Is-saċerdot u l-lajk: il-kollaborazzjoni u l-korresponsabbilta’ kien is-suġġett magħżul għal seminar organizzat mis-Segretarjat tal-Lajċi, li sar il-Ħamis, 3 u l-Ġimgħa, 4 ta’ Ġunju, 2010 f’Gattard House, Blata l-Bajda.
Wara t-talb tal-bidu mmexxi mill-Youth Fellowship, is-Seminar beda b’introduzzjoni qasira mis-Sur Joe Farrugia, id-Delegat tal-Arċisqof għal-lajċi. Fid-diskussjoni li saret wara, ħadu sehem Dr. Stephen Zammit, Ms Vincienne Debono, l-Imħallef J. R. Micallef u Fr. Ray Toledo, id-Delegat tal-Arċisqof għall-parroċċi. Minn dak li ntqal ħarġet stampa tal-lajkat f’Malta, l-identita’ u r-rwol tiegħu fil-Knisja u fis-soċjeta’ u l-importanza tal-kollaborazzjoni u tal-korresponsabbilta’. Dan il-panel tmexxa minn Dr. Andre’ Camilleri.
Spiżjar u manager ta’ bookshop taw l-esperjenza tagħhom ta’ lajċi nsara fid-dinja tax-xogħol. Id-diskors li għamel Fr. Rene’ Camilleri bħala reazzjoni għal dak li kien intqal qabel, tafa dawl ġdid fuq kif wieħed għandu jħares lejn il-kollaborazzjoni u l-korresponsabbilta’ fi Knisja li teżisti għad-dinja. L-Arċisqof Mons. P Cremona għalaq l-ewwel jum tas-Seminar b’talba u ta l-barka tiegħu.
Wara introduzzjoni minn Ms. Ninette Borg Grech, presidenta tal-Forum, il-focus tat-tieni jum kien id-diskors li għamel is-Sur Joe Farrugia dwar is-suġġett magħżul għal dan is-seminar. Min dak li qal fid-diskors tiegħu, ħareġ b’mod ċar kemm hu importanti li kemm is-saċerdot kif ukoll il-lajk jagħrfu r-rwol definit tagħhom, filwaqt li jaħdmu flimkien fi spirtu ta’ komunjoni biex ikunu xhieda ta’ dak li talab għalih Ġesu’ meta qal: “ħa jkunu lkoll ħaġa waħda biex id-dinja temmen li inti bgħattni”.
Fil-ħin iddedikat għad-djalogu mal-assemblea, diversi involuti f’ħidma pastorali, fil-parroċċi u fl-għaqdiet taw l-interventi tagħhom.
L-Arċisqof PawlU Cremona għamel id-diskors tal-għeluq b’riflessjonijiet li komplew idawlu diversi punti li ħarġu matul il-jumejn tas-seminar. Minn dak li qal l-Arċisqof toħroġ l-importanza tal-kollaborazzjoni u tal-korresponsabbilta’ fil-Knisja li trid tkun ir-ruħ tal-mixja tal-istorja u trid toħloq spazju fejn wieħed jisma’ u jikkollabora mal-Kelma biex b’hekk tikber is-Saltna t’Alla fid-dinja.
Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]
Jekk kont preżenti għal din l-attivita’, ħalli l-kummenti tiegħek.