L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
Santa Katarina ta’ Siena għexet 33 sena. Ħajja qasira, ngħidu aħna. Imma kienet ħajja mimlija. Hija waħda minn dawk il-qaddisin fl-istorja tal-Knisja li tgħallimna li mhuwiex it-tul ta’ snin li hu l-iktar importanti, imma kif ngħixu fil-ħajja tagħna s-snin li jkollna, u kif nagħmlu minnhom tweġiba għas-sejħa ta’ Alla u don sabiħ għall-oħrajn.
Katarina kienet iddedikat lilha nnifisha lil Alla minn età żgħira: ħajja ta’ talb, ta’ penitenza u ta’ għoti ta’ karità. Fil-fatt kienet magħrufa għall-imħabba kbira li kellha lejn il-morda, speċjalment, lejn dawk li kienu fil-bżonn.
Iktar ma għadda ż-żmien, aktar kibret f’din ir-relazzjoni ma’ Alla. Ħaġa li tinnota fil-ħajja tagħha hi kif iktar ma kibret fil-ħajja ma’ Alla, fil-ħajja interjuri tagħha, ikbar kien u iktar b’saħħtu kien l-impenn tagħha fis-soċjetà u fil-Knisja. Kienet mara ta’ kuraġġ kbir. Ma kellhiex inferiority complex: dak li għandha tagħmel tagħmlu, dak li għandha tgħid tgħidu, imma dejjem bl-ispirtu ta’ Kristu.
Meta tħares lejn Kristu Msallab kienet tgħidlu: fik ma narax ħlief imħabba u ħniena
Għexet fi żmien diffiċli u drammatiku għall-Knisja. Fis-seklu 14 ħadmet bis-sħiħ u talbet għall-għaqda fil-Knisja. Kienet hi li pperswadiet lil Papa Girgor XI biex minn Avignon fi Franza, fejn kien, imur Ruma. Kien bniedem dgħajjef f’saħħtu u anke fl-ispirtu tiegħu, imma hi għenitu biex imur Ruma fejn kien postu bħala Isqof ta’ Ruma u bħala Papa. Ħadmet bis-sħiħ għall-Knisja.
Nixtieq li ninnutaw, b’mod speċjali, żewġ karatteristiċi tagħha li jgħallmuna ħafna għall-ħajja. L-ewwel nett, l-imħabba ewlenija tagħha kienet lejn Ġesù Kristu, li miegħu kienet marbuta f’ħajja intima speċjalment bit-talb. Meta tħares lejn Kristu Msallab kienet tgħidlu: fik ma narax ħlief imħabba u ħniena. Hi għexet dal-kliem li smajna fl-Evanġelju llum, meta Ġesù jgħid: “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin u jien inserraħkom … tgħallmu minni għax jien ta’ qalb ħelwa u umli u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom”. Hi għexet dan, għamlet dan f’ħajjitha, u għallmet dan. Hi minn dawk li Ġesù jsejjaħ għorrief għax kienu ċkejknin – l-għerf li Alla wera liċ-ċkejknin – mhux għax kienet imkabbra. L-għerf li ta Alla, imbagħad, qasmitu mal-oħrajn, u għenet tant nies biex ikollhom din l-imħabba ewlenija tagħhom lejn Ġesù Kristu.
Kienet tħobb mhux il-Knisja li timmaġina f’moħħha, imma l-Knisja reali, bid-difetti u bil-feriti tagħha.
Karatteristika oħra tagħha li tant tolqtok hija l-imħabba kbira tagħha lejn il-Knisja: il-Knisja qaddisa imma magħmula minn midinbin. Kienet tħobb mhux il-Knisja li timmaġina f’moħħha, imma l-Knisja reali, bid-difetti u bil-feriti tagħha. Santa Katarina għarfet li l-Knisja ġġeddidha mhux meta toskuraha, jew meta tiżra’ l-mibegħda, jew tiżra’ l-kunflitt u d-diviżjoni fiha, imma meta tgħix il-fidi u tagħti xhieda qawwija quddiem l-oħrajn. Fl-imħabba tagħha lejn il-Knisja, hi għażlet li ssofri flok li ġġiegħel lil min isofri.
Nitolbuha llum lil Santa Katarina ta’ Siena, f’din il-festa tagħha, biex tkompli tkun ta’ ispirazzjoni għalina fil-ħajja tagħna, u speċjalment fl-imħabba lejn Ġesù Kristu, l-imħabba ewlenija tagħna, u fl-imħabba lejn il-Knisja.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju