L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Jekk wieħed ma jitwelidx mill-ġdid, ma jistax jara s-Saltna ta’ Alla” (Ġw 3:3). Dan huwa l-kliem li Ġesù qal lil Nikodemu, li kien wieħed mill-kbarat tal-Lhud, wieħed mill-Fariżej, li kienu normalment kritiċi ħafna ta’ Ġesù. Imma dan ried imur ikellmu, u jkellmu bil-moħbi bil-lejl. U Ġesù mal-ewwel jgħidlu dal-kliem: li wieħed irid jitwieled mill-ġdid.
Nikodemu ma fehmux lil Ġesù għall-bidu. Beda jipprova jaħseb kif jista’ wieħed jitwieled mill-ġdid. Imma Ġesù ma kienx qed jgħidlu li jekk tkun kbir fl-età, terġa’ ssir ċkejken, tgħaddi ż-żmien fil-ġuf biex imbagħad titwieled. Ġesu kien qed jgħidlu “twelid mill-ġdid” f’sens ieħor, it-twelid mill-Ispirtu – li aħna, bħalma jgħid Ġesù “mill-ilma u mill-Ispirtu” nitwieldu mill-ġdid fil-magħmudija; imma mbagħad, ma niqfux hemm, imma l-Ispirtu ta’ Alla jwellidna mill-ġdid tul ħajjitna kollha.
Eżempju sabiħ ħafna ta’ twelid mill-ġdid
Aħna u nagħmlu llum it-tifkira tal-mitt sena mill-mewt ta’ Madre Maria Teresa Nuzzo, fundatriċi tal-Kongregazzjoni tal-Ulied tal-Qalb ta’ Ġesù, għandna eżempju sabiħ ħafna ta’ x’ifisser “titwieled mill-ġdid” – dan il-kliem li Ġesù qal lil Nikodemu. Mhuwiex biss għax hi mal-ewwel kienet mgħammda, l-għada li twieldet, fil-Knisja Kolleġġjata ta’ San Pawl, il-Belt, u anke rċeviet il-Griżma ta’ età pjuttost żgħira ta’ tmien snin, għax kellha familja li għenitha tikber fil-ħajja Nisranija; imma għaliex il-ħajja tagħha hija ħajja ta’ persuna dejjem miftuħa għall-Ispirtu ta’ Alla u għall-ħajja ġdida li jġib l-Ispirtu ta’ Alla.
Qabel ma fittxet li tagħmel, fittxet li qalbha tkun miftuħa għall-Ispirtu ta’ Alla. Fil-fatt għarfet mal-ewwel is-sejħa li kellha li tagħti sehemha fl-edukazzjoni, fi żmien meta kienet tgħix fejn kien hemm ħafna sfidi u ħafna diffikultajiet, speċjalment għall-parti kbira mill-poplu, u partikolarment għal ħafna mit-tfajliet. Għarfet li l-vokazzjoni tagħha kienet li tgħin fl-edukazzjoni, imbagħad kibret ukoll biex tista’ tiddedika ħajjitha b’mod sħiħ. F’mument minnhom ħasbet li għandha tmur soru tal-klawsura, imma d-direttur spiritwali qalilha li ma jaħsibx li dik kienet it-triq tagħha. U din kienet minn Alla, verament, għax imbagħad iddedikat ħajjitha biex twaqqaf il-Kongregazzjoni tal-Ulied tal-Qalb ta’ Ġesù – dejjem għax hi kienet qed titwieled mill-ġdid mill-Ispirtu.
Għarfet taqra s-sinjali taż-żminijiet
Għalhekk għarfet taqra s-sinjali taż-żminijiet u, fejn kien hemm bżonn, b’dedikazzjoni sħiħa għall-foqra u għal dawk li ma kellhomx min jgħinhom fl-edukazzjoni u fil-ħajja soċjali. Iddedikat ruħha hi, flimkien mal-Kongregazzjoni tagħha, għall-foqra, għal dawk bi bżonnijiet soċjali, u għall-edukazzjoni. Rat b’dal-mod kif tista’ tgħix il-vokazzjoni tagħha li twassal l-Evanġelju b’mod konkret: bil-kliem, iva, imma wkoll b’dawn l-għażliet tagħha u tan-nies li ġabret madwarha.
Hija grazzja li għandna din il-ħajja ta’ Maria Teresa Nuzzo, u li nistgħu naraw kif id-dedikazzjoni tagħha ħalliet frott hekk kbir. Meta nħarsu lura lejn kważi 120 sena tal-Kongregazzjoni tal-Ulied tal-Qalb ta’ Ġesù – li jagħlquhom proprju fil-21 Novembru ta’ din is-sena – naraw tant ħidma li saret għall-ġid tas-soċjetà Maltija, għall-ġid tal-Maltin, għall-ġid speċjalment tal-foqra, għall-ġid ta’dawk li kellhom ħafna bżonnijiet soċjali. U naraw mhux biss il-ġid li sar imma li għadu jsir.
L-Ispritu ta’ Alla, li dejjem iġedded u joħloq, għen biex din il-Kongregazzjoni li hi waqqfet tinfirex mhux biss f’Malta imma wkoll f’tant postijiet oħra. U llum, kif nistgħu naraw hawnhekk, diversi minn dawn il-postijiet huma l-futur ta’ din il-Kongregazzjoni u huma ż-żgħożija ta’ din il-Kongregazzjoni. Grazzi għal kemm Madre Maria Teresa Nuzzo kienet miftuħa għall-Ispirtu ta’ Alla.
L-għajn li minnha xorbot għall-ħidma tagħha
Nixtieq li nirringrazzjaw lil Alla tagħha, u tal-frott tal-ħidma tagħha; imma nixtieq li niftakru li l-ħidma tagħha kienet ħierġa minn ħajja totalment iddedikata lil Alla, li lilu għażlet li sservi b’imħabba sħiħa fis-sempliċità u fl-umiltà.
Aħna nafu li kull min jagħmel din l-għażla, ibati. Hi batiet ukoll, u batiet kultant anke minn ta’ ġewwa – bħalma jiġri, l-ikbar tbatija hija kultant mhux minn dawk li qegħdin ’il bogħod imma minn dawk viċin tiegħek. Kienet lesta ssofri b’imħabba, b’maħfra, u dejjem taqdi lil Alla fil-vokazzjoni tagħha. Anke jekk hi kienet fundatriċi, fl-aħħar snin spiċċat fil-ġenb, fost l-oħrajn fid-dar taż-Żejtun – għalhekk hemm rabta taż-Żejtun magħha – imma hi għażlet li tkompli taqdi din il-vokazzjoni tagħha b’ħafna u ħafna mħabba.
Ta’ dan illum niringrazzjaw lil Alla. Nirringrazzjawh, u nitolbuh ħafna għal dawn li huma l-ulied tagħha fil-Kongregazzjoni. Nitolbuh ukoll ħafna biex dawn li għażlu l-ħajja reliġjuża li jsegwuha, ikollhom dejjem l-ispirtu tagħha, u jaqdu lill-Mulej b’dan l-ispirtu tagħha; u jaqdu lis-soċjetà Maltija – meta jkunu Malta; imma hawn diversi postijiet oħra, għalhekk jaqdu wkoll is-soċjetà Afrikana, Asjatika, Amerikana meta jkunu f’dawn il-postijiet. U jħallu lill-Ispirtu ta’Alla jġedded kontinwament il-ħajja tagħhom personali u l-ħajja tal-Kongregazzjoni tagħhom. Għal dan qed nitolbu f’din il-quddiesa. Nitolbu biex il-Mulej ikompli jsejjaħ ħafna oħrajn biex jissieħbu f’din il-Kongregazzjoni u li jkomplu b’dan l-ispirtu tagħha.
Nixtieq ukoll li aħna lkoll li qegħdin hawn – li ma aħniex reliġjużi fil-Kongregazzjoni tal-Ulied tal-Qalb ta’ Ġesù – inkomplu nitgħallmu minn din il-persuna li tant għamlet ġid, speċjalment għax ħalliet l-Ispirtu ta’ Alla jġeddidha kontinwament, ħalliet l-Ispirtu ta’ Alla juriha fejn għandha taqdi, b’liema spirtu għandha taqdi, u llum ta’ dan nirringrazzjaw lil Alla.
Just a few words for all those who have come here from different parts of the world, especially members of this Congregation. You have a special person who is the foundress of this Congregation. We are thanking God for all she has done many years ago, but also for the fruit of her choices. It is the Holy Spirit who has inspired her life, and it is the Holy Spirit who will help you also to live your vocation with love, in simplicity and humility, following Maria Teresa Nuzzo. We are praying during this mass especially for you, for the Congregation. We pray that you may always follow the foundress not only in her work, and in her dedication and enthusiasm, but especially in her interior life that helped her to do so much for the society in Malta, especially for those who were poor, underprivileged and facing many challenges. We ask God that he will help you all, and help us all, to be inspired by this beautiful witness in the life of the Church in Malta.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta