L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Kien proprju 75 sena ilu, fl-1 ta’ Novembru, li l-Papa Piju XII, bil-Kostituzzjoni Appostolika tiegħu Munificentissimus Deus, iddikjara d-domma li Marija ġiet imtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem. Għalhekk dis-sena hi sena tassew speċjali, anniversarju li qegħdin infakkru llum fis-Solennità ta’ Santa Marija.
Illum inġbarna b’ferħ kbir biex mhux biss niċċelebraw avveniment tal-passat, iżda nipparteċipaw fir-realtà tal-glorja ta’ Marija issa fis-sema.
Meta niċċelebraw lil Marija mtellgħa s-sema, m’aħniex qed infakkru biss tradizzjoni sabiħa li hi tant għażiża għalina l-Maltin – tant għażiża għal din il-parroċċa tal-Imqabba – imma qed niċċelebraw l-istorja ta’ mara li ħabbet lil Alla b’qalbha kollha, u li Alla, imbagħad, għaqqadha miegħu fil-preżenza tiegħu għal dejjem fis-sema, mingħajr dewmien.
L-Għeruq fl-Iskrittura – L-Arka tal-Patt fis-Sema
Il-qari mill-Kelma ta’ Alla llum jeħodna fil-qalba tal-misteru. Fl-ewwel qari, mill-Ktieb tal-Apokalissi, naraw l-Arka tal-Patt fis-sema, segwita mill-viżjoni tal-mara liebsa x-xemx. Il-Knisja dejjem rat f’din il-mara xbieha ta’ Marija, mgħollija u kollha dawl. Kif l-Arka fit-Testment il-Qadim kellha fiha t-twavel tal-Liġi, il-manna u l-bastun ta’ Aronne, hekk Marija ġarret f’ġufha lill-Verb magħmul bniedem, il-ħobż ħaj mis-sema, u l-Qassis il-Kbir ta’ dejjem.
Fis-salm tlabna: “F’lemintek is-Sultana, fid-dawl tal-glorja” (Salm 45). Dan il-kliem mhux biss poeżija sabiħa, imma hu profezija mwettqa. Marija hi s-Sultana, Omm fis-Saltna ta’ Binha.
L-Evanġelju (Lq 1:39–56) jagħtina l-Magnificat – il-kantiku tat-tama – innu hekk sabiħ li joħroġ minn qalb Marija, u li jfaħħar il-ħniena u l-fedeltà ta’ Alla. Eliżabetta tgħidilha lil Marija: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek” (Lq 1:42). Hekk hu, il-ħajja ta’ Marija hi bħal tapizzerija minsuġa għal kollox bil-grazzja. Mill-mument tal-Immakulata Kunċizzjoni tagħha sal-aħħar nifs tagħha, għexet f’armonija perfetta mar-rieda ta’ Alla. Għalhekk hu sewwa li, fi tmiem ħajjitha, ġiet meħuda, bir-ruħ u l-ġisem, fis-sema. Kif jgħid San Pawl fl-Ewwel Ittra tiegħu lill-Korintin: “l-ewwel, Kristu; wara, dawk li huma ta’ Kristu” (1 Kor 15:23), u Marija kienet l-ewwel waħda ta’ Kristu.
Id-Domma u t-tifsira tagħha għalina
Il-misteru ta’ Marija mtellgħa s-sema kien ddikjarat bħala domma fl-1950, iżda rridu niftakru li l-fidi fih hi ferm iktar antika. L-għeruq huma fil-fidi tal-Knisja fil-bidu tagħha, u dan il-misteru kien jiġi ċċelebrat fil-liturġija għal sekli sħaħ.
Id-domma tgħid: “L-Omm Immakulata ta’ Alla, il-Verġni Marija, wara li temmet il-mixja ta’ ħajjitha fuq l-art, ittieħdet ġisimha u ruħha fil-glorja tas-sema.”
Hawnhekk għandna żewġ punti importanti ħafna:
- Ġisem u ruħ – It-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija jurina li l-ġisem tagħna għandu valur. Is-salvazzjoni mhix biss tar-ruħ; Alla jifdi lill-bniedem sħiħ.
