Ġudizzju
Il-jum tal-ġudizzju –
u l-bnedmin jinsabu miġbura.
Huma jistqarru quddiem il-Mulej
li qiegħed fuq it-tron tiegħu:
“M’aħniex denji
li nidħlu fil-Preżenza tiegħek.
Ma tajnikx qima!
Ma tajniex ġieh
lill-Isem qaddis tiegħek!
Il-festi tiegħek ma ċċelebrajniehomx
b’mod xieraq u qaddis!
Lgħabniha ta’ nsara
u bdilnik ma’ allat oħra!
Qasqasna u ma rrispettajniex
il-ħajja tal-proxxmu tagħna!
Aħna, Mulej, imniġġsa,
m’aħniex safja!
Imbagħad il-Mulej jitbissem minn fuq it-tron
u jgħidilhom:
“Min talabkom biex tkunu safja?
Quddiem Alla, min hu denn u safi?
Xejn aktar ma tlabtkom
ħlief id-don ta’ l-imħabba,
anki jekk tagħtu biss farka.
Xejn aktar ma tlabtkom
ħlief il-ħniena
anki jekk tagħtu biss naqra.
Xejn aktar ma tlabtkom
ħlief it-tjieba,
anki jekk tagħtu biss nitfa!
Tajtu lilkom infuskom
u l-faqar tagħkom.
Dan biżżejjed!
L-aqwa li ħabbejtu bl-imħabba tiegħi!
Kollox inħafrilkom!
Ejjew gawdu l-hena u l-qdusija tiegħi!”