L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“La qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek” (Lq 5:5). Dan il-kliem ta’ Xmun Pietru għandu tifsira importanti ħafna f’din il-ġrajja li smajna llum. Hu marbut mal-kelma li jgħid Ġesù. “La qiegħed tgħid int”, jgħidlu, jiġifieri: il-kelma tiegħek għandha valur kbir.

Ħa nħarsu ftit lejn dawk li jieħdu sehem f’dan ir-rakkont marbut mal-kelma, li jurina lil Ġesù f’xatt l-għadira ta’ Ġennesaret.

Kelma li timla l-qalb

Fil-fatt, ir-rakkont stess jibda bil-kotra li tross fuq Ġesù “biex tisma’ l-kelma ta’ Alla” (Lq 5:1). U Ġesù, li kontinwament iwassal dil-kelma, biex ikun jista’ jaqdi din il-missjoni b’mod tajjeb, jitlob lil Xmun biex jaqla’ kemmxejn ’il barra mill-art ħalli jista’ jwassal il-kelma lin-nies mid-dgħajsa tiegħu.

Ġa għandna hawnhekk kemm hi sabiħa dil-ħerqa tan-nies biex jisimgħu l-kelma ta’ Ġesù. Kienet kelma li timla l-qalb u ġġib differenza f’ħajjithom. Kienet kelma li kellhom l-għatx għaliha.

Kelma li tħeġġeġ

Ħa nħarsu issa lejn Xmun. Dan kien diġà segwa dak li qallu Ġesù biex jaqla’ kemmxejn ’il barra ħalli jkun jista’ jgħallem lin-nies. Imma meta jlesti mit-tagħlim lin-nies, Ġesù jdur fuqu u jgħidlu: “Aqdef ’il barra fil-fond u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd” (Lq 5:4). Issa din ma kinetx biss stedina, kienet xi ftit provokazzjoni. Xmun kien sajjied, espert fis-sajd, u qed ikellmu xi ħadd li ma kienx sajjied. Ġesù kien rahom “jaħslu x-xbiek” (Lq 5:2), jiġifieri spiċċaw mix-xogħol tagħhom tas-sajd għal dak inhar; u kien jaf ukoll li ma kellhomx wisq success fix-xogħol tagħhom. Fil-fatt, Xmun mal-ewwel jgħidlu lil Ġesù: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn” (Lq 5:5).

Imma mbagħad, hemm dik l-istqarrija ta’ fiduċja sħiħa fil-kelma ta’ Ġesù: “Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek” (Lq 5:5). Araw il-fiduċja kbira ta’ Xmun fil-kelma ta’ Ġesù. Ukoll jekk kienu għamlu ħafna sforz u kien għalxejn, ukoll jekk jaf li huwa hu li jifhem fis-sajd mhux Ġesù, Xmun jiddeċiedi li jimxi mal-kelma ta’ Ġesù.

Kelma li tħalli l-frott

X’ġara? Xmun mexa mal-kelma li qallu Ġesù, u l-Evanġelju jgħid: “qabdu kotra hekk kbira ta’ ħut li x-xbiek tagħhom kien għoddu nqasam” (Lq 5:6). Mhux biss kellhom riżultat tajjeb, imma kellhom dan b’abbundanza. Fil-fatt, l-Evanġelju jgħid li kellhom jgħidu lil sħabhom f’dgħajsa oħra biex jgħinuhom, u mlew iż-żewġ dgħajjes “hekk li għal ftit ma għerqux” (Lq 5:7).

X’naraw f’dan? Anke jekk Xmun ma setax jara l-iskop ta’ dak li qallu Ġesù wara li ma kienu qabdu xejn, imma għax mexa mal-kelma ta’ Ġesù, kellu l-aqwa riżultat. Naraw il-qawwa tal-kelma ta’ Ġesù, li mhux biss hi effettiva, imma ġġib riżultat ta’ abbundanza. Hekk hi l-kelma ta’ Ġesù dejjem, u hawn kienet esperjenza qawwija li għamlu dawn id-dixxipli tiegħu. Ilkoll baqgħu mistagħġba b’dak li għamel Ġesù.

Kelma li tagħti missjoni

Id-dixxipli ħassew il-qawwa ta’ Ġesù u d-dgħufija tagħhom, u għalhekk Xmun jgħidlu “Tbiegħed minni, Mulej, għax jiena raġel midneb!” (Lq 5:8) Imma Ġesù, proprju fil-ħin li Xmun iħossu hekk, flok jitbiegħed minnu, lil Xmun jagħtih missjoni speċjali: “Minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies” (Lq 5:10). Isejjaħ lilu u lil sħabu biex ikunu “sajjieda tal- bnedmin”.

Hi l-kelma li mhux biss timla l-qalb u tħeġġeġ, mhux biss tħalli l-frott, imma l-kelma li tagħti issa fiduċja lil min iħossu mhux dehen biex jissieħeb fil-missjoni ta’ Ġesù, u minn sajjied isir sajjied tal-bnedmin. Ġesù ma jsejjaħx lid-dixxipli għax nies perfetti, jew minħabba l-kapaċitajiet tagħhom li jġibu riżultati tajbin. Ġesù jsejjaħ u bil-qawwa tiegħu jittrasforma lilhom.

Lilna llum

X’messaġġ sabiħ għalina lkoll f’dan l-Evanġelju! Illum ukoll taslilna l-kelma ta’ Ġesù. Hi kelma dejjem qawwija u tħalli l-frott. L-istedina hi biex aħna jkollna dik il-fiduċja li wera Xmun meta qal lil Ġesù: “La qiegħed tgħid int”, ħa nagħmel kif qed tgħid int.

Kultant ma nifhmux il-kelma ta’ Ġesù, jew ma nifhmux kif tista’ tkun effettiva. Kultant nitħabtu ħafna aħna u naraw l-isforzi tagħna li ma jagħtux frott, bħalma dawn is-sajjieda għamlu lejl sħiħ u ma qabdu xejn. Is-sejħa lilna hi biex inqiegħdu l-fiduċja tagħna f’Ġesù, u nitħabtu fid-direzzjoni li jurina hu. Hemm inqiegħdu l-isforzi dgħajfa tagħna, konvinti li joħroġ dejjem il-frott meta aħna nisimgħu l-kelma ta’ Ġesù u nagħmluha f’ħajjitna, anzi jkun frott b’abbundanza.

Lilna wkoll Ġesù jsejjaħ biex nissieħbu miegħu fil-missjoni li nwasslu l-kelma. Isejħilna mhux għax aħna perfetti, imma biex bl-imperfezzjonijiet kollha tagħna, hu jittrasformana f’nies li nwasslu lill-oħrajn għandu.

Nitolbuh biex ikun Ġesù li jiggwidana, imexxina u joħroġ il-frott mill-ħidma tagħna. Din it-talba nagħmluha f’din iċ-ċelebrazzjoni tal-lum għall-Europa Donna Malta. Intom għandkom dan l-impenn li toħolqu kuxjenza u opportunitajiet ta’ edukazzjoni, li tippromwovu r-riċerka, u li tgħinu bil-kura u tagħtu kull appoġġ lil min jinsab milqut mill-marda tal-kanċer tas-sider.

Nistedinkom biex tqiegħdu din il-ħidma tagħkom quddiem il-Mulej, u titolbuh: Mulej, agħtina d-dawl, ħalli nimxu kif turina int biex il-ħidma tagħna tħalli l-frott. Anke meta jidhrilna li nkunu tħabatna għal xejn, jew għamilna ħafna sforz u ma rajniex ir-riżultati tiegħu, inqiegħdu għand il-Mulej dan kollu biex il-Mulej iseħibna fil-missjoni tiegħu li nkomplu nagħmlu l-ġid.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta