L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Tassew hu jagħmel il-frott” (Mt 13:23). Dan hu li jgħid Ġesù llum fl-Evanġelju skont San Mattew meta jfisser il-parabbola ta’ dak li mar jiżra’, u ż-żerriegħa waqgħet f’postijiet differenti. Hawnhekk Ġesù jagħti spjega ta’ din il-parabbola. Mhuwiex komuni li Ġesù parabbola jispjegaha; xi darbtejn jagħmilha. U hawnhekk jagħti spjega li lilna tolqotna ħafna fil-ħajja tagħna.
Hawn isemmi tliet ċirkustanzi differenti fejn iż-żerriegħa li wieħed jiżra’ taqa’ f’post fejn ma tistax tagħmel il-frott. U jqabbilha ma’ meta l-Kelma ta’ Alla ma tkunx milqugħa, u għalhekk ma tagħmilx frott. Ġesù jsemmi tliet ċirkustanzi differenti. L-ewwel waħda meta fil-parabbola jsemmi li ż-żerriegħa waqgħet fil-mogħdija. U jgħid: x’ifisser dan? Fil-mogħdija tfisser li l-Kelma ġiet għand xi ħadd li jismagħha imma ma jifhimhiex; u għalhekk tkun qisha daħlet minn widna u ħarġet minn oħra, u Ġesù jgħid li l-Ħażin “jisraqlu li jkun inżera’ f’qalbu” (Mt 13:18). Hawn qed jgħid kemm hu importanti li l-Kelma nisimgħuha u nagħmlu ħilitna wkoll biex nifhmu dak li tgħid lilna għall-ħajja tagħna. Ngħiduha kif inhi, dak li jinteressana, meta ma nifhmuhx, nistaqsu biex inkunu nafu sew, mhux inħalluh għaddej; hekk ukoll il-Kelma ta’ Alla għandna nifhmuha u, jekk ma nifhmuhiex, nistaqsu u jekk hemm bżonn indumu nistaqsu biex nifhmu dak li qed tgħid lilna għall-ħajja tagħna.
Hawn Ġesù jsemmi wkoll ż-żerriegħa li waqgħet fuq il-blat, u jgħid hemmhekk hi ta’ min il-Kelma “jilqagħha minnufih bil-ferħ, imma għeruq ma jkollux” (Mt 13:20), għalhekk meta jiġi l-għawġ u meta jinqalgħu l-ostakli, jitfixkel. Ġesù qed jgħid kemm hu importanti li l-Kelma ta’ Alla ssib l-għeruq fil-ħajja tagħna, ħalli mbagħad anke fil-mumenti diffiċli, meta nħabbtu wiċċna mad-diffikultajiet tal-ħajja, ikollna dik l-għajnuna tal-Kelma ta’ Alla li tiggwidana, li tmexxina fil-ħajja tagħna.
Ġesù jsemmi wkoll iż-żerriegħa li waqgħet qalb ix-xewk, u x-xewk kiber u ħonoqha. Hawn Ġesù qed jgħid għal min jisma’ l-Kelma, imma “l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja u l-ġibda għall-ġid tal-art joħonqulu l-Kelma” (Mt 13:22). Ikunu bħal xewk li qed joħonqu ż-żerriegħa, u għalhekk ma tistax tinbet, ma tistax tagħti l-frott. Dan żgur li nifhmuh fil-ħajja tagħna, għax nafu kemm kultant ikollna aljenazzjoni b’affarijiet li narawhom bħala tajbin imma jfixkluna milli tassew il-Kelma ta’ Alla tista’ tagħmel il-frott fina. Ġesù jsemmi l-“inkwiet żejjed” – qed jgħid għall-moħħ, u “l-ġibda għall-ġid tal-art” – qed jgħid għall-qalb. Mela jekk aħna l-moħħ u l-qalb ma nħallulhomx spazju għall-Kelma ta’ Alla, imma jkun hemm kontinwament preokkupazzjoni bl-affarijiet li ngħixu fil-ħajja tagħna, inkunu qed noħonqu l-Kelma ta’ Alla.
Għalhekk Ġesù lilna jiġbdilna l-attenzjoni fuq iż-żerriegħa li taqa’ f’post li ma tagħmilx frott li hi l-Kelma ta’ Alla li mhjiex milqugħa fil-fond tal-ħajja tagħna. Imma mbagħad isemmi min jilqa’ l-Kelma u hemm tista’ tagħmel il-frott – bħal żerriegħa li ssib “art tajba” (Mt 13:23), ħamrija tajba, u hemmhekk tagħmel il-frott. Dil-Kelma ta’ Alla tgħinna biex dejjem nitolbuh ħalli fil-ħajja tagħna nkunu bħal ħamrija tajba li fiha ż-żerriegħa tista’ tagħmel il-frott, il-Kelma ta’ Alla nilqgħuha f’qalbna u fina tagħmel il-frott. Nafu li hemm diversi ċirkustanzi li jistgħu jfixkluna imma dil-Kelma ta’ Ġesu tgħinna biex nagħrfu kif il-Kelma ta’ Alla nilqgħuha fil-ħajja tagħna.
Niftakru wkoll ħaġa oħra importanti. Aħna bħala Nsara msejħin biex il-Kelma nilqgħuha u nwassluha. Issa kultant jiġri – per eżempju, lilna s-saċerdoti – li meta twassal il-Kelma ssib min hu indifferenti, min ma jagħtix każ, min qisek ma għedt xejn. Kultant dil-ħaġa tfixkilna. Imma l-Kelma li qed jgħid Ġesù tagħtina kuraġġ. Tgħidilna li hekk hi l-ħajja fil-fatt – bħal żerriegħa li taqa’ f’postijiet differenti u ma tagħmilx frott. L-importanti hu li verament inħallu l-Kelma ta’ Alla tidħol fina u nwassluha b’ħafna mħabba lill-oħrajn – imbagħad inħallu f’idejn il-Mulej li jkabbar, għax nafu li Alla hu li jkabbar iż-żerriegħa. Li nitolbuh hu li ssib art tajba fejn il-Kelma tiegħu tista’ tagħmel il-frott. Nitolbuh dan għalina personali u nitolbuh dan ukoll għall-ħidma tagħna biex il-Kelma li aħna nwasslu ssib din l-art tajba ħalli tagħmel il-frott.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta