60% taż-żgħażagħ f’Malta qegħdin f’riskju ta’ burnout. U inti li qed taqra dan l-artiklu jaf ukoll tħossok li għejejt titħabat mal-ħajja biex tipprova tlaħħaq kollox imma donnu kollox qed jaħrablek minn idejk. Għalfejn il-ħin kollu bil-mowbajl f’idi u meta nieħu ġurnata leave xorta nispiċċa nidħol fl-emails tax-xogħol?
Iż-żgħażagħ Gabriel Cassar Tabone u l-vidjografu Nichi Agius Deguara mill-Uffiċju tal-Preżenza Digitali tal-Arċidjoċesi fuq il-pjattaforma tal-Arċidjoċesi ta’ Malta BeHold qed iwasslu sensiela ta’ riflessjonijiet qosra u interattivi bl-isem ta’ ‘Bilqiegħda’ biex nagħrfu l-valur tal-mistrieħ, kemm fiżiku, kemm mentali imma wkoll spiritwali. Dawn qed joħorġu kull nhar ta’ Tnejn fl-12pm fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Behold.
Cassar Tabone jinkwadra dan kollu fir-realtà tal-Ġublew tat-Tama li qegħdin niċċelebraw din is-sena bħala Knisja Kattolika. Filwaqt li fl-ewwel episodju jagħti ħarsa ġenerali fuq il-mistrieħ u r-rabta tiegħu mal-Ġublew ,fit-tieni episodju jelabora aktar u jgħarbel il-mistoqsija dwar jekk il-multitasking huwiex verament virtù. L-ispunti huma tassew t’għajnuna għan-nies ta’ kull età.
F’kull episodju se jwaħħad il-bżonn tal-mistrieħ fiżiku mal-emozzjonijiet l-aktar interjuri tagħna għax dawn huma wkoll konnessi.
Filwaqt li nawguralhom tal-biċċa xogħol eċċellenti li qed jagħmlu nħeġġukom tkomplu ssegwu u xxerdu l-kelma biex kulħadd jagħraf il-ġid tal-mistrieħ.
Oqgħod ftit bilqiegħda u arah bil-kwiet, biex fis-skiet il-kelma tħalli l-frott f’qalbek u f’ħajtek.
Sors: Newsbook Malta
Artiklu miktub minn Gabriel Lia