L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Ġie Nażaret fejn kien trabba” (Lq 4:16). Mal-ewwel, fl-Evanġelju skont San Luqa, naraw lil Ġesù li jibda l-missjoni tiegħu – li jwassal il-Kelma ta’ Alla – mhux f’Ġerusalemm imma proprju f’Nażaret, fejn kien għex, kien trabba. Hawn illum għandna din is-silta fejn Ġesù jmur is-sinagoga. Interessanti dil-kelma li hemm: “kif kien imdorri jagħmel kull nhar ta’ Sibt” (Lq 4:16) – biex tfakkarna dejjem kemm hu importanti li għandna nieħdu bis-serjetà l-obbligi tagħna reliġjużi. Hekk kien jagħmel Ġesù, kull nhar ta’ Sibt. Meta mar hemmhekk, beda jaqra s-silta mill-Profeta Isaija, u mbagħad qalilhom: “Din il-kitba seħħet illum” (Lq 4:21).

Interessanti ħafna li naraw ir-reazzjoni tan-nies hemmhekk. L-ewwel, l-Evanġelju jgħid li “lkoll laqgħa kliemu” (Lq 4:22). Mela Ġesù sab hemmhekk in-nies li jilqgħuh, li dak li qed jgħidilhom jilqgħuh. Imbagħad “stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu” (Lq 4:22). Imma mbagħad, meta beda jispjega aktar, u speċjalment jispjega kif ebda profeta ma jilqgħuh f’pajjiżu – u semmielhom ukoll żewġ ġrajjiet mit-Testment il-Qadim, kemm dik tal-armla minn Sarefta ta’ Sidon u dik ta’ Nagħman tas-Sirja – f’daqqa waħda dawn in-nies inbidlu. Minn nies li kienu laqgħu kliemu, issa “kulħadd imtela bil-korla; qamu u ħarġuh ’il barra mill-belt, ħaduh fuq xifer ta’ rdum tal-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt tagħhom, biex jixħtuh minn hemm fuq għal isfel” (Lq 4:28-29). Din reazzjoni emottiva kbira li mhux irreaġixxew bil-kliem, imma riedu joqtluh. Dan attentat ta’ qtil, għax jekk titfgħu minn fuq għal isfel, ma jibqa’ ħadd ħaj.

X’ġara? X’kien għamel Ġesù? Qal xi kliem li bih insultahom? Ivvinta xi ħaġa fuqhom li ħassewha bi kbira? Fil-fatt Ġesù kulma għamel hu li kkwota żewġ ġrajjiet mit-Testment il-Qadim, li huma kienu jafu. Imma li kienu jwasslu l-messaġġ importanti li dawn it-tnejn li semma ma kinux parti mill-poplu Lhudi – li Alla jaħdem ma’ kulħadd, u li Alla hu Alla ta’ kulħadd. Mhux ta’ poplu wieħed, jew ta’ grupp wieħed, jew ta’ razza waħda, jew ta’ nazzjon wieħed. Dak hu l-messaġġ li ta Ġesù, u dan li qajjem din ir-reazzjoni kbira fost dawn in-nies. U nafu x’għamel Ġesù. Daħal f’qoxortu? Qal: aħjar nitlaq u ma nkomplix b’dil-missjoni tiegħi, ladarba n-nies qegħdin iġibu ruħhom hekk? Le. L-Evanġelju jgħid: “għadda min ġo nofshom u baqa’ sejjer” (Lq 4:30). Baqa’ sejjer mhux biss baqa’ miexi, imma baqa’ sejjer bil-missjoni tiegħu. Għax Ġesù qatt ma fittex li jintrabat mal-kunsens tan-nies – x’jaħsbu – jew fittex li jgħidilhom li jogħġobhom, li hu sabiħ għal widnejhom, imma fittex li jgħidilhom il-verità. U meta l-verità wkoll toffendi, din tkun għax qalb nies li ma jridux il-verità.

Issa llum f’din il-quddiesa qegħdin nitolbu b’mod partikolari għall-ġurnalisti li qegħdin f’post partikolari: f’Gaża. U għaliex? Għaliex hemmhekk inqatlu numru kbir ta’ ġurnalisti, iktar minn 200. Inqatlu mill-armata Iżraeljana u dawn kienu hemmhekk biex jirrappurtaw x’qed jiġri, biex juru l-verità tas-sitwazzjoni.

Aħna llum qegħdin b’solidarjetà ma’ dawk kollha li kienu vittmi imma wkoll qed issir anki din l-inizjattiva internazzjonali fost il-ġurnalisti minn tant pajjiżi biex isir l-appell ħalli l-ġurnalisti jitħallew jaqdu x-xogħol tagħhom, ir-responsabbiltà li għandhom. U din hi importanti, għaliex aħna kif inkunu nafu x’qed jiġri? Mhux permezz ta’ dawk il-ġurnalisti li jkunu hemm?

Ħu pereżempju l-ġrajja hekk kerha u terribbli tas-7 ta’ Ottubru, dak li għamlu l-Ħamas. Mhux permezz tal-ġurnalisti li sirna nafu? U permezz tagħhom li sirna nafu anki bit-tbatija ta’ dawk li ttieħdu bħala ostaġġi u xi wħud għadhom hemm ostaġġi wkoll?

L-istess dak li qed jiġri Gaża, fejn dak li qed isir mhuwiex biss biex wieħed isib lil dawk li huma terroristi imma proprju qed issir qerda ta’ poplu, ta’ tant nies, ta’ tant tfal, eluf ta’ tfal li qegħdin hemmhekk jinqatlu, ta’ nies li qegħdin imutu bil-ġuħ, ta’ nies li jridu jitilqu mill-pajjiż tagħhom bilfors. U fejn sejrin? Qas jafu! Imma jridu jitilqu l-għaliex inkella hemmhekk se jinqatlu.

U x-xogħol tal-ġurnalisti hu proprju li juruna din ir-realtà, il-verità tas-sitwazzjoni. Għalhekk hija kerha ħafna li inti anki toqtol lil min qed juri l-verità u trid telimina wkoll lil min qed jurik ir-realtà.

Għalhekk, illum, ispirati anke minn din il-Kelma tal-Mulej, nitolbu b’mod speċjali għal dawk kollha, kemm f’Gaża kif ukoll f’tant postijiet oħra, li qed jaħdmu biex juruna r-realtà, biex aħna nkunu konxji ta’ dak li qed jiġri u nistgħu wkoll nagħtu l-għajnuna tagħna, barra milli nżommuhom fit-talb tagħna. Aħna nafu l-inizjattiva li ttieħdet fil-Knisja f’Malta wkoll permezz tal-Caritas, inizjattiva tal-Knisja favur in-nies ta’ Gaża, anke b’għajnuna finanzjarja; u għajnuniet oħra li nistgħu nagħtu.

Nitolbu lill-Mulej illum li aħna jkollna dejjem f’qalbna din ix-xewqa li naraw tassew u nimxu mal-verità, u din ir-rieda li nwasslu l-verità. Ispirati minn din il-kelma tiegħu fejn Ġesù, għax qal il-verità, spiċċa wkoll riedu joqtluh. Nitolbu l-Mulej biex ikollna l-grazzja li bħalu, aħna nibqgħu dejjem b’determinazzjoni u b’kuraġġ nagħmlu dak li aħna responsabbli tiegħu u naqdu d-dmirijiet tagħna b’fedeltà.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta