14-il pittura tal-Via Sagra, li jinsabu fil-Knisja Santa Marija ta’ Ġesù, magħrufa wkoll bħala tal-Ġieżu, fil-Belt Valletta, ingħataw ħajja ġdida bħala parti minn proġett ta’ restawr u konservazzjoni li sar fuqhom.

Ir-restawr kien mifrux fuq 11-il xahar u wassal biex instabet informazzjoni ġdida dwar din il-Via Sagra, fosthom għax studju li sar fuqha wassal biex ir-restawraturi setgħu jattribwixxu xi pitturi lil Francesco Zahra u Gian Nicola Buhagiar, li huma żewġ artisti prominenti Maltin.

Fuq wara ta’ żewġ pitturi nstabet skrizzjoni bl-isem tal-artist, Jacobbus Gini, u anke tal-benefattur li kkummissjona dawn iż-żewġ pitturi. Din hija xi ħaġa rari f’xogħlijiet ta’ arti simili.

Kien stabbilit b’ċertezza wkoll ukoll li din kienet it-tieni Via Sagra li saret fil-knejjes Maltin, wara dik li l-Patrijiet Franġiskani għandhom fir-Rabat.

Kienu restawrati wkoll il-gwarniċi tal-injam, li nħadmu fuq disinn ta’ Abram Gatt. F’dan il-proċess, tnaddfet l-induratura eżistenti u kienu applikati folji tad-deheb ta’ 23,75 Karat f’partijiet li kienu ntilfu. Dan sar permezz tat-teknika tal-induratura bl-ilma, waqt li kien assigurat li l-induratura l-ġdida, tkun simili għal dik oriġinali.

Il-proġett sar mill-kumpanija Atelier del Restauro, bil-għan li din il-Via Sagra terġa’ tingħata l-ħajja. Valentina Lupo, waħda mill-konservaturi li ħadmu fuq dan il-proġett insistiet li “l-għan ewlieni tar-restawraturi kien li l-Via Sagra terġa’ tingħata d-dehra oriġinali tagħha.”

Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni, Joseph Formosa Gauci saħaq l-importanza ta’ dan il-proġett anke fl-isfond li “s-settur tat-turiżmu reliġjuż qiegħed isir dejjem iżjed popolari, b’għadd ta’ turisti jżuru pajjiżna kull sena fi żmien il-festi.” Żied li ħafna drabi l-viżitaturi “jammiraw il-patrimonju reliġjuż u jesperjenzaw iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ fidi li l-Maltin huma magħrufa għalihom.”

Il-Gwardjan tal-komunità Franġiskana, Patri Ramon Farrugia OFM, irringrazzja lill-MAF għas-sapport finanzjarju biex seta’ sar dan il-proġett u
esprima s-sodisfazzjon tal-komunità.

Sors: Newsbook Malta