mewt. Il-qawmien ta’ Ġesù qaleb kollox ta’ taħt fuq. Kellhom l-isbaħ esperjenza possibbli ta’ ferħ, u hemmhekk setgħu jifhmu tassew dal-kliem ta’ Ġesù. Filli kienu għaddew minn esperjenza fejn spiċċatilhom it-tama għal kollox, imma mbagħad il-qawmien mill-mewt tahom din il-ħajja ġdida, u huma mbagħad saru ħabbara ta’ din l-esperjenza qawwija ta’ ħajja: Ġesù rebaħ il-mewt. Hemmhekk ġie dak li kien qal Ġesù: “in-niket tagħkom għad jitbiddel f’hena” u “l-ferħ tagħkom ħadd ma jeħodhulkom” (Ġw 16:22).
Ġesù, biex ifisser il-ferħ, iġib ix-xbieha sabiħa tat-twelid ta’ tarbija, meta jgħid: “il-ferħ li twieled bniedem fid-dinja” (Ġw 16:21). Kemm hu sabiħ meta niftakru f’din bħala esperjenza ta’ ferħ: li twieled bniedem fid-dinja. Aħna għalhekk ngħidu kemm hu importanti li nipproteġu l-ħajja fil-ġuf – mhux għax tbeżża’ bil-babaw, imma anzi biex tagħti l-possibbiltà ta’ dan il-ferħ kbir ta’ xi ħadd li twieled fid-dinja.
Meta Ġesù jgħid: “il-ferħ tagħkom ħadd ma jeħodhulkom”, din ukoll kienet l-esperjenza tad-dixxipli. Imma forsi aħna nistaqsu: kif tista’ tifraħ meta tgħaddi minn esperjenzi koroh? Ir-risposta jagħtuha d-dixxipli stess, għaliex meta wara Għid il-Ħamsin ħarġu biex iħabbru lil Ġesù ħaj, hemmhekk għaddew minn ħafna persekuzzjoni. Ma kienx kollox ward u żahar. Batew ħafna, spiċċaw anke l-ħabs u dara kontriehom xi nies. Imma kellhom ferħ li hu differenti minn kif kultant nifhmu aħna – mhux ferħ għax l-affarijiet sejrin tajbin, mhux ferħ għaliex qed tieħu pjaċir biss, imma ferħ li jagħti Ġesù fil-qalb. Hu l-ferħ li aħna maħbuba minn Alla, li Alla jakkumpanjana u li jħaddanna miegħu b’għożża. Dak hu l-ferħ li jgħid Ġesù “ħadd ma jeħodhulkom”. Fil-fatt, fl-Atti tal-Appostli hemm dik is-sentenza sabiħa meta wara li lill-appostli sawtuhom, “ħarġu minn quddiem is-Sinedriju ferħana talli ġew meqjusa bħala nies li jistħoqqilhom ikunu mmaqdra minħabba l-isem ta’ Ġesù” (Atti 5:41). Ara l-ferħ fejn qiegħed: mhux għax marru tajjeb, għax sawtuhom, imma għax kellhom fil-qalb tagħhom din l-imħabba li Alla qiegħed qribhom, qiegħed magħhom, Alla jħobbhom, jakkumpanjahom u jħaddanhom b’għożża u huma ħabbru din l-Aħbar it-Tajba lill-oħrajn.
Nitolbu lill-Mulej din il-grazzja: li speċjalment fil-mumenti ta’ tbatija fil-ħajja tagħna qatt ma naqtgħu qalbna imma niftakru, fil-fond ta’ qalbna, li l-Mulej jagħtina dan il-ferħ li aħna maħbuba minnu, il-ferħ li hu magħna u li jħaddanna dejjem b’għożża miegħu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju