Ritratt: Miguela Xuereb, fiċ-ċirku Qaddejja taċ-Ċenaklu

Tħabbret il-mewt ta’ waħda mill-fundaturi tal-Qaddejja taċ-Ċenaklu Sr Rose Zammit li kienet laqgħet din is-sejħa biex tinfetaħ id-Dar tal-Kleru u sservi t’għajnuna għas-saċerdoti anzjani.

60 sena ilu hi kienet qalet “iva” u aċċettat din il-missjoni flimkien mal-fundatur Monsinjur Salv. Grima u erba’ Qaddejja Oħra taċ-Ċenaklu.

Hi kienet tat l-aħħar intervista tagħha lil Newsbook Malta meta kien qiegħed iżur din id-dar, is-sena li għaddiet biex ifakkar is-60 anniversarju mit-twaqqif ta’ din id-dar. b’dokumentarju li jħares lejn il-ħajjiet ta’ dawn is-sorijiet. Sr Rose kienet stqarret li s-sejħa tagħha ġiet meta kien fil-preżenza t’għalliema tagħha u semgħet lill-Monsinjur Salv. Grima jgħid illi se jiftaħ din id-dar.

Hi kienet għalliema tal-Primarja f’tal-Pietà u bħala waħda minn tas-Sliema kienet tħobb tmur l-Exiles. Kienet għalqet billi qalet li hi dejjem żammet f’qalbha s-saċerdoti li kienu għeżież ħafna għaliha.

F’kitba fuq Facebook tal-Qaddejja taċ-Ċenaklu dawn sellmu l-memorja tagħha u qalu li din dejjem serviet bi tbissima u bi ħlewwa liema bħalha. Kulħadd konxju ta’ kif ma kienet tgħejja qatt isservi u kemm verament kellha l-ħidma b’risq is-saċerdoti f’qalbha. Hi offriet ukoll it-tbatija tagħha għal-vokazzjonijiet u f’dan iż-żmien diffiċli għexet ukoll il-Kelma ta’ Ġesù u baqgħet tfittex il-preżenza ta’ Ġesù Ewkaristija.

Hi kellha ħafna għal qalbha l-vokazzjonijiet tal-Qaddejja taċ-Ċenaklu tant li anke fl-intervista magħha talbet li jkun hemm aktar tfajliet li jiddedikaw ħajjithom għal Alla b’dan il-mod sabiħ.

Tistrieħ fis-sliem.

Minn Gabriel Lia