
L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh” (Mt 2:2). Dan huwa l-kliem tal-maġi meta bdew jistaqsu fejn hu dak li twieled, is-sultan tal-Lhud. Illum qed nagħmlu din iċ-ċelebrazzjoni, din is-solennità tal-Epifanija, li tfakkarna proprju f’din il-ġrajja: meta l-maġi ġew mill-bogħod biex ifittxu u jsibu lil Ġesù, u jistgħu jqimuh. Imbagħad, kif nafu, offrewlu r-rigali tagħhom u wara, telqu minn triq oħra. Ħa naraw din il-ġrajja, u speċjalment dak li tgħallimna din il-ġrajja għall-ħajja tagħna llum.
Għal kulħadd
L-ewwel nett, l-Epifanija tgħallimna li Ġesù ġie għal kulħadd. Il-kelma “epifanija” tfisser manifestazzjoni, dehra – dehra għal kulħadd. F’din il-ġrajja naraw kif Ġesù ma ġiex sempliċiment għan-nies tiegħu, jew għall-familja tiegħu, lanqas għall-poplu li kien madwaru, imma ġie għal kulħadd, għall-bnedmin tad-dinja kollha. Għalhekk għandna dawn il-maġi li jitilqu mil-Lvant u jiġu Ġerusalemm (ara Mt 2:1). Jagħmlu dan il-vjaġġ, u jinżlu jqimuh.
Fl-Istorja tal-Knisja, din dejjem kienet ċelebrazzjoni ta’ kif Ġesù hu l-Mulej ta’ kulħadd, is-Salvatur ta’ kulħadd. Għalhekk dan ifisser li hemm poplu ma jista’ jgħid: dan tiegħi biss. Lanqas ebda razza, ebda pajjiż ma jista’ jgħid hekk, għax Ġesù hu ta’ kulħadd, u għal kulħadd.
Vjaġġ ta’ tfittxija
X’turina aktar din il-festa? Ħa nħarsu lejn il-maġi. Dawn ma kinux nies li kellhom il-fidi f’Alla bħalma kellhom il-poplu Lhudi, imma dawn kienu nies li qed ifittxu. F’ħajjithom kienu qed ifittxu dak li hu l-aktar importanti. U biex jagħmlu dan, telqu mill-bogħod, telqu mil-Lvant, għamlu dan il-vjaġġ. Telqu mill-kumdità tagħhom. Għamlu vjaġġ li ma kinux jafu fejn se jwassalhom, imma dejjem b’din it-tfittxija: li jsibu lis-sultan, li jsibu lil Ġesù. Nafu kemm sabu ostakli, nafu li ma kienx faċli għalihom. Imma għaliex kellhom din il-ħerqa, din it-tfittxija, sabu fl-aħħar lil Ġesù. Bl-għajnuna wkoll ta’ kewkba, li kienet sinjal għalihom, u bl-għajnuna tal-Iskrittura, tal-Kelma ta’ Alla.
X’juruna għall-ħajja tagħna? Kemm hu importanti li aħna f’qalbna jkollna dejjem din ix-xewqa li nkunu viċin Ġesù, li niġu fejn Ġesù. Huwa hu li jista’ jimla l-qalb tagħna, huwa hu li jurina tassew is-sens tal-ħajja tagħna. Dawn hekk skoprew, dawn il-maġi li ġew mill-bogħod.
Biża’ li jitlef il-poter
Hemm ukoll xi ħadd ieħor f’din il-ġrajja – Erodi – li narawh f’kuntrast kbir mal-maġi. Il-maġi mill-bogħod ġew biex ifittxu lil Ġesù, u Erodi, kif sema’, rah mal-ewwel bħala theddida. Erodi kellu l-poter, kien jikkmanda, u ħaseb li għax dan kien sultan, se jeħodlu postu jew b’xi mod se jonqos il-poter tiegħu. Għalhekk mal-ewwel rah bħala theddida. Ra kif għamel, tfittex permezz tal-maġi; u nafu kif fil-fatt Erodi, wara din il-ġrajja, biex jelimina lil Ġesù, qered tfal ta’ ċerta età, qeridhom kollha. Erodi jirrappreżenta l-bniedem li jagħlaq qalbu għal Ġesù u, minħabba f’hekk, jagħlaq qalbu anke għall-oħrajn. Bniedem ta’ vjolenza, li ma għandux rispett lejn il-ħajja, li għalih il-ħajja tal-bniedem ma tfisser xejn, imma jfisser biss il-poter li għandu, dak li jista’ jakkwista hu.
Dan ukoll hu ta’ tagħlima għall-ħajja tagħna: li jkollna kemm ikollna, xejn ma jimla qalbna. Li jkollna għandu jkun mezz, mhux għan fih innifsu. Erodi, għalih, il-poter kien għan fih innifsu; u għalhekk ra lil tifel żgħir bħala theddida. Jgħallimna li għandu jkollna qalbna dejjem miftuħa għal dak li hu l-iktar importanti fil-ħajja li jagħtina Ġesù. U permezz tiegħu, kif għalina l-ħajja ta’ kull persuna hi għażiża. Erodi jirrappreżenta lil dak li ried jeqred il-ħajja tal-bniedem, sakemm ikollu dak li jrid jakkwista. Għalina, nafu li kull ħajja umana, hi ta’ min hi, u hi meta hi, hi għażiża.
Rigali mill-qalb
X’naraw aktar f’din il-ġrajja? Meta waslu, il-maġi ppreżentaw tliet rigali. Hu għalhekk li aħna kultant ngħidu “tliet magi”, għax qisu kull wieħed ġarr rigal. Tlieta huma rigali: “deheb, inċens u mirra” (Mt 2:11). Deheb għax huwa sultan, inċens għax huwa Alla, mirra għax se jgħaddi mit-tbatija. Dawn ir-rigali kienu jfissru l-identità ta’ Ġesù, imma kienu ġejjin ukoll mill-qalb tagħhom: qed jagħrfu tassew min hu Ġesù.
Aħna, fil-ħajja tagħna, ukoll niġu quddiem il-Mulej bl-offerta tagħna. Noffrulu dak li ngħaddu minnu: dak li hu għażiż għalina, noffrulu t-talb tagħna; imma noffrulu anke t-tbatijiet tagħna. Meta naraw l-offerta tal-mirra, niftakru f’dan: l-offerta tat-tbatijiet tagħna, u l-Mulej imbagħad jgħinna biex, minkejja t-tbatijiet tagħna, ikollna l-paċi fil-qalb.
Telqu minn triq oħra
F’din il-ġrajja, naraw xi ħaġa oħra interessanti. Fl-aħħar, jgħidlek: il-Maġi telqu u marru “minn triq oħra” (Mt 2:12). Mhux mill-istess triq. Għaliex? Għax il-Mulej iggwidahom biex ma jerġgħux jgħaddu minn fejn Erodi, u hekk jevitaw dak li hu ta’ ħsara, ta’ vjolenza. Il-Mulej hekk jagħmel, meta aħna niltaqgħu miegħu: jgħinna biex aħna nagħżlu triq differenti, triq aħjar, triq li aktar twassalna fejn għandna naslu fil-ħajja.
Nitolbu llum lill-Mulej, aħna u nagħmlu din iċ-ċelebrazzjoni sabiħa tal-Epifanija, nitolbuh biex hu jkun tassew is-Salvatur u l-Mulej tal-ħajja tagħna, li jkun hu li jimla l-qalb tagħna; u li aħna nkunu, għall-oħrajn, bħal kewkba li tgħinhom fil-mixja tal-ħajja tagħhom. Nafu li l-iskop tal-kewkba kien li turi lil Ġesù, mhux li tieqaf tħares lejn il-kewkba. Aħna wkoll fil-ħajja taagħna: għandna ngħinu lill-oħrajn biex jaslu għand Ġesù, mhux biex jieqfu għandna.
Nagħmlu wkoll dik it-talba ta’ Santu Wistin, li ħafna minna familjari magħha, u li tant naraha tesprimi l-festa tal-lum: “Agħmel li nsibuk, għax qabel ma nsibuk, ma nistriħux. Fik biss tinsab l-hena u l-mistrieħ tagħna. Int għamiltna għalik, O Alla, u qalbna ma ssib qatt kwiet jekk ma tistrieħx fik”.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




