Kull erba’ snin Caritas Malta, mill-2012, għamlet studju magħruf bħala Minimum Essential Budget for a Decent Living (MEBDL). L-iskop ta’ din ir-riċerka hu biex jiddentifika prezz ta’ baskett ta’ servizzi u oġġetti li familji bi dħul baxx, għandhom bżonn biex jgħixu ħajja diċenti. Dan l-istudju jiffoka fuq tliet tipi ta’ familji: żewġ adulti u żewġt itfal, adult u żewġt itfal, u żewġ anzjani.
Is-Sur Anthony Gatt, Direttur ta’ Caritas Malta, filwaqt li rringrazzja lil Prof. Suzanne Piscopo lettur fil-Fakultà tal-Edukazzjoni u lil Andre Bonello mit-taqsima tar-riċerka f’Caritas Malta, spjega li b’riżultat tal-pandemija tal-Covid-19 u l-impatt li kellha fuq l-ispiża ta’ prodotti bażiċi, inħass il-bżonn ta’ aġġornament ta’ dan l-istudju b’mod speċjali dwar l-ikel, il-mediċini u prodotti oħra ta’ kura tas-saħħa. Is-Sur Gatt spjega li l-impatt li qed tħalli l-gwerra tal-Ukrajna ma jirriflettix f’dan l-istudju peress li l-prezzijiet mis-supermarkets u ħwienet inġabru fi Frar tal-2022.
Prof. Suzanne Piscopo, lettur fil-Fakultà tal-Edukazzjoni (Health, Physical Education and Consumer Studies) spjegat li r-riżultat jirrifletti:
- l-ispiża totali ta’ sebat ijiem ikel kif ippreparat fl-MEBDL fl-istudju tal-2020 għal tliet tipi ta’ familji inkluż l-ispiża tal-ħaxix u l-frott
- l-ispiża ta’ mediċini u bżonnijiet bażiċi oħra ta’ saħħa għat-tliet tipi ta’ familji
- l-ispiża totali tal-mediċina u affarijiet bażiċi ta’ oġġetti li jkollhom jinxtraw minħabba l-Covid-19 (maskri, sanitisers u paracetamol) – għat-tliet tipi ta’ familji.
Il-listi ta’ prezzijiet imqabbla mal-2020 kif jidher hawn taħt:
Tressqu diversi rakkomandazzjonijiet fosthom:
- Postijiet speċifiċi (hubs) fejn jinġabar l-ikel li għadu tajjeb imma jkun se jintrema u jitqassam fil-food banks.
- Issir sistema fejn, permezz ta’ applikazzjoni, familji bi dħul baxx jiġu megħjuna b’ikel li jkun se jiskadi dalwaqt. Ħafna drabi dan l-ikel jintrema xorta waħda.
- Jiżdiedu l-lokalitajiet fejn il-bdiewa bil-ħaxix u frott lokali jkunu jistgħu jarmaw.
- Jiġi organizzat trasport pubbliku dirett minn kull raħal/villaġġ għas-suq tal-bdiewa f’Ta’ Qali.
- Jiġu pprovduti smart cards lill-familji bi dħul baxx li bihom ikunu jistgħu jixtru bl-irħis ħaxix u frott, legumi u lewż.
- Jiġu organizzati skemi f’żoni urbani agrikulturali fejn familji bi dħul baxx jiġu mħeġġa jkabbru l-ħaxix u l-frott għall-użu tagħhom jew biex ibigħu permezz ta’ stalls ta’ ħaxix u frott.
- Għal persuni bi dħul baxx, tiġi implimentata l-iskema ta’ flus diġitali, bħal vawċers diġitali u trasferimenti diretti fil-kont tal-bank b’mod li l-allokazzjoni ta’ dawn il-flus digitali/ vawċers tkun biex tintuża f’ikel u prodotti essenzjali.
Dan l-istudju Mini MEBDL 2022 joffri evidenza biex iqajjem kuxjenza, jassisti l-awtoritajiet għall-futur qarib fid-deċiżjonijiet li jieħdu biex jitnaqqas il-faqar f’pajjiżna. Jista’ wkoll jintuża bħala riżorsa għal min hu involut fil-ħidma viċin il-vulnerabbli u dawk bi dħul baxx.
Agħfas hawn għal aktar dettalji.