- Glorja tas-sema – Din hi d-destinazzjoni li Alla jrid għalina lkoll. Marija mhix eċċezzjoni għar-regola, iżda hija l-ewwel waħda li rċeviet il-milja ta’ dak li hu mwiegħed lilna fi Kristu.
Marija mtellgħa s-sema, għalhekk, hi festa ta’ tama, b’sinifikat partikulari f’din is-sena tal-Ġublew li għandu bħala tema t-tama Nisranija. Tgħidilna li l-istorja tagħna bħala bnedmin mhijiex iddestinata tispiċċa fil-mewt, it-taħsir, jew in-nuqqas ta’ sens. Jekk, bħalma għamlet Marija, ngħidu “iva” lil Alla, aħna wkoll se naqsmu fir-rebħ tal-qawmien u fil-ħajja tal-ġejjieni. Kif jgħid San Pawl fl-Ewwel Ittra tiegħu lill-Korintin: “…bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu” (1 Kor 15:22).
L-Iva ta’ Marija – mudell għad-dixxipulat tagħna
Marija mtellgħa s-sema hija l-kuruna ta’ ħajja kollha kemm hi magħtija lil Alla. Nixtieqkom tinnutaw li l-kobor ta’ Marija mhux f’viżjonijiet jew mirakli, mhuwiex f’għeġubijiet sensazzjonali. Il-biċċa kbira ta’ ħajjitha qattgħetha bejn l-erba’ ħitan tad-dar tagħha, b’mod normali, imma fil-fedeltà umli ta’ kuljum għar-rieda ta’ Alla:
- Fit-Tħabbira tal-Mulej, hi qalet lill-anġlu Gabriel: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej. Ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38)
- F’Betlehem, laqgħet lit-tarbija li kien l-Iben ta’ Alla.
- F’Nażaret, għexet is-snin moħbija u kwieti tal-ħajja tal-familja.
- F’Kana, daħlet tinterċedi għal koppja u tat dak il-messaġġ kruċjali, b’referenza għal Ġesù: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5).
- Fil-Kalvarju, baqgħet wieqfa taħt is-Salib, taqsam fis-sofferenzi ta’ Binha, u tisimgħu jagħtiha l-missjoni ġdida ta’ omm l-umanità.
- F’Pentekoste, kienet mal-Appostli titlob għall-miġja tal-Ispirtu s-Santu.
L-“iva” ta’ Marija ma kinitx mument wieħed, jew ta’ darba. Kienet ħajja kollha kemm hi ta’ abbandun b’fiduċja sħiħa f’Alla. Il-kliem ta’ Eliżabetta: “Hienja dik li emmnet li jseħħ kulma ntqalilha min-naħa tal-Mulej” (Lq 1:45) hu kliem li jfisser il-ħajja kollha tagħha, pass wara pass. Għalhekk it-Tlugħ tagħha fis-Sema mhux sempliċi avveniment maqtugħ għalih, imma l-konklużjoni naturali ta’ ħajja miftuħa għal kollox għall-grazzja ta’ Alla, u għas-servizz mimli mħabba lejn l-oħrajn.
It-Tlugħ fis-Sema u d-dinjità tal-persuna umana
Il-festa ta’ Santa Marija, ta’ Marija mtellgħa s-sema, tfakkarna fid-dinjità tal-ġisem u fis-sagralità tal-ħajja. Il-ġisem ta’ Marija nżamm milli jitħassar għax kien it-tempju ta’ Alla nnifsu. Bl-istess mod, kull ġisem uman hu maħluq minn Alla, mifdi minn Kristu, u maħsub għall-glorja, mhux biex jispiċċa fix-xejn.
Fid-dinja tal-lum li spiss tnaqqas il-valur tal-ħajja, it-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija jħabbar verità kontra l-kurrent: kull ħajja umana hi prezzjuża, u hi prezzjuża mhux għal dak li tista’ tagħmel, imma għal min hi: xbieha ta’ Alla. Ir-rispett lejn il-ħajja umana ma għandux jiddependi fuq il-kunsens popolari, fuq jekk in-nies jaqblux jew le li l-ħajja ssalva jew toqtolha.
Kull ħajja umana hija għażiża u għandha tkun imħarsa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha, meta diġà hemm ħajja umana li bdiet, sat-tmiem naturali tagħha. Aħna l-Maltin, li għandna għal qalbna lil Santa Marija, għandna nkunu kburin kull meta nipproteġu l-ħajja. Hu għal dan li tħeġġiġna Marija: biex inkomplu b’din il-protezzjoni bil-kuraġġ kollu u ma nċedu qatt għall-pressjoni biex il-ħajja nittrattawha bħala oġġett li tista’ tarmih.
Din il-festa titkellem ukoll kontra d-disperazzjoni li xi kultant tista’ tgħaddilna minn moħħna jew qalbna. Fil-mumenti iebsa ta’ mard, tbatija jew niket, nistgħu nitħajru nkejlu l-valur tal-ħajja biss minn dak li nħossu. Imma t-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija jfakkarna li Alla jara l-istampa sħiħa, u l-aħħar kapitlu mhux il-mewt, imma hu l-ħajja fil-preżenza tiegħu għal dejjem.
Il-missjoni tal-parroċċa – ngħixu l-Misteru
Bħala parroċċa ddedikata lil Santa Marija – il-parroċċa tal-Imqabba – intom imsejħin tgħixu dan il-misteru kuljum. Dan ifisser:
- Tama quddiem il-provi – Il-glorja ta’ Marija hi l-prova li s-salib qatt mhu l-aħħar kelma.
- Rispett għal kull persuna – Jekk il-ġisem ta’ Marija ttieħed fis-sema, mela kull ġisem hu maħsub għall-ħajja ta’ dejjem.
- Ħajja ta’ fidi – It-Tlugħ fis-Sema mhuwiex maġija; hu frott il-fidi. Jekk irridu naqsmu d-destin ta’ Marija, irridu naqsmu wkoll id-dixxipulat tagħha, jiġifieri nkunu bħalha dixxipli ta’ Ġesù.
Din il-festa għandha tispirakom biex bħala parroċċa tkunu komunità li tirrifletti l-virtujiet ta’ Marija: nilqgħu bħalha, inkunu fidili bħalha, u bil-ħerqa nippuntaw lejn Ġesù bħalma għamlet hi.
Il-purċissjoni tal-ħajja tagħna
Illejla, din il-festa ta’ Santa Marija tiġi ċċelebrata bil-purċissjoni, bil-vara artistika tagħha merfugħa fit-toroq tal-Imqabba, b’innijiet li joħorġu mill-qalb, b’talb ta’ tifħir lil Marija. Imma nixtieqkom tiftakru li l-purċissjoni hija sinjal ta’ xi ħaġa aktar profonda: li ħajjitna stess hi purċissjoni, mixja lejn Alla.
Marija hi fil-qalba tal-purċissjoni llejla, u Marija għandha tkun fil-qalba u takkumpanjana fil-purċissjoni, fil-mixja ta’ ħajjitna. Hija diġà laħqet id-destinazzjoni. Mis-sema, hija tħares lejna biex tħeġġiġna, titlob għalina, u tgħidilna: jiswa li titħabtu. Ibqgħu mexijin. Ibqgħu fidili. Taqtgħu qalbkom qatt! Il-ferħ li qed jistenna lilkom hu lil hinn minn kull ma tistgħu timmaġinaw.
It-Tlugħ fis-Sema u l-Ewkaristija
Irridkom tiftakru li kull darba li niċċelebraw l-Ewkaristija, aħna mmissu l-misteru tat-Tlugħ ta’ Marija fis-Sema. Hawnhekk, fil-quddiesa, is-sema u l-art jiltaqgħu. L-istess Ġesù li ġismu ġarret Marija f’ġufha jiġi għandna fil-forma tal-ħobż u l-inbid. Meta nirċevuh, nirċievu l-wegħda tal-ħajja ta’ dejjem, il-ħajja li Marija diġà tgawdi fil-milja tagħha.
Jekk it-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija jgħallimna d-destin tal-ġisem tal-bniedem, l-Ewkaristija ssostnina fit-triq. Il-Ġisem ta’ Kristu jittrasforma ġisimna stess f’tempji ħajjin tal-Ispirtu, u jħejjina għall-jum meta aħna wkoll inqumu fil-glorja.
Inħarsu ’l Quddiem ma’ Marija
Marija mtellgħa s-sema hi bħal tieqa miftuħa fuq il-futur tagħna. Tistedinna ngħollu ħarsitna ’l fuq mill-problemi ta’ llum u naraw dak li Alla ħejja għal dawk li jħobbuh. Tħeġġiġna biex qatt ma nitilfu din il-viżjoni sabiħa.
Bħala parruċċani ta’ knisja ddedikata għal dan il-misteru, għandkom missjoni u responsabbiltà speċjali li żżommu din it-tama ħajja – għalikom infuskom, għall-familji tagħkom, u għall-komunità kollha. Dan ifisser nitolbu għal xulxin, ngħinu lil xulxin fi żmien ta’ diffikultà, u qatt ma nitilfu minn quddiemna l-għan aħħari: il-ħajja ta’ dejjem fi Kristu.
Marija hija dejjem dik li tgħaqqad. Fiha qatt ma hemm diviżjoni. Għalhekk insejħulha “Sultana tal-Paċi”. Nixtieq nagħmel kuraġġ lil dawk kollha li jaħdmu għall-għaqda fil-komunità – qed jimxu fuq il-passi ta’ Marija. Niftakru li min inissel il-firda, qed juri nuqqas ta’ rispett lejn Marija stess. Marija tistedinna li ngħixu l-istess valuri tagħha ta’ qadi, ta’ umiltà, ta’ dik li, kif tfisser hi stess fil-Magnificat, Alla “xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (Lq 1:48).
Għalhekk Marija, biex verament nixbhuha, tridna ngħixu l-istess valuri tagħha. Kultant fil-festi tisma’ kliem bħal “dominanza”, “supremazija”, “ħadd ma jista’ għalina”, u ġieli kliem agħar, kliem li jinsulta. Dan kollu tisimgħu kultant fil-festi tagħna. Hawnhekk, intom li għandkom devozzjoni lejn Santa Marija, li tgħid “xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu”, tafu żgur li dal-kliem imur kontra dak li tfisser Marija, u għandkom taħdmu bis-sħiħ biex teliminaw dan il-kliem miċ-ċelebrazzjonijiet tagħha. Hu kliem li jistona ħafna u, ngħiduha kif inhi, kliem li jdejjaqha, li jurtaha, għax imur eżatt kontra dak li għexet hi, u dak li tridna ngħixu aħna – hi, il-qaddejja mimlija mħabba, li Alla xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tagħha, u għalhekk għollieha fil-glorja tas-sema.
Il-festa ta’ Ommna
Illum hi l-istorja ta’ Marija, imma hi l-istorja tagħna wkoll, ta’ kull wieħed u waħda minna. Marija hija l-ewwel dixxiplu, l-ewwel li emmnet, l-ewwel li segwiet lil Kristu fil-milja tal-glorja. Hekk kif niċċelebraw lil Santa Marija, lil Marija mtellgħa s-sema, aħna mistiedna nġeddu l-“iva” tagħna lil Alla, ngħixu bl-istess fidi u fiduċja, u nimxu fl-istess triq li twassal għall-ħajja. Ma’ Marija llum ngħidu: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi” (Lq 1:46-47).
Għalhekk illum, f’din il-festa hekk għażiża, ejjew nitolbuha:
O Marija, mtellgħa s-sema, Omm it-tama, lilek infaħħru u nqimu bil-qalb. Int dejjem viċin tagħna. Kun magħna bħala Ommna, u akkumpanjana fil-mixja ta’ ħajjitna. Għallimna ngħixu b’għajnejna ffissati fuq Alla, b’qalbna miftuħa għar-rieda tiegħu, u b’idejna lesti biex naqdu lill-oħrajn. Għinna nimxu b’fedeltà kuljum, sakemm aħna wkoll naslu fil-preżenza ta’ Ibnek, fejn inti diġa sseħibt bħala Sultana u Omm, u nistgħu hemmhekk ingawduk għal dejjem.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta