Bejn l-14 u t-18 ta’ Frar 2022, grupp ta’ 27 saċerdot minn Malta, fosthom 14‑il kappillan, attendew għal irtir organizzat mill‑Kulleġġ tal‑Kappillani f’Dar Manresa, Għawdex immexxi minn Patri Fabio Attard SDB. It‑tema tal‑irtir kienet ‘Il‑mixja ta’ fidi f’San Mattew’.
Patri Fabio tkellem dwar xi pprova jwassal dan l‑irtir: “Dan l‑irtir hu mument fejn stajna ninqatgħu kemm kemm mir‑rutina tal‑ministeru tagħna u nikkonċentraw fuq dak li hu l‑aktar essenzjali u waqt l‑irtir ikollna aktar ħin għalih. Is‑suġġett li ridt inwassal kien ‘Ejjew nirriflettu ftit fuq il‑ħbiberija tagħna ma’ Alla’. Ġesù fil‑ħajja tiegħi. Kif qed nikber fir‑relazzjoni tiegħi mal‑Mulej. Kif qed nisma’ dejjem aktar dak li l‑Mulej qed jipprova jgħidli u kif jiena, dak is‑smigħ mhux biss nisimgħu u naħseb fuqu, imma wkoll kif ġewwa fija dak is‑smigħ jibda jmexxini lejn l‑azzjoni.”
Żidt jgħid li f’ġurnata minnhom iffukaw il-mistqosijiet li Alla jagħmlilhom u t-tweġibiet li huma jridu jagħtu.
“Naħseb li fil‑kelma t’Alla li mxejna fuqha mill‑aħħar tal‑kapitlu 13 sal‑kapitlu 17 ta’ San Mattew dan kien il‑ħsieb. Kif Ġesù jimxi mal‑appostli u bil‑mod il‑mod jieħu paċenzja bihom u jedukahom għall‑fidi, jgħinhom jiskopru li Ġesù bil‑mod il‑mod hu dak li qed iġibilna l‑aħbar it‑tajba. Ġesù jasal fil‑mument meta jgħidilhom, issa intom li rajtu dan kollu. Rajtuni nagħmel it‑tkattir tal‑ħobż, niddjaloga mal‑Fariżej, nagħmel il‑mirakli mal‑morda, mal‑foqra, mal‑barranin, mal‑mara Kananija, intom min tgħidu li jien?” Patri Fabio spjega li dan kien il‑qofol tal‑irtir.
Żied jgħid, “Nafu li Pietru jagħti risposta għax kien imnebbaħ mill‑Mulej u l‑Mulej ifaħħru u jgħidlu mbierek int, però wara ftit, Ġesù jibda jispjegalhom xi tfisser li tkun l‑Iben ta’ Alla. Li nkunu bħall‑Iben ta’ Alla jfisser li niċħdu lilna nfusna, nerfgħu s‑salib u nimxu warajh. Allura hawnhekk ir‑risposta ta’ Pietru ssir risposta umana u Ġesù jkun iebes miegħu u jgħidlu, warrab minn quddiemi ja xitan għax inti ta’ skandlu għalija! Allura l‑messaġġ kien li meta qed nistinkaw u nitħabtu biex ir‑relazzjoni tagħna mal‑Mulej kemm jista’ jkun insaħħuha, nikkurawha, nikkultivawha, dejjem se jkollna dik li nistgħu nsejħulha t‑tentazzjoni tar‑raġunament uman, jew għax nibżgħu, jew għax ma rridux niffaċċjaw id‑diffikultajiet li għandna.”
L‑irtir intemm quddiem il‑Madonna fis‑Santwarju Ta’ Pinu. Hemmhekk is-saċerdoti rriflettew fuq l‑Evanġelju ta’ Kana, speċjalment fuq il-frażi: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu” (Ġw2:6). “Aħna din il‑ġimgħa smajnieh lill‑Mulej, iġġeddidna fix‑xewqa, mhux biss li x‑xewqa tagħna tisma’ lilu, imma li x‑xewqa tagħna wkoll tisma’ minnu,” temm jgħid Patri Fabio.