• ****

    Direttur:          Stefano Sollima

    Atturi:              Josh Brolin, Benicio Del Toro, Catherine Keener, Isabela Moner,Matthew Modine, Jeffrey Donovan, Christopher Heyerdahl u Ian Bohen

    Ħin tal-Film:    122 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                             15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                                  18

    Ħames terroristi wettqu attakk suwiċidu ġewwa supermarket f’Kansas City li fih mietu ħafna nies ċivili. Deher li l-kartelli ta’ droga Messikani kienu għenu lil dawn it-terroristi Jihadisti biex jinfiltraw ġewwa l-Amerika u jwettqu dan l-attakk krudili. Is-Segretarju tad-Difiża, James Ridley, jawtorizza lill-aġent tal-FBI, Matt Graver biex jipprovoka battalja bejn ir-rivali kartelli bħala tpattija. Biex jgħinu jwettaq din il-missjoni, Graver jitlob l-għajnuna tas-sicario Alejandro Gillick, avukat iżda li issa kien determinat li jivvendika ruħu minn dawk li qatlulu l-familja kollha. Gillick jaċċetta li jidħol b’ruħu u ġismu għal din l-operazzjoni.

    L-ewwel ma jagħmel hu li joqtol avukat prominenti ta’ kartell ewlieni waqt li Graver u t-tim tiegħu jaħtfu lil Isabela, it-tifla ta’ Reyes, il-kap tal-kartell li kien responsabbli għal qtil tal-familja ta’ Gillick. Graver u Gillick jittamaw li Reyes jikkonkludi li dan il-ħtif twettaq minn xi rival tiegħu. Il-pjan tal-ħtif jirnexxi. Isabela jeħduha Texas. Hemmhekk jilgħabuha li kienu huma li “salvawha” biex hekk ma taħsibx li kienu huma li ħatfuha. It-tim jipprova jeħodha lura lejn il-Messiko iżda l-pjan jibda jmur żmerċ. Il-pulizija federali Messikana li kienet qegħda teskorta l-vetturi Amerikani, jiftħu n-nar fuqhom. Dan l-attakk bla mistenni, jġiegħel il-forzi ta’ Graver jirritaljaw u joqtlu ħafna minnhom. Il-ħajja tat-tifla maħtufa tkun f‘periklu serju.

    Sadanittant, il-Gvern Messikan isir jaf li l-ħtif tat-tifla kienet biċċa xogħol tas-CIA. Biex tkompli titħawwad il-qagħda, waqt il-kaos, Isabela taħrab, b’Gillick imur warajha waħdu biex isibha. Il-gvern Amerikan biex inaqqas t-tensjoni bejn iż-żewġ gvernijiet, jordna lil Graver biex Gillick joqtol lil Isabela, li kienet ix-xhud ewlieni ta’ dak kollu li ġara. Gillick jirrifjuta. Graver jiġbor tim ġdid madwaru biex jaqbad lil Graver u lil Isabela. Sadanittant, Graver u Isabela aċċidentalment jinqabdu minn gaj Messikan. X’jiġri minn hawn?

    Film Amerikan, mimli azzjoni, taħt id-direzzjoni ta’ Stefano Sollima u kitba ta’ Taylor Sheridan. Il-film isegwi l-ewwel film: SICARIO li ħareġ fl-2015. Minħabba tema ta’ vendetta, vjolenza mdemmija u użu spiss ta’ kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.