Il-messaġġ mill-Isqof Joseph Galea-Curmi
Waħda mid-drabi fejn kelli diversi reazzjonijiet għal omelija li għamilt waqt quddiesa fuq it-televixin kienet meta kont tkellimt fuq dak li wħud jgħidu: li l-pandemija Covid-19 hi kastig ta’ Alla. Kont għedt: “Min jgħid li hu kastig ta’ Alla qed jagħmel insult lil Alla.” Kien hemm uħud li bagħtu emails jew messaġġi jew qaluli li ma qablux. Ma’ xi wħud għamilt diskussjoni twila mhux ħażin anke bl-emails. Konna fi żmien meta fl-Italja mietu diversi saċerdoti li kienu qegħdin jaqdu b’ġenerożità lill-komunità u mietu vittmi tal-Covid-19; biex nispjega l-punt tiegħi kont għedt: “Dawn is-saċerdoti kienu qegħdin jaqdu lill-Mulej. Allura se jikkastiga lilhom għax qed jaqduh? Mhux insult lill-Mulej li tgħid hekk?”
Kien hemm min qalli: allura ma tarax fil-pandemija wake-up call? Ma tarahiex bħala mument ta’ riflessjoni fuq il-ħajja tagħna? Dażgur li naraha, u hekk għandha tkun. Mhix kastig ta’ Alla, imma għandna nistaqsu dak li Alla jrid minna fiċ-ċirkustanzi verament diffiċli li qed ngħixu fihom. Hemm ħafna fuqiex tirrifletti, u nixtieq insemmi ħames punti, fost ħafna, dwar il-messaġġ li tajjeb nieħdu f’din il-pandemija speċjalment f’kuntest edukattiv.
L-għożża tal-ħajja
L-ewwel nett, hi l-għożża tal-ħajja. Il-pandemija hi theddida għas-saħħa u għall-ħajja tan-nies. Fiha naraw periklu, għax ilkoll ngħożżu l-ħajja. Il-pandemija tfakkarna li l-ħajja umana hi għażiża mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha u f’kull waqt tagħha. Dejjem irridu naħdmu kontra dak li jkun ta’ periklu jew riskju għall-ħajja tal-bniedem maħluq “xbieha ta’ Alla”.
Viżjoni ħolistika
Il-pandemija tfakkarna kemm hu importanti li jkollna viżjoni ħolistika tal-bniedem. L-antropoloġija Nisranija tgħinna nħarsu lejn il-bniedem b’mod sħiħ. Hi importanti s-saħħa fiżika imma hi wkoll importanti s-saħħa mentali. Il-pandemija ħolqot diversi sitwazzjonijiet li żiedu l-problemi ta’ saħħa mentali. Meta kien hemm il-lockdownparzjali, u xi wħud kellhom joqogħdu d-dar, kienet sitwazzjoni diffiċli ħafna għal min m’għandux fejn jiċċaqlaq f’daru u forsi jkunu tnejn min-nies f’żewgt ikmamar. Kif se jirnexxilhom jgħixu hemm ġew meta tgħidilhom li għal diversi ġimgħat ma jistgħux joħorġu mid-dar?
Dixxiplina personali
Il-pandemija turina kemm hu tajjeb li ninsistu fl-edukazzjoni fuq id-dixxiplina tagħna nfusna. Għandna ngħinu lill-istudenti jagħrfu li huma kapaċi jkunu persuni responsabbli, li jgħidu iva fejn hu iva u le fejn hu le. Kapaċi ma jinġarrux mill-kurrent. Naturalment, il-pandemija wriet li meta l-mentalità promossa fis-soċjetà, għal snin twal, kienet li għandek timxi ma’ dak li tħoss u ma tħallix min – bħall-Knisja – jiġik b’ħafna “moraliżmi”, issa kif se tgħid lin-nies biex b’mod responsabbli jimxu mal-miżuri u kontra dak li jogħġobhom? Kif is-soċjetà f’daqqa waħda saret tinsisti fuq il-“moraliżmi” li għal snin twil ikkritikat? Għalhekk diversi jsibuha diffiċli, għax draw f’mentalità li tarmi d-dixxiplina personali.
Attenzjoni għal mixed messages
Qegħdin nitgħallmu f’din il-pandemija kemm issir ħsara meta aħna nagħtu messaġġi kontradittorji – i.e. mixed messages – lill-adolexxenti u liż-żgħażagħ, jiġifieri daqqa jisimgħu messaġġ u daqqa ieħor. Daqqa jisimgħu li hemm bżonn inkunu responsabbli għax ir-riskju tal-virus għadu hemm, u daqqa li l-pandemija rbaħnieha diġà. Messaġġi kontradittorji, speċjalment meta ġejjin minn awtoritajiet, ifixklu l-edukazzjoni tal-istudenti.
Kreattività fis-solidarjetà
F’din il-pandemija, inħossu n-nuqqas kbir ta’ viċinanza u akkumpanjament, minħabba d-distanza soċjali li rridu nżommu kontinwament, u minħabba li għand ċerti nies ma nistgħux immorru biex inkunu ħdejhom u naqsmu magħhom it-tbatija. Għalhekk hemm bżonn ta’ kreattività, ta’ modi ġodda kif nuru s-solidarjetà u l-appoġġ, u ma nħallu lil ħadd ibati waħdu. Tajjeb li nirriflettu fuq kif se nżommu l-kuntatt man-nies, speċjalment ma’ dawk li huma l-aktar fil-bżonn, fosthom dawk li kontinwament jisimgħu li miet bil-pandemija xi ħadd li kellu “kundizzjonijiet ta’ saħħa ulterjuri” u huma jafu li għandhom minn dawn il-kundizzjonijiet.
Dawn huma ftit riflessjonijiet li jistgħu jkunu ta’ għajnuna aħna u nagħrfu x’azzjoni pastorali l-Mulej jindikalna f’dan iż-żmien partikulari u ta’ sfida li qed ngħixu.