• ***

    Direzzjoni:       Andrè Ovredal

    Atturi:              Zoe Colletti, Michael Garza, Gabriel Rush, Austin Zajur, Natalie Ganzhom, Austin Abrams u Dean Norris

    Ħin tal-Film:    108 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      15

    F’belt ċkejkna f’Mill Valley ġewwa Pennsylvania, tliet ħbieb adolexxenti – Stella, kittieba dilettanta u ossessjonata fuq il-ġeneru tat-twerwir, Auggie u Chuck, jagħmlu ċajta goffa fuq Tommy Milner waqt il-lejl tal-Halloween. Tommy, b’ritaljazzjoni jiġri warajhom b’riżultat li t-tlieta, biex jaħarbuh, jidħlu f’teatru drive-in li f’dak il-ħin kien qiegħed juri l-film: Night of the Living Dead. Hemm isibu kenn fil-karozza ta’ Ramon, bniedem li ma kellux skop fil-ħajja. Wara li għadda l-periklu, it-tlieta stiednu lil Ramon biex imorru ġewwa “dar tal-ħares” li darba kienet il-proprjetà tal-familja Bellows, familja sinjura ħafna li għenet fil-bini tal-belt.

    Ġewwa d-dar, isibu kamra sigrieta. Fiha jsibu ktieb bi stejjer tal-biża’, miktuba minn Sarah Bellows. Tommy fl-aħħar  jirnexxilu jsibhom ġewwa d-dar u  biex ippatihielhom, isakkarhom hemm ġew, flimkien ma’ Ruth, oħt Chuck.  Wara li jirnexxilhom joħorġu meta ġew meħlusa minn preżenza fantażma, Stella tieħu l-ktieb magħha d-dar, F’kamritha, Stella tiskopri storja ġdida bl-isem ta’ ”Harold”, storja ġdida li kienet qegħda tigi miktuba fil-ktieb ta’ Sarah. Il-karattru ewlieni fl-istorja kien Tommy li f’dak il-ħin kien qiegħed iqassam xi bajd lill-ġirien. Hu u ghaddej min-nofs għalqa, tfixxkel f’saqajn naffara bl-isem ta’ Harold. Harold, fil-fatt jinfed lil Tommy permezz ta’ midra. L-għada filgħodu, Tommy jiġi rrappurtat nieqes. Stella u Ramon, mħawdin, jibdew jinvestigaw u jsibu li n-naffara kien liebes il-ħwejjeġ li Tommy kellu fuqu il-jum ta’ qabel.  Stella hi żgura li Tommy ġie mibdul f’naffara. Sħabha iżda ma kienux daqshekk ċerti li dan kien minnu. Ramon ukoll ma xtaqx li jmur jagħmel rapport lill-pulizija għar-raġunijiet personali għax kellu x’jaħbi.

    Dak il-lejl, Stella u Ramon ikunu xhieda ta’ storja ġdida: “The Big Toe” li bdiet tinkiteb minn Sarah fil-ktieb. Il-karattru ewlieni kien Auggie. Stella u Ramon jippruvaw jallarmaw lil Auggie fuq il-mostru żombie, b’saba’ ta’ sieq nieqes. Fil-fatt dan is-saba’ kien jinsab fil-pjantenza li Auggie kien beda jiekol. Auggie pprova jaħrab iżda jiġi attakkat mill-mostru li kaxkru taħt is-sodda. Stella, Ramon u Chuck jippruvaw jeqirdu l-ktieb bla suċċess.  X’jiġri minn hawn?

    Film tal-biża’, taħt id-direzzjoni ta’ Andrè Ovredal u  kitba ta’ Alvin Schwatz. Minħabba xeni ta’ biża’ u twerwir li xi ftit minnhom jaqtgħuk minn ġewwa, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.