
L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Normalment, nawfraġju jfisser traġedja. Ifisser telf, biża’, konfużjoni, u sens ta’ impotenza quddiem il-forzi tan-natura. Nawfraġju normalment ma tiċċelebrahx, imma tfakkru b’ċerta dieqa minħabba l-esperjenza qarsa.
Madankollu, fl-10 ta’ Frar ta’ kull sena l-Knisja f’Malta tiċċelebra nawfraġju. Aktarx hi unika, aktarx ma hemm ħadd ieħor li jiċċelebra nawfraġju. Tiċċelebrah għax dan ma kienx inċident każwali, imma mument ta’ grazzja, meta l-Providenza ta’ Alla messet artna u bidlet il-kors tal-istorja tagħna bil-miġja ta’ San Pawl fostna.
Pawlu wasal fuq dawn ix-xtut mhux bħala rebbieħ, imma bħala priġunier; mhux b’qawwa militari, imma b’ġisem vulnerabbli u qalb mimlija fiduċja. U madankollu, miegħu wasal l-Evanġelju. U minn dak il-jum, Malta qatt ma baqgħet l-istess.
“Ħlewwa liema bħalha”
Il-Ktieb tal-Atti tal-Appostli jgħidilna kliem li tant idoqq sabiħ f’widnejna: “In-nies tagħha ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha” (Att 28:2). Qabel ma semgħu l-isem ta’ Ġesù pproklamat, il-Maltin kienu diġà qed jgħixu kliem tal-Evanġelju. Qabel it-tagħlim, kien hemm il-laqgħa li taw lill-barranin. Qabel il-katekeżi, kien hemm l-ospitalità. Qabel id-diskors, kien hemm il-qalb miftuħa.
Fi kliem il-Papa
Franġisku, fit-Talba li kien għamel fil-Grotta ta’ San Pawl fiż-żjara tiegħu
fostna: “Meħlusa mill-għarqa, San Pawl u sħabu tal-vjaġġ sabu jilqgħuhom
hawnhekk
nies pagani ta’ qalb tajba, li ġabu ruħhom magħhom bi ħlewwa liema bħalha, għax
intebħu li kellhom bżonn ta’ kenn, ta’ sigurtà u ta’ għajnuna. Ħadd ma kien jaf
isimhom,
imnejn ġejjin jew il-qagħda soċjali tagħhom; kienu jafu biss ħaġa waħda: li
dawn kellhom bżonn l-għajnuna”.
Dan hu l-ewwel kapitlu tal-Kristjaneżmu f’Malta: nar mixgħul għal barranin mgħarrqin, idejn miftuħa għal min kien bla protezzjoni.
Priġunier tal-Imperu, ħieles fi Kristu
Pawlu jasal Malta marbut bil-ktajjen, priġunier tal-Imperu, imma spiritwalment hu liberu. Il-ktajjen tiegħu ma jsikktux il-missjoni tiegħu. It-tempesta ma teqridx il-vokazzjoni tiegħu. In-nawfraġju ma jkissirx il-pjan ta’ Alla.
Il-fidi fi Kristu ma tinferixx bil-qawwa, imma bix-xhieda. Mhux bil-kumdità, imma bil-fedeltà fis-sofferenza.
Meta Pawlu jaqbad iz-zkuk niexfa u jitfagħhom fin-nar, u miz-zkuk toħroġ lifgħa li taqbad ma’ id Pawlu, in-nies jaħsbu li qed jaraw kastig. Meta jfarfar il-lifgħa ġon-nar u jibqa’ ħaj, jaħsbu li qed jaraw alla. Żewġ żbalji. San Pawl jirrifjuta t-tnejn, u jindika lil Kristu – il- Mulej li jagħti l-ħajja.
Minn biża’ għal fidi matura
Meta nirriflettu fuq din il-ġrajja, jolqotna żgur kemm il-Maltin ta’ dak iż-żmien kienu malajr jiġġudikaw – kultant għadna l-istess tant snin wara! Kif jaraw il-lifgħa ma’ id Pawlu, jgħidu: “Dan ir-raġel żgur xi qattiel, għax għad li ħelisha mill-baħar, il-Ġustizzja ma ħallitux jgħix!” (Atti 28:4) Kif raw li ma mietx – u stennew ħafna biex jaraw jiġrilux xi ħaġa – “biddlu l-ħsieb u bdew jgħidu li kien xi alla” (Atti 28:6).
Bejn il-kundanna u l-idolatrija hemm triq waħda nieqsa: il-fidi vera. San Pawl ma jaċċettax la l-kundanna u lanqas it-tifħir. Hu jibqa’ qaddej. U permezz tal-umiltà tiegħu, Alla jaħdem.
Il-fidi ssir matura meta nieqfu nipproġettaw il-biżgħat u l-aspettattivi tagħna fuq Alla, u nibdew nafdawh anke meta ma nifhmux.
L-Evanġelju jġib il-fejqan
San Pawl ma jokkupax lil Malta. Hu jserviha. Hu jfejjaq lil missier Publju, il-prinċep tal-gżira. Hu jmiss il-ġisem marid ta’ ħafna. Hu jerġa’ jqajjem it-tama.
Fejn jitħabbar l-Evanġelju bil-kliem u bil-fatti, dejjem iħalli post aħjar milli sabu. Dejjem iġib fejqan. Dan hu messaġġ tant importanti għalina fi żmienna.
Il-provvidenza ta’ Alla
Ir-rakkont tal-Atti tal-Appostli jurina ġifen li kien imħabbat b’tempesta kbira li minħabba fiha – “tlifna kull tama li nsalvaw” (Atti 28:20). Imma qalb dan kollu hemm dik il-kelma li Pawlu jgħid: “Jeħtieġ, iżda, li naħbtu ma’ gżira” (Atti 28:26).
Dan hu kliem li jgħaqqad mal-qari mill-Ktieb tal-Għerf: “Missier, il-providenza tiegħek tmexxih; għax int ftaħt triq fil-baħar ukoll, u mogħdija bla periklu qalb l-imwieġ…fuq dgħajsa skansat it-tama tad-dinja u, mmexxija minn idek, ħalliet lid-dinja żerriegħa ta’ nisel ġdid” (Għerf 14:3.6). Hu kliem li jfakkarna ħafna fil-provvidenza ta’ Alla.
Malta ma kinetx kbira jew b’saħħitha, imma kienet disponibbli. U din is-sejħa għadha valida sal-lum. F’dinja mimlija tempesti soċjali, morali, spiritwali, Malta hi msejħa biex tkun dik li tilqa’ l-Kelma ta’ Alla, xhieda li l-fidi tista’ tibqa’ ħajja anke wara nawfraġju.
In-nawfraġji tagħna
Din is-solennita tan-Nawfraġju ta’ San Pawl tagħtina messaġġ sabiħ ukoll għall-ħajja tagħna personali. Kull wieħed u waħda minna jaf in-nawfraġji tal-ħajja: pjani mfarrka, relazzjonijiet miksura, fidi mġarrba.
Imma din is-solennità tgħidilna b’qawwa: Alla jista’ jasal proprju qalb in-nawfraġji tagħna. Dak li jidher telf, jista’ jsir il-post fejn Alla jilħaq lil oħrajn permezz tagħna. San Pawl ma għażilx it-tempesta, imma għażel li jafda lil Alla fiha.
Inqawwu qalbna
Waqt it-tempesta, u qabel in-nawfraġju, Pawlu jgħid: “Qawwu qalbkom, ħbieb” (Atti 28:25). Dan hu l-messaġġ li jagħti lilna llum ukoll: qawwu qalbkom.
Inqawwu qalbna. Mhux għax nagħlqu għajnejna għal dak li jiġri, jew għax
mhux konxji tad-deni li jsir, imma għax niftakru dejjem li Alla għadu jikteb
l-istorja tas-salvazzjoni
xi kultant mhux bit-trijonf, imma bil-fedeltà waqt il-maltemp.
Nitolbu llum lil San Pawl Appostlu, Missierna fil-fidi: itlob għalina
l-Maltin biex inkunu nies li nemmnu. Itlob għall-Knisja f’Malta biex inkunu
Knisja li taf tilqa’, li taf tafda,
u li taf tħabbar lil Kristu.
Nerġgħu ntennu llum il-kliem tat-talba tal-Papa Franġisku fostna: “Missier twajjeb agħtina l-grazzja ta’ qalb tajba li tħabbat bl-imħabba għal ħutna; Għinna nagħrfu mill-bogħod il-ħtiġijiet ta’ min jinsab jitqalleb fil-mewġ, ta’ min jitfarrak mal-blat ta’ xatt mhux magħruf. Ħeġġilna qalbna biex il-kompassjoni tagħna ma tkunx kliem fil-vojt iżda kompassjoni li tqabbad il-ħuġġieġa; ħuġġieġa li tnessi l-maltemp li għadda, ħuġġieġa li ssaħħan il-qlub u tgħaqqadhom flimkien bħal fuklar tad-dar mibnija fuq il-blat, tal-familja waħda ta’ uliedek, aħwa lkoll. Inti tħobbhom ilkoll bla ebda distinzjoni u trid li jkunu magħqudin ħaġa waħda ma’ Ibnek Ġesù Kristu Sidna, bil-qawwa tan-nar mibgħut mis-sema, l-Ispirtu Qaddis tiegħek, li jaħraq kull mibgħeda u fid-dlam tal-lejl idawwal il-mixja tagħna lejn is-saltna tiegħek ta’ mħabba u sliem”.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju




