L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Franġisku, erġa’ ibni l-Knisja tiegħi”. Dan huwa l-messaġġ li rċieva San Franġisk ta’ Assisi wara żogħżija li kienet imqallba. Kien fittex ħafna affarijiet li jistgħu jimlewlu qalbu, imma qalbu ma kinetx mimlija b’dak li xtaq. Missieru riedu jkompli l-karriera tal-kummerċ, imma hu ma xtaqx. Darba minnhom, daħal fil-knisja antika ta’ San Damjan, u qagħad quddiem il-kurċifiss. Hemmhekk sema’ dan il-messaġġ: “Franġisku, m’intix qed tara li l-Knisja qiegħda tiġġarraf? Erġa’ ibni l-Knisja tiegħi”.
Kif ħareġ, fehem għall-bidu li dak li jrid jagħmel hu li jgħin biex il-knisja ta’ San Damjan, li kienet qiegħda tiġġarraf, tiġi restawrata. Ħadem, għalhekk, għal dan. Imma bil-mod il-mod fehem li l-messaġġ ma kienx għall-knisja tal-ġebel, u jieqaf hemm. Dik ukoll kellha bżonn, imma l-messaġġ kien għall-Knisja, biex hu jgħin fit-tiġdid spiritwali tal-Knisja. U għalhekk baqa’ magħruf ħafna San Franġisk ta’ Assisi, għax tassew għażel dak li hu essenzjali: li jġedded il-Knisja minn ġewwa.
Fil-fatt, ħaġa li tolqtok ħafna fi Franġisku ta’ Assisi, li hi ta’ ispirazzjoni għalina lkoll, hi li hu għażel li jġedded il-Knisja minn ġewwa. Kultant lilu jqegħduh qisu f’kuntrast: hu kariżmatiku f’kuntrast mal-Knisja istituzzjonali. Imma Franġisku mhux hekk fehem il-missjoni tiegħu, imma fehem li jrid jaħdem hu l-ewwel, jibda minnu nnifsu l-ewwel, u minn ta’ madwaru, biex hemm iġib ħajja friska spiritwali li mbagħad ikollha effett fuq il-Knisja kollha. Qatt ma nsibu fil-kliem tiegħu, jew fil-kitba tiegħu, tmaqdir lill-Knisja u l-awtoritajiet tagħha, jew kundanna lilhom. Qatt ma nsibu ġudizzju tal-oħrajn. B’xi mod jew ieħor kellu fejn jara affarijiet ħżiena madwaru, imma hu ma qigħedx lilu nnifsu: jien hawn u l-Knisja qiegħda hemm, u jien inħares lejn il-Knisja u ngħid x’għandha tagħmel jew x’mhix qed tagħmel. Imma fehem lilu nnifsu bħala wieħed fi ħdan il-Knisja, li hi l-familja tiegħu, u hemmhekk ra kif jista’ jagħti l-ħajja ġdida lill-Knisja billi jibda jgħix hu l-ewwel, b’mod radikali, qabel xejn l-imħabba ta’ Alla u jxerred din l-imħabba madwaru.
Hu frott ta’ dan, imbagħad, li San Franġisk kien strument tal-paċi – baqa’ magħruf proprju għalhekk; kif ukoll kien dak li jħeġġeġ l-imħabba lejn il-ħolqien, għalih kien iqishom ħutu l-annimali u l-ħxejjex ta’ madwaru. Frott ta’ dan ukoll li hu għażel li jgħix ħajja ta’ faqar, jiġifieri mhux marbut mal-ġid tad-dinja, biex jista’ jgħin tassew lill-fqar u lil dawk li huma vulnerabbli.
Naħseb li hu ta’ ispirazzjoni sabiħa ħafna għalina fil-ħajja tagħna, għalina lkoll li naħdmu fi ħdan il-Knisja, f’oqsma differenti. Aħna għandna missjoni, u l-missjoni hija wkoll: li nġeddu l-Knisja. Imma l-ewwel billi nibdew minna. Il-bidla li nixtiequ naraw nibdewha minna nfusna. Meta aħna ngħixu tassew l-imħabba ta’ Alla, inkunu diġà strumenti tal-imħabba fir-relazzjonijiet mal-oħrajn u nxerrdu din l-imħabba madwarna. San Franġisk jgħallimna kemm hu importanti li nħarsu lejn Ġesù kurċifiss, biex hemm nisimgħu lilu u nimxu warajh. Hu kien tant qrib tal-kurċifiss li fl-aħħar sentejn ta’ ħajtu kellu anke l-pjagi li seħbuh b’mod daqshekk qawwi ma’ Ġesù msallab. Lilna jgħallimna li l-essenzjal huwa dak: li aħna nisimgħu lil Alla u nħalluh iġedded il-ħajja tagħna. Biex imbagħad inkunu bħalu strumenti tal-paċi – u nafu kemm hemm bżonn dan f’dinja medhija fil-konflitti u l-ġlied – fejn inkunu, inxerrdu l-paċi vera li tiġi mill-paċi tal-qalb. Biex aħna nkunu wkoll bħalu dawk li nuru l-għożża tal-ħolqien, u naħdmu biex tassew ikun hemm rispett sħiħ lejn il-ħolqien, f’soċjetà li kultant tara proprju l-kontra, il-qerda tal-ambjent. U li aħna naħdmu wkoll biex nagħżlu li ma norbtux qalbna mal-ġid tad-dinja, biex nistgħu ngħinu lil dawk li huma fqar u li huma vulnerabbli, u ngħinuhom biex ikollhom tassew ħajja b’dinjità.
Nitolbu lill-Mulej illum bil-kliem tas-Salm: “Mexxini, Mulej, fit-triq ta’ dejjem” (Salm 139:24). Għinni biex inħares lejn din l-ispirazzjoni sabiħa ta’ San Franġisk ta’ Assisi ħalli nkun tassew bħalu dak li nġedded il-Knisja permezz tat-tiġdid tiegħi nnifsi.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta