L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Naf persuna li ma kienet togħġobha xejn din il-parabbola, u kif Ġesù jqabbel din l-istorja ta’ ħames xebbiet għaqlin u ħamsa boloh mas-Saltna tas-Smewwiet. Speċjalment dik il-parti tal-parabbola meta dawn il-ħamsa jitolbu lill-oħrajn, jgħidulhom: “Agħtuna ftit żejt minn tagħkom, għax l-imsiebaħ tagħna jintfew” (Mt 25:8). U l-oħrajn jirrifjutaw. Dawn riedu ftit għajnuna, u l-oħrajn ma jgħinuhomx.
Dil-persuna kienet tgħid: imma kif tqabbel is-Saltna tas-Smewwiet ma’ nies li rrifjutaw li jgħinu? Tidher ukoll tistona u aktar stramba meta wieħed jiftakar li Ġesù dejjem enfasizza li aħna għandna ngħinu lil min hu fil-bżonn. Tiftakru l-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb (Lq 10:30-37), meta dan kien għaddej, ra wieħed mitluq fil-ġenb għax kienu tawh xebgħa, u dan niżel biex jgħinu. Mar barra minn triqtu biex jgħin lil dak li kien fil-bżonn. U Ġesù hekk qalilna wkoll fuq il-ġudizzju tagħna, meta qal: “kulma għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Mela hawnhekk kif Ġesù qed iqabbel is-Saltna tas-Smewwiet ma’ dawn il-ħamsa li kienu għaqlin imma li ma għenux lill-ħamsa l-oħra?
L-iżball hu jekk aħna ma niftakrux li parabbola ta’ Ġesù dejjem għandha messaġġ – li mhux tfittxu int f’diversi dettalji, imma hu l-messaġġ li jrid jagħti Ġesù. U hawn Ġesù jgħid x’inhu l-messaġġ fl-aħħar sentenza tal-Evanġelju, meta jgħid: “Ishru, mela, għax la tafu l-jum u lanqas is-siegħa” (Mt 25:13). Dak hu l-messaġġ li jrid jagħti Ġesù b’din il-parabbola, ma għandniex infittxu affarijiet oħra.
Ġesù qed jgħid b’din l-istorja xi ħaġa tant importanti: li meta l-Mulej isejħilna għal għandu, hemmhekk aħna se nitkellmu għalina nfusna, responsabbli tagħna nfusna. Meta l-Mulej isejjaħli, jien ma nistax indur fuq ta’ maġenbi, jew ta’ quddiemi, jew ta’ warajja biex jidħol għalija dak il-ħin; imma jien lill-Mulej se nwieġbu għall-għemil tiegħi. Responsabbli jien. U għalhekk dan hu li qed jenfasizza Ġesù llum: kemm hu importanti li aħna nishru, li nkunu ppreparati, għaliex meta hu jsejjaħli, jien irrid nwieġeb għalija nnifsi. Ma nistax ninqeda b’ħaddieħor, u lanqas ngħid: taf kemm kien hemm nies jagħmlu hekk? Lili se tara? Mhux kulħadd kien jagħmel hekk, mhux kulħadd kien iqarraq, mhux kulħadd kien jagħmel dak li jiġi għal idejh! Quddiem Ġesù, din mhix raġuni, mhix skuża, għax jien irrid inwieġeb għall-għemil tiegħi. Dan hu l-messaġġ l-iktar importanti li jagħti b’din il-parabbola.
Għalhekk qed jgħid li aħna għandu jkollna l-imsiebaħ tagħna mixgħula u ż-żejt fil-musbieħ. X’jiġifieri l-imsiebaħ tagħna mixgħula? Jiġifieri ħajja li togħġob lil Alla, billi nagħtu xhieda ta’ dak li nemmnu. Niftakru dak li kien qal Ġesù: “Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mt 5:16). Dak hu l-musbieħ mixgħul. U ż-żejt li jżomm il-musbieħ mixgħul?
Hi l-imħabba ta’ Alla li aħna naċċettaw, li tgħinna biex ngħixu fil-grazzja ta’ Alla, bil-paċi f’qalbna, u mbagħad tgħinna wkoll biex nagħżlu dak li hu sewwa, dak li hu xieraq, dak li hu ġust, dak li jogħġob lil Alla, u nistgħu naqsmu din l-imħabba mal-oħrajn. Dak hu ż-żejt li għandna fil-musbieħ tagħna. U għalhekk il-messaġġ li qed jagħti Ġesù lilna lkoll huwa: ejjew nagħmlu minn ħajjitna ħajja fejn il-musbieħ mixgħul, u jkun hemm iż-żejt li jħalli l-musbieħ mixgħul.
Nitolbu lill-Mulej illum, ispirati minn din il-parabbola li qalilna, biex aħna f’ħajjitna ngħixu tassew fil-grazzja tiegħu, ħalli nkunu bħall-musbieħ li jixgħel, u jkollna ż-żejt tal-imħabba tiegħu li żżommna f’din il-grazzja. U biex nitakru li aħna, kull wieħed u waħda minna, responsabbli tagħna nfusna, u rridu nagħtu kont tagħna nfusna lill-Mulej. Għalhekk ngħixu fil-grazzja tiegħu biex nistgħu tassew noffrulu s-sabiħ li hu jkun wettaq f’ħajjitna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta