L-amministratur li kellu r-raġel għani, li Ġesù jsemmi fil-parabbola fl-Evanġelju llum, kien jimxi b’mod diżonest. Xlewh li kien qed iberbaq il-ġid ta’ sidu, u jidher li din ma kinetx akkuża falza imma kien hemm verità f’din l-akkuża; fil-fatt, baqa’ jimxi b’mod diżonest sal-aħħar. Biex jgħatti xturu, beda jiftiehem ma’ min kellu jagħti xi ħaġa lis-sid – jissemmew iż-żejt u l-qamħ – biex jikteb inqas, u hekk iqarraq hemm ukoll. Baqa’ jqarraq sal-aħħar, u żied ix-xibka tal-qerq. Fil-parabbola, ma jgħidlekx li xi ħadd minn dawk li kkuntattja l-amministratur ipprotestalu u qallu li hekk mhux sew, jiġifieri saru kompliċi miegħu.
Li hemm stramb f’din il-parabbola hu meta jingħad li “s-sid faħħru lil dak l-amministatur ħażin talli ħadem b’rasu” (Lq 16:8). Kont tistenna li s-sid jirrabja meta jinduna, jgħidlu ħafna xorti, u jkeċċih mal-ewwel. Imma s-sid faħħru talli ħadem b’rasu, anke jekk għandi nifhem li wara li faħħru, keċċieh.
X’irid jgħidilna Ġesù b’din il-parabbola? Li jgħid Ġesù hawn jintrabat ma’ dak li jispjega aktar ’il quddiem f’dan l-Evanġelju stess, fejn jispjega kif għandna nġibu ruħna aħna fejn jidħol flus, fejn jidħol in-negozju u fejn ikun hemm kull xorta ta’ amministrazzjoni. Nixtieq li nirriflettu fuq xi punti li jsemmi Ġesù.
Meta jikkmandaw il-flus
L-ewwel nett, il-kliem li jgħid fl-aħħar tal-Evanġelju: “Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus” (Lq 16:13). Ebda qaddej ma jista’ jaqdi żewġ sidien. Irridu nifhmu sew x’qed jgħid Ġesù: jgħid “taqdu”. Mhux qed jgħid tuża l-flus, imma taqdihom. Għalhekk mhux fejn il-flus huma mezz neċessarju għall-ħajja tagħna personali u tal-familja tagħna għal dak li hemm bżonn, u fejn jgħinuna biex ngħixu b’dinjità, imma fejn il-flus isiru sid tagħna, jikkmandawna huma. L-Ewwel Qari mill-Profeta Għamos isemmi eżempji konkreti ta’ ħajja fejn il-flus imexxu lill-bniedem, eżempji li llum għadhom jgħoddu: il-qerq b’miżien falz u l-qerq fin-negozju biex wieħed jistagħna minn fuq dahar ħaddieħor.
Il-flus jistgħu jagħmew lill-bniedem u jġagħluh jieħu dak li mhux tiegħu. Il-kelma ta’ Alla turina li meta naqbdu din it-triq, ħaġa ġġib lill-oħra u tiġi tassew xibka ta’ ħażen – bħalma smajna fl-Evanġelju stess meta dak li kien jamministra ħażin u baqa’ sal-aħħar iqarraq, iġib lill-oħrajn kompliċi miegħu fil-qerq. Hekk jiġri fis-serq, u meta ngħid serq ma nfissirx biss min jidħol u jisraq u kulħadd jinduna b’li għamel, imma min jisraq minn taħt u jiggwadanja hu, forsi b’oħrajn kompliċi miegħu, minn fuq dahar ħaddieħor.
Il-valuri li għandhom imexxuna
Kultant, qisu biex wieħed jiġġustifika ruħu, ikun hemm min jirraġuna: mhux kulħadd qed jagħmel hekk? L-oħrajn mhux hekk qed jagħmlu? Ġesù jurina li dan mhux argument. X’qed jagħmel ħaddieħor responsabbli hu, u hu jrid jagħti kont lil Alla ta’ dan; u x’qed nagħmel jien responsabbli jien, u jien irrid nagħti kont lil Alla tiegħu. Ikun hemm min jgħid ukoll: u din mhix ħaġa żgħira? Daqkemm hemm min jagħmel affarijiet kbar ta’ korruzzjoni u jibqa’ għaddej! Hu veru li kultant nisimgħu ġurnata wara l-oħra b’affarijiet kbar ta’ ħażen u ta’ qerq. Imma anke jekk hemm min jagħmel affarijiet kbar ħżiena, ma jfissirx li jien iġġustifikat li nagħmel dak li hu ħażin għax hu inqas. Ġesù jgħid b’mod ċar: “min hu diżonest f’ħaġa tassew żgħira, hu diżonest ukoll fil-ħafna” (Lq 16:10).
X’jurina aktar Ġesù? Jurina li anke fejn jidħlu l-flus u n-negozju, għandna nkunu ispirati mill-valuri li jurina Alla: l-onestà, il-verità, il-ġustizzja, ir-rispett. Dawn huma valuri li jgħoddu għall-oqsma kollha: fis-self tal-flus, fil-kuntratti, fil-wirt, fil-qasam tax-xogħol. Dawn għandhom imexxuna. Meta Ġesù jgħidilna biex “naqdu lil Alla”, ifisser li nimxu bil-valuri li jgħallimna hu.
Meta l-flus ma jkunux għan imma nużawhom bħala mezz meħtieġ għall-ħajja – għall-bżonnijiet personali, u biex naħsbu fl-oħrajn – nintebhu li l-isbaħ valuri fil-ħajja ma tixtrihomx bil-flus. Kif se tixtri bil-flus l-imħabba, il-paċi, il-fiduċja, il-ferħ? Ma tixtrihomx. Imma flusna nistgħu nużawhom bħala mezz biex jitkattru dawn il-valuri, biex insaħħu dak li jibqa’ għal dejjem.
L-għaqal li jeħtieġ ikollna
Imbagħad Ġesù għandu messaġġ ieħor importanti fl-Evanġelju. Jgħidilna: attenti mill-qerq. Fil-fatt, meta jitkellem fuq li s-sid faħħar lil dak l-amministratur ħażin talli ħadem b’rasu, jgħid xi ħaġa li tolqotna: “ulied id-dinja jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl ma’ min hu tal-qatgħa tagħhom” (Lq 16:8). Dak hu messaġġ importanti tal-parabbola. Dal-kliem ma jfissirx li aħna ma għandniex inkunu “ulied id-dawl”, imma jfisser li waqt li nagħmlu ħilitna biex dejjem nimxu tajjeb aħna, b’mod onest, irridu nagħrfu li qed ngħixu f’dinja fejn issib min kollox, u hemm min jimxi b’mod diżonest.
Għalhekk, filwaqt li aħna ma għandna qatt inqarrqu b’ħadd, lanqas għandna nħallu min iqarraq bina. Din tiġri. Ikun hemm min ikollu ħafna intenzjonijiet tajba, imma ma jagħrafx li qed jgħix f’dinja fejn hawn min għandu intenzjoni ħażina u lest idaħħlu fi xkora. Ġesù qed jgħidilna: ħaddem rasek, mhux biex tagħmel il-ħażin int, imma biex ma tħallix min iqarraq bik. Dan jgħaqqad preċiż ma’ dak li kien qal: “Kunu għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem” (Mt 10:16). Biex aħna ma nħallux min iqarraq bina.
Nitolbu llum lill-Mulej: għinna biex int tkun dejjem is-Sid li tmexxina, u ngħixu l-valuri li tgħallimna int. Għinna biex inkunu dejjem onesti b’mod sħiħ, u nużaw il-ġid li jkollna bil-mod kif trid int. Tħallina qatt inqarrqu b’ħaddieħor għall-iskopijiet tagħna, imma għinna biex nagħtu xhieda tal-valuri li tgħallimna int. Imma wkoll: tħallix min iqarraq bina.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju