L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Fommu mitbuq u qalbu f’idu. Din naraha deskrizzjoni sabiħa u f’waqtha ta’ San Ġużepp. Meta tara fejn jissemma fl-Evanġelju, dejjem tarah bħala bniedem li qiegħed fil-kwiet, jagħmel dak li għandu jagħmel, jagħmlu bl-imħabba; imma qatt mhu fiċ-ċentru. Il-Papa Franġisku, fl-Ittra Appostolika li ħareġ B’qalb ta’ Missier (Patris corde), biex jistedinna f’din is-sena nirriflettu b’mod speċjali fuq dan il-qaddis, jgħid li hu kien dejjem qisu fid-dell; fid-dell, imma hemmhekk jagħmel dak li għandu jagħmel u jagħmlu b’ħafna mħabba.

Nixtieq li llum, fis-solennità ta’ San Ġużepp, aħna nħarsu lejh, u minbarra li nitolbuh jidħol għalina, naraw ukoll x’nitgħallmu minnu; għax fil-ftit li jissemma fl-Evanġelju hemm ħafna li nistgħu nitgħallmu.

Kriżijiet

San Ġużepp ma kellux ħajja faċli. Lanqas xejn. U meta jissemma fl-Evanġelju, tista’ tgħid dejjem jissemma f’xi kriżi, f’xi mument iebes. Smajna fl-Evanġelju llum meta hu ma setax jifhem x’qed jiġri f’Marija, kif hi kien se jkollha tarbija. Ma setax jifhem għax ma kienx jaf il-pjan ta’ Alla, u għalhekk din ħolqot fih kriżi, ħolqot fih tbatija, u ried jara x’se jagħmel. Mhux hawn biss. Anke narawh ’il quddiem, meta jasal biex jitwieled Ġesù u ma għandux fejn jitwieled. Imbagħad meta twieled, kellhom jaħarbu, il-familja kollha, minħabba li Erodi kien qed ifittex it-tarbija biex joqtolha. Insibuh ukoll meta flimkien ma’ Marija ppreżentaw lil Ġesù fit-tempju, u hemm ukoll jisma’ fuq it-tbatija. Anke meta mbagħad tilfu lil Ġesù, u wara tlitt ijiem sabuh fit-tempju.

Jekk toqgħod tinnota, kull fejn jisemma San Ġużepp, dejjem f’xi mument ta’ kriżi. U x’għamel f’dawn il-waqtiet kollha, f’dawn l-esperjenzi diffiċli tal-ħajja tiegħu? X’għamel San Ġużepp? Ħa nsemmi tliet punti li naraw fil-ħajja tiegħu u li huma ta’ għajnuna kbira għalina dejjem fil-ħajja tagħna, ukoll fil-mumenti ta’ kriżi u ta’ tbatija.  

Iserraħ biss fuq Alla

L-ewwel nett, San Ġużepp serraħ fuq il-Kelma ta’ Alla, kellu fiduċja kbira f’Alla. Kienet din il-fiduċja f’Alla li mexxietu kontinwament f’dawn il-mumenti ta’ kriżi, b’mod li kull kriżi nbidlet f’opportunità ġdida. Narawh illum stess fl-Evanġelju meta hu kien diġà għamel pjan kif lil Marija jgħinha biex titlaq bil-kwiet, bla ħafna storbju; kien pjan ta’ ġustizzja u mħabba flimkien. Imma mbagħad, meta rċieva l-messaġġ minn Alla, u nduna li Alla għandu l-pjan tiegħu, neħħa l-ħsieb li kellu u mexa fuq il-pjan ta’ Alla, fuq dak li qallu Alla. Serraħ fuq il-kelma tiegħu.

Din mexxietu dejjem f’kull waqt tal-ħajja tiegħu. Kellu din il-grazzja li jirċievi messaġġ mingħand Alla, u kif jagħraf dak li jrid, jimxi kif irid Alla. Din hi tagħlima sabiħa għall-ħajja tagħna: li aħna dan ukoll infittxu. Ukoll f’mumenti meta ma nifhmux, meta jkollna kriżi, inqiegħdu l-fiduċja sħiħa f’Alla li jmexxina fil-mumenti ibsin u ta’ diffikultà fil-ħajja tagħna.

Jisma’ u jieħu azzjoni

Lil San Ġużepp narawh bħala bniedem li jisma’ u jieħu azzjoni. Aħna kemm-il darba ninnutaw li fl-Evanġelju ma nsibux kelma li qal San Ġużepp. Lanqas nistgħu nikkwotaw xi sentenza tiegħu, bħalma nikkwotaw tant qaddisin. Imma ħaġa li tolqotna wkoll, barra li ma nsibux kliem li qal, hi li nsibuh dejjem jisma’. Għal erba’ darbiet insibuh jisma’ lill-anġlu b’messaġġ mingħand Alla. Imbagħad, meta jmur it-tempju biex jippreżentaw lil Ġesù, jisma’ lil Xmun. Imbagħad meta jitilfu lil Ġesu u jsibuh wara tlett ijiem, jisma’ lil Ġesu stess. Dejjem jisma’.

San Ġużepp hu dak li pproteġa l-ħajja. Meta ma setax jifhem x’qed jiġri b’Marija, li se jkollha tarbija, kien jaf li jekk in-nies jindunaw biha, jistgħu jħaġġruha. Għamel mezz kif jibgħatha bil-kwiet biex isalva ħajjitha.

Imma mhux biss jisma’, imma jisma’ u jieħu azzjoni. Jara x’hemm bżonn, u malajr jieħu azzjoni. U jagħmilha bl-akbar imħabba, bl-akbar sensittività, imma jagħmel dak li għandu jagħmel u jagħmlu b’responsabbiltà kbira. San Ġużepp hu dak li pproteġa l-ħajja. Meta ma setax jifhem x’qed jiġri b’Marija, li se jkollha tarbija, kien jaf li jekk in-nies jindunaw biha, jistgħu jħaġġruha. Għamel mezz kif jibgħatha bil-kwiet biex isalva ħajjitha.

Hawn ukoll għandna eżempju sabiħ għall-ħajja tagħna: kif ngħaqqdu flimkien li nisimgħu u li nieħdu azzjoni. Għandna bżonn ħafna aktar fil-ħajja li nisimgħu tassew, kemm il-messaġġ li jagħtina Alla, kif ukoll li nisimgħu lil xulxin. U mas-smigħ ngħaqqdu wkoll l-azzjoni – x’hemm bżonn li nagħmlu fil-ħajja tagħna. Nagħmluh mingħajr ħafna frattarija, mingħajr ħafna storbju, u nagħmluh bl-imħabba kif jgħallimna San Ġużepp.

Jipproteġi l-ħajja

Imbagħad hemm ħaġa oħra li tant tolqotni f’San Ġużepp u tant hija importanti għalina llum. San Ġużepp hu dak li pproteġa l-ħajja. Meta ma setax jifhem x’qed jiġri b’Marija, li se jkollha tarbija, kien jaf li jekk in-nies jindunaw biha, jistgħu jħaġġruha. Għamel mezz kif jibgħatha bil-kwiet biex isalva ħajjitha. Imma mhux lilha biss, għax Marija ma kinitx waħedha. Kienet qed tistenna tarbija. Marija kellha lil Ġesù. San Ġużepp hu l-protettur tal-ħajja f’kull waqt: minn qabel it-twelid, mill-mument tal-bidu. Hekk insibuh dejjem, għax anke meta kellu jaħrab lejn l-Eġittu, għamel dan biex jipproteġi l-ħajja ta’ Ġesù u ta’ Marija.

F’dan ukoll hemm eżempju sabiħ ħafna u importanti għall-ħajja tagħna. San Ġużepp qatt ma rraġuna li hemm Marija li jrid isalvalha ħajjitha, u din għandha erba’ ċelloli ġewwa li mhumiex importanti. Għalih kienet importanti l-ħajja ta’ Marija u wkoll ta’ Ġesù qabel it-twelid u wara t-twelid. Dejjem. Jgħallimna li l-ħajja umana hija sagra u għandha tkun protetta dejjem – mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha, u f’kull waqt tagħha. Għalhekk hawn toħroġ ħafna din il-qalb ta’ missier li hu kellu, qalb li tgħożż il-ħajja.

Nitolbu f’din il-festa lil San Ġużepp: biex hu jieħu ħsieb lilna u lill-familji tagħna. Il-Papa xtaq li din is-sena wkoll, mil-lum, nibdew naħsbu aktar fuq il-familja. Nitolbuh biex iħarisha u jħares ukoll il-Knisja mad-dinja kollha, li tant għandha bżonn dan il-ħarsien tiegħu. Nitolbuh ukoll biex inkomplu nsibu fih mudell sabiħ għall-ħajja tagħna, speċjalment kif aħna nqiegħdu dejjem il-fiduċja f’Alla li jmexxina, ukoll fil-mumenti tad-dlam; li bħalu nkunu nies li nisimgħu u nieħdu azzjoni fil-kwiet imma b’ħafna mħabba; u li dejjem ngħożżu u nħarsu l-ħajja f’kull waqt tagħha.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju