L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ara, jien qiegħed nibgħatkom bħal nagħaġ qalb l-ilpup. Kunu mela għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem” (Mt 10:16). F’żewġ sentenzi, Ġesù jsemmi erba’ tipi ta’ annimali differenti. Mhux qed jitkellem hawnhekk biex iħeġġiġna għar-rispett lejn l-annimali – avolja aħna nafu li, għax l-annimali huma ħolqien ta’ Alla, għandna dejjem nirrispettawhom. Imma hawnhekk Ġesù qed juża l-annimali bħala xbihat biex iwassal messaġġ lill-appostli tiegħu.
Hu tajjeb li naraw xi jrid jgħid Ġesù, għax dak li jrid jgħid lill-appostli, jgħidu wkoll lilna llum. Ġesù jgħid: “…qiegħed nibgħatkom bħal nagħaġ qalb l-ilpup”. Meta tara nagħġa, hi xbieha ta’ xi ħadd li ma jagħmilx ħsara, ma jweġġax, ma jaħtafx, u l-attitudni hi ġentili. Ġesù hekk iridna, filwaqt li niftakru li aħna nagħaġ għax hu r-ragħaj tagħna; kif kien qal Ġesù: “In-ngħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja” (Ġw 10:27). Hekk irid minna: li nkunu bħal nagħaġ. Jgħid ukoll, imbagħad, “qalb l-ilpup”. Il-lupu hawnhekk hu simbolu ta’ min jaħtaf, ta’ min jagħmel il-ħsara, ta’ min l-attitudni hi goffa, arroganti. Ġesù qed jgħid lill-appostli tiegħu li se jibgħathom “bħal nagħaġ qalb l-ilpup”, jiġifieri ma għandhomx għalfejn jiskantaw jekk se jiltaqgħu ma’ min lilhom iweġġagħhom, ma’ min jippersegwitahom, bħalma jsemmi hawn stess il-persekuzzjoni li minnha se jgħaddu l-appostli.
Ma għandhomx għalfejn jibżgħu. Imma jridu joqogħdu attenti li huma jibqgħu tassew “bħal nagħaġ qalb l-ilpup”, jiġifieri li huma ma jitteħdux mill-attitudni ta’ dawk li qed iweġġgħuhom. Ejja ngħidu għalina llum, għax dak li qal lill-appostli jgħodd ukoll għalina. Jekk ngħaddu minn diffikultajiet, ostakli, u niltaqgħu ma’ nies li jġibu ruħhom bħal ilpup, ma għandhiex l-attitudni tagħna tkun bħal tagħhom. Inkella nkunu “bħal ilpup qalb l-ilpup”, u f’dak il-każ Kristu ma jibqax ir-ragħaj tagħna, għax inkunu qed ngħidulu: aħna m’aħniex in-nagħaġ tiegħek.
Imbagħad Ġesù jgħid ukoll: “Kunu għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem”. Hi interessanti għax Ġesù jgħaqqad żewġ affarijiet li kultant nifirduhom. Kultant, lil min hu għaqli, iħaddem moħħu, mhux ta’ subgħajh f’ħalqu, ma tantx ngħaqqduh ma’ min hu safi jew rett. Kultant qisna npoġġuhom kontra xulxin. Ġesù qed jgħid: mhux biss mhumiex kontra xulxin, anzi lill-appostli qed jgħidilhom: tridu tkunu dawn flimkien.
Xi jfisser dan? Li nkunu “safjin bħall-ħamiem” tfisser li aħna, min-naħa tagħna, ma nqarrqu b’ħadd, ma ningannaw lil ħadd. U ma nweġġgħu lil ħadd, jiġifieri ma nużawx lill-oħrajn għall-iskopijiet tagħna. “Għaqlin bħas-sriep” tfisser li aħna mbagħad noqogħdu attenti li ma jqarrqux bina, ma jingannawniex. Ġesù qed jgħid: dawn imorru flimkien. Fil-fatt, anke b’rabta mat-tixbihat l-oħra, Ġesù kien qal darba: “Iftħu għajnejkom mill-profeti foloz, għax dawn jiġu għandkom lebsin ta’ nagħaġ u minn ġewwa jkunu lpup ħattafa!” (Mt 7:15) Dak qed jgħid Ġesù: li rridu noqogħdu attenti. Min-naħa tagħna, li dejjem inġibu ruħna sewwa mal-oħrajn, b’mod rett, u ma nqarrqux aħna bl-oħrajn; imma wkoll li ħadd ma jqarraq bina. Kultant ikun hemm din l-idea: għax dan “tal-Knisja”, tista’ tqarraq bih, tista’ tagħmel li trid bih. Le, ħadd ma għandu jqarraq bina u noqogħdu attenti minn dan, u dan ifisser li nkunu “għaqlin bħas-sriep” filwaqt li nkunu wkoll “safjin bħall-ħamiem”. Nitolbu lill-Mulej illum, li aħna nkunu, kif qal lill-appostli tiegħu, nagħaġ qalb l-ilpup, għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem, u li hu jagħtina l-grazzja li nimxu tassew fit-triq it-tajba ħalli, bħalma qal fl-Evanġelju llum, nibqgħu sħaħ sal-aħħar, għax hu qal: “min jibqa’ jżomm sħiħ sal-aħħar, dan isalva” (Mt 10:22)
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju