L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Għandna fl-Evanġelju llum żewġ ġrajjiet li kienu għamlu ħafna ħoss fi żmien Ġesù. Waħda minnhom il-ġrajja tal-massakru li għamel Pilatu, meta kien qatel numru ta’ nies mill-Galilija b’vendikazzjoni, aktarx meta kienu qed joffru s-sagrifiċċju tagħhom; u l-oħra meta waqa’ t-Torri ta’ Silwam u qatel tmintax-il ruħ. Dawn il-ġrajjiet kienu impressjonaw lin-nies, u diversi kienu jaħsbu dak iż-żmien li jekk tiġrilek xi xi ħaġa ħażina bħal dawn it-traġedji, it-tort huwa tiegħek.

Għalhekk Ġesù jirreferi għal dawn il-ġrajjiet u jagħmel il-mistoqsijiet fl-Evanġelju biex jgħin lin-nies jaħsbu. U Ġesù jispjega li dak li ġara ma ġarax għax dawn kienu nies ħżiena aktar minn oħrajn, u minħabba f’hekk laħqithom l-id ta’ Alla; imma l-ġrajjiet għandhom jgħinuna nħarsu lejn il-ħajja tagħna. Hu jrid li ndawru ħarsitna – flok lejn il-ġrajjiet biex niġġudikaw lil min kien vittma, inħarsu lejna nfusna u nirriflettu fuq il-ħajja tagħna.

Nixtieq li naraw dak li joħroġ ċar mill-kliem ta’ Ġesù llum u li jgħodd għal ħajjitna.

Mhux kastig

L-ewwel nett, meta tiġri xi ħaġa ħażina, ma għandniex ngħidu li din hi kastig ta’ Alla. Hawn min għandu din it-tendenza, teżisti din l-idea ta’ kastig meta jiġru affarijiet ħżiena. Niftakar fi żmien il-pandemija tal-Covid-19, meta kien hemm min jgħid li l-pandemija kastig ta’ Alla. U kienu jmutu nies li ddedikaw ħajjithom għall-oħrajn, jew li kienu jduru bil-morda b’ġenerożità, u iktar kienet tinstema’ kerha li Alla b’xi mod jikkastiga lil dawn!

Issa Ġesù qed jgħidilna: flok tipprova tagħti tifsira lill-ġrajjiet u tasal għal konklużjonijiet żbaljati, ħares lejk innifsek. Il-mistoqsija għandek tagħmilha lilek innifsek: jien kif jien quddiem Alla? Il-qalb tiegħi qiegħda miftuħa għalih? X’hemm bżonn li nibdel fil-ħajja tiegħi, jew li ntejjeb, biex inkun aktar nogħġob lil Alla?

Il-frott fil-ħajja ordinarja

Ġesù jsemmi fl-Evanġelju l-parabbola tas-siġra tat-tin imħawla f’għalqa, fejn kienet imħawla tajba imma frott ma għamlitx. Il-messaġġ li qed jagħti Ġesù hu li meta aħna nħarsu lejna nfusna, għandna nistaqsu: ħajjitna qed tagħmel il-frott li Alla jrid minnha? Nafu li Alla jagħtina ż-żmien, li hu jieħu paċenzja u ħafna paċenzja bina, bħalma joħroġ ċar minn din il-parabbola. Imma jridna naraw kif qed nużaw iż-żmien li hu jagħtina, biex ħajjitna tagħmel frott tajjeb.

Importanti li nagħrfu li Alla jistenna dan il-frott minn ħajjitna. X’jiġifieri meta ngħidu “nagħmlu l-frott”? Kultant hawn ukoll ikollna mentalità żbaljata, qisu Alla jrid minna xi ħaġa straordinarja jew xi ħaġa kbira fil-ħajja tagħna. Jista’ jkun hemm min ikollu din is-sejħa, imma l-frott li qed isemmi hawn jirreferi għall-ħajja ordinarja tagħna. Irid li din il-ħajja tagħmel il-frott.

Nagħmlu l-frott jekk il-ħajja tagħna tkun mimlija mħabba, kif jurina Ġesù, u ngħixu din l-imħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn fl-affarijiet ordinarji tal-ħajja ta’ kuljum. Hemm ħajjitna tkun diġà qed tagħmel il-frott, tagħmel il-ġid.

Eżempju sabiħ ħafna

Għandna eżempju sabiħ ħafna, għalina l-Maltin, tal-Arċisqof Pawlu Cremona OP li ftit ġranet ilu għadda għall-ħajja ta’ dejjem. Intqalu ħafna affarijiet sbieħ fuqu. Innutaw kif ħafna minn dak li semmew in-nies fuqu mhumiex affarijiet kbar, imma l-affarijiet iż-żgħar tal-ħajja ta’ kuljum – kif hu għex l-imħabba ġeneruża, mimlija tjubija, fil-ħidma pastorali tiegħu, u wassal il-kelma ta’ Alla bl-eżempju u bil-kelma, dejjem b’imħabba kbira. Ix-xhieda tiegħu tagħtina messaġġ sabiħ kif ħajjitna tista’ tagħmel il-frott, skont is-sejħa li Alla ta lil kull wieħed u waħda minna.

It-talba li nixtieq nagħmel għal dawn li ftit ġranet oħra se jirċievu s-Sagrament tal-Inizjazzjoni, u li llum qegħdin magħna f’din il-quddiesa, kif ukoll għalina lkoll, hi biex aħna nagħrfu li Alla qed jagħtina r-rigal taż-żmien. Bħall-ġardinar li ħa ħsieb is-siġra tat-tin, Alla jagħtina l-għajnuna u l-qawwa biex dan iż-żmien ngħixuh tajjeb u nagħmlu l-frott. Nitolbu li hu jkompli jgħinna, u aħna nikkoperaw miegħu, biex ħajjitna tagħmel ħafna frott tajjeb, li jkun frott ta’ ġid għal ħafna.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta