Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) tirringrazzja lill-Għaqda Piroteknika Maltija (GħPM) għall-komunikat maħruġ tad-9 ta’ Ġunju, fejn saru diversi kummenti u osservazzjonijiet fuq l-istqarrija tal-KA, maħruġa fil-25 ta’ Mejju, li kienet tittratta fuq il-Logħob tan-Nar, is-Saħħa u l-Ambjent (li ħarġet xi ġimagħtejn ilu.)  Dawn l-istqarrijiet u komunikati lill-istampa għandhom ikunu l-mezz ta’ kif issir diskussjoni pubblika serja fuq dan is-suġġett importanti, kif ilha tħeġġeġ il-KA li għandu jsir. Dan speċjalment meta dawn id-dokumenti jkunu aktar ibbażati fuq tagħrif u opinjonijiet fondati u anqas fuq aġġettivi bla bżonn.  Sabiex din id-diskussjoni pubblika timxi fuq linji razzjonali u bis-sens, il-KA tħeġġeġ lil kulħadd li jaqra l-istqarrijiet oriġinali kif maħruġa, qabel ma jasal għal xi fehma, u mhux sempliċiment jaqra dak li qal ħaddieħor fuq dawn l-istqarrijiet. F’dan l-ispirtu, il-KA tħoss li għandha tagħmel dawn il-kummenti fuq l-istqarrija tal-GħPM.

L-ewwel nett, l-istqarrija tal-KA kienet ibbażata l-aktar fuq żewġ dokumenti tekniċi[1],[2] li kienu ppreżentati fis-Symposium Internazzjonali tan-Nar f’April li għadda,  li l-GħPM irreferiet għalih, meta 360 delegat minn 40 pajjiż attendew għalih f’Malta. Huwa f’dan it-tip ta’ forum tekniku fejn dawn id-dokumenti normalment ikunu skrutinizzati fid-dettall mill-parteċipanti ta’ dan il-forum. Infatti hekk sar, u ebda kritika li issa qed tagħmel l-GħPM ma ssemmiet dakinhar.

L-għanijiet wara d-dokumenti ta’ fehma li l-KA ilha toħroġ mit-twaqqif tagħha ( u li ttrattaw dwar diversi temi ambjentali u ta’ żvilupp sostenibbli) issa jaf bihom kulħadd. Dawn ikun ċari, mingħajr ebda ‘aġenda moħbija’, anke jekk ikunu kkritikati b’mod mhux dejjem ġust minn dawk li jħossu li jkunu intlaqtu ħażin b’dak li ntqal.

Fl-istqarrija tagħha tal-25 ta’ Mejju, wara li tenniet il-konklużjonijiet dwar il-livelli ta’perklorat li nstabu fit-trab f’Malta u Għawdex, il-KA kienet qalet:  “Fid-dawl ta’ dan kollu jidher ċar li jekk irridu nikkontrollaw il-livelli ta’ perklorat f’dawn il-gżejjer, waqt li fl-istess ħin ma nużawx klorat fl-industrija tal-logħob tan-nar, irridu naslu għal konklużjoni waħda: dik li jkun identifikat livell massimu ta’ produzzjoni u ħruq tal-logħob tan-nar. Waqt li tifhem li din ir-rakkomandazzjoni tinħass diffiċli għal dawk kollha li jħobbu l-logħob tan-nar, il-KA hija tal-opinjoni li wasal iż-żmien li l-ħila tal-Maltin f’dan il-qasam tibda tidher aktar fil-kwalità ta’ logħob tan-nar milli fil-kwantità”.

Fi kliem ieħor, waqt li l-użu tal-klorat iżid ir-riskji għal min jaħdem in-nar (u għalhekk il-Kummissjoni ta’ Inkjesta irrakkomandat li ma jibqax jintuża), u jekk l-użu tal-perklorat (speċjalment jekk dan jiżdied mingħajr limitu) jista’ jkun ta’ dannu għal saħħitna, allura bħal ninqabdu bejn żewġ ħitan, u għalhekk irridu nikkunsidraw il-possibbiltà li jkun hemm limitu ta’ kemm jinħadem u jinħaraq nar f’Malta (jkun hemm kwota kif issuġġeriet il-KA). Ma naraw ebda kontradizzjoni f’dan.

Dwar l-istudju li sar mill-grupp ta’ riċerka tal-Professur Alfred Vella dwar il-livelli ta’ perklorat f’Malta, l-GħPM rat diversi nuqqasijiet. Il-KA tirrimarka li dawn l-istess nuqqasijiet ma kinux imressqa jew artikulati fis-Symposium Internazzjonali ta’ April. Apparti minn hekk, kemm ir-rapport oriġinali kif ukoll l-istqarrija tal-KA diġà taw risposti għad-diversi punti li qajmet l-GħPM fuq dan l-istudju, inkluż dawk ta’ sorsi naturali tal-perklorat, ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem, eċċ.

B’mod partikulari, Il-KA tagħmel dawn ir-rimarki fuq l-osservazzjonijiet tal-GħPM:

  • Il-kwistjoni dwar l-ammonium perchlorate hija bla bżonn.  Ħadd ma qal li qed jintuża l-ammonium perchlorate f’Malta.  Imma l-perchlorate ion tiġi minn fejn tiġi (potassium, ammonium, sodium, eċċ) tibqa’ dik li hi!
  • Ix-xogħol ikkwotat ma jsemmix informazzjoni fuq il-preżenza ta’ perklorat fl-ilma tax-xorb imma fit-trab (dust fall).  It-trab jiġi inġerit (jittiekel) speċjalment (imma mhux biss) mit-tfal.
  • Il-ħruq ta’ taħlit pirotekniku, filwaqt li jilħaq temperaturi għoljin, qatt ma jwassal għal reazzjoni kompluta lanqas meta t-taħlit ikun fi proporzjonijiet preċiżi (stoichiometric), aħseb u ara meta t-taħlita tkun magħmula b’mod artiġjanali. L-emission factor ta’ perklorat imsemmi fil-paper ta’ Vella hu dak stabbilit f’laboratorju Kanadiż.
  • Hemm diversi kimiċi li meta jniġġsu l-ambjent, jistgħu jkunu mibdula f’oħrajn anqas tossiċi (pe. phytoremediation). Iżda dan ma jfissirx li ma għandux isir kontroll fuqhom, jew li ninjorawhom.
  • Dwar ir-riskji fuq il-kankru tat-thyroid, l-istqarrijja tal-KA kienet attenta ħafna x’jintqal għax mhux l-għan tagħna li nallarmaw in-nies, qabel ma jkun hemm aktar tagħrif u studji (kif irrakkomandajna). Fl-istess waqt ma naħsbux li jkun xieraq li ma nagħtux kas dawn ir-riskji u ma ssirx evalwazzjoni sħiħa tagħhom, sempliċiment minħabba li hemm biżżejjed odju fl-ilma li nixorbu u dan huwa biżżejjed sabiex jipproteġina mill-kankru tat-thyroid. F’ġieħ is-sewwa, jalla huwa hekk. Nafu li il-kankru tat-thyroid jista’ jkun ikkaġunat minn diversi fatturi bħal ċertu tniġġis, kif ukoll  il-ġenetika tal-popolazzjoni. Dawn il-fatturi jistgħu wkoll jaħdmu flimkien biex jagħmlu l-istampa xjentifika aktar diffiċli sabiex tkun interpretata (jiġifieri sabiex insibu l-kaġun ewlieni ta’ dan il-kankru f’Malta).

Il-KA terġa’ ttenni dak li qalet fl-istqarrija tagħha, fejn wara li ppreżentat iż-żewġ naħat tal-argument, dwar jekk il-perklorat huwiex ta’ ħsara jew le, qalet:  “Naturalment wieħed jista’ jargumenta li m’hemmx bżonn nikkontrollaw dawn il-livelli qabel ma jkun hemm konsensus xjentifiku li l-livelli ta’ perklorat kif jinstabu f’dawn il-gżejjer jistgħu jkunu ta’ dannu għas-saħħa pubblika. Skont il-KA din tkun irresponsabbiltà min-naħa tal-awtoritajiet. Malta tkun qed isservi ta’ esperiment u l-Maltin ta’ fniek tal-indi ssagrifikati għal dan l-esperiment”.

L-GħPM, sabet ukoll problemi fl-istatistika ta’ rati ta’ inċidenti marbuta mal-logħob tan-nar meta dawn ikunu mqabbla ma’ rati simili f’pajjiżi oħra. Huwa veru li jeżistu diffikultajiet ta’ interpretazzjoni meta tipprova tqabbel fid-dettall ir-rati ta’ dawn l-inċidenti kif inhuma f’Malta ma’ dawk ta’ pajjiżi oħra. Dan prinċiparjament għaliex wisq probabbli li mhux ser issib każijiet oħra bħal dawn ta ’Malta fejn ir-rata ta’ produzzjoni tal-logħob tan-nar hija daqshekk għolja, il-qies ta’ dawn il-gżejjer huwa daqshekk ċkejken, u d-densità ta’ popolazzjoni hija daqshekk għolja. Iżda l-KA temmen li l-istudji statistiċi li saru sa issa (mhux biss dawk tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta) juru biċ-ċar li dawn ir-rati huma ferm ogħla (anke jekk mhux bilfors naqblu dwar b’kemm) minn dawk ta’ pajjiżi oħra.

Il-KA ittenni li jeħtieġ li tibda diskussjoni teknika, xjentifika u pubblika dwar ir-rakkomandazzjoni ta’ kwota fil-logħob tan-nar. “Nifhmu li jista’ jkun hemm diffikultà sabiex din id-diskussjoni tkun waħda sinċiera, razzjonali u mingħajr emozzjoni żejda. Iżda f’ġieħ l-istess nies li jaħdmu bil-qalb u mingħajr kumpens xieraq f’din l-industrija, f’ġieħ il-livell għoli ta’ arti li jirnexxilhom jilħqu diversi kmamar tan-nar fix-xogħol tagħhom, f’ġieħ l-attrazzjoni u l-effett pożittiv li din l-industrija jista’ jkollha fuq it-turiżmu, u fl-aħħar, f’ġieħ is-saħħa ta’ kulħadd, jeħtieġ li din id-diskussjoni tibda llum qabel għada”. Għalhekk nirringrazzaw bil-qalb lill-GħPM għall-kontribuzzjoni tagħha lejn din id-diskussjoni. Naċċertawha li l-għanijiet tal-KA mhumiex daqshekk differenti minn dawk tal-istess GħPM daqs kemm jidhru fil-bidu. Nemmnu li hemm aktar fuqiex naqblu milli fuqiex ma naqblux.


[1] Axiak, V., Delicata, S., Theuma, J. & Vella,  A.J. (2012). A review of the causes of fireworks accidents in Malta during  the period 1981-2010. 13th International Symposium on Fireworks. Malta. April 2012.

[2] Vella, A.J., Aquilina, B., Delicata, F. & Farrugia, A. (2012). Perchlorates in dust fall: Evidence of environmental contamination by fireworks in Malta. 13th International Symposium on Fireworks. Malta. April 2012.