• L-Erbgħa 29 ta’ Ġunju 2016, Festa ta’ San Pietru u San Pawl, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra l-Ordinazzjoni Presbiterali ta’ tmien saċerdoti ġodda, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.
    Is-saċerdoti l-ġodda huma: 
    • Patri Allister Marija Aquilina tal‑Ordni tal‑Minuri Konventwali,
    • Patri Robert Falzon, Salesjan ta’ Don Bosco,
    • Dun Sergio Fenech mill‑Parroċċa ta’ San Sebastjan Martri, Ħal Qormi,
    • Dun Mark Mallia Pawley mill‑Parroċċa ta’ San Sebastjan Martri, Ħal Qormi,
    • Dun Claude Mifsud mill‑Parroċċa ta’ Marija Mtellgħa s‑Sema, il‑Mosta,
    • Dun James Saydon mill‑Parroċċa ta’ Marija Bambina, in‑Naxxar,
    • Dun Andrew Schembri mill‑Parroċċa ta’ San Ġorġ Martri, Ħal Qormi, u
    • Dun Gilbert Scicluna mill‑Parroċċa ta’ San Ġużepp, il‑Kalkara.
     

    The Celebration of Mass on YouTube

     
  • Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  •  
    Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
    29 ta’ Ġunju 2016
     
    Għeżież Djakni, jiena nixtieqkom li f’dan il-jum Solenni, ikollkom il-persważjoni li bħalma ġara meta Pietru kien mitfugħ fil-ħabs, il-Knisja kienet qiegħda titlob għalih ħerqana. Illum il-Knisja tifraħ bikom, u magħkom u għalikom titlob lil Alla b’mod ħerqan.
    Intom se tiġu ordnati saċerdoti, presbiteri, bit-talba tal-Knisja u bit-tqegħid tal-idejn tal-Isqof, is-suċċessur tal-appostli. Il-providenza għażlitilkom dan il-jum solenni li fih niċċelebraw ix-xhieda u l-martirju ta’ żewġ kolonni tal-Knisja: Pietru u Pawlu. Għalina dawn iż-żewġ appostli nħossuhom ħafna qrib. Pawlu, il-missier li nissilna fil-fidi, u Pietru, il-pedament tal-fidi tagħna. 
    L-Ispirtu Qaddis jagħtikom poter u qawwa spiritwali li tkunu fid-dinja
    “Inti Pietru u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex” (Mt 16, 38). Il-qawwa tal-Ispirtu qaddis tal-Mulej se tnissel f’ruħkom karattru li ma jitħassar qatt u li jagħtikon poter u qawwa spiritwali li tkunu fid-dinja mhux biss xandara tal-Evanġelju, imma wkoll dawk li twasslu l-ħelsien ta’ Ġesù Kristu. “Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet” (Mt 16, 19).
    Intom imsejħin biex taħdmu fuq l-art. Tinsew qatt li mit-trab tal-art kontu magħmulha u terġgħu tirritornaw għat-trab tal-art għax intom bnedmin tad-demm u l-laħam, imżejnin b’talenti kbar li l-Knisja llum tirrikonoxxi u tilqa’ b’rigal sabiħ minn Alla. Imma intom għandkom ukoll id-dgħufija ta’ kull wieħed u waħda minna. Intom se taħdmu fuq l-art. It-talba tal-Knisja llum hi li dak li taħdmu fuq l-art, intom u tmiddu jdejkom fuq il-moħriet mingħajr ma tħarsu lura, ikun ukoll ikkonfermat u maħdum fis-sema. 
    Intom imsejħa biex twasslu l-kelma tal-ħelsien li hija l-kelma tal-ħniena
    Din hi l-qawwa li se tingħatalkom. Intom se jkollkom f’idejkom il-frott tal-art u xogħol il-bniedem, u bil-kelma li tnisslu intom u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, il-ħobż u l-inbid, frott tal-art u xogħol il-bniedem, isiru l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù. Intom tilqgħu l-art, intom li ġejtu mill-art, u dak li tagħmlu f’isem Kristu jiġi kkonfermat fis-sema. Intom imsejħa biex twasslu l-kelma tal-ħelsien li hija l-kelma tal-ħniena. Għall-kelma tagħkom bħala presbiteri, bħala saċerdoti tal-Knisja, ix-xitan jintrabat, jitlef il-qawwa tiegħu, u min hu mxekkel bil-ktajjen tal-ħażen, jinħallulu l-ktajjen tiegħu u dak li tagħmlu intom fil-faqar tal-ministeru tagħkom, ikun ikkonfermat fis-sema.
    Min jaf kemm-il darba, dak li se tagħmlu lil ħaddieħor fil-qrar se jkollkom bżonn tgħaddu minnu intom ukoll. Tinsew qatt li aħna lkoll midinbin, li l-merti tagħna huma frugħa quddiem il-ħniena t’Alla u li l-qdusija tas-saċerdozju hija waħda mill-ikbar għeġubijiet, mhux tal-bravura tagħna imma tal-ħniena tal-Mulej.
    Itolbu d-don kbir tal-umiltà, tal-paċenzja, tal-ubbidjenza
    Intom għad tgħidu ħafna drabi fil-ministeru tagħkom dak li tenna Pawlu hu u jikteb lil Timotju: “Il-Mulej waqaf miegħi u tani l-qawwa biex bis-saħħa tiegħi l-kelma tixxandar sal-aħħar u l-ġnus kollha jisimgħuha” (2Tim 4, 17). Intom se tagħmlu wkoll l-esperjenza tal-ħniena ta’ Alla li teħliskom “minn ħalq l-iljun”, minn ħalq l-iljun li jisseduċikom bil-karririżmu, bl-għira u bis-suppervja. Itolbu d-don kbir tal-umiltà, tal-paċenzja, tal-ubbidjenza biex tkunu meħlusa minn ħalq l-iljun. Għax il-Mulej, bħalma ħeles lil Pawlu, jeħles lilkom ukoll minn kull deni sa ma taslu fis-Saltna tiegħu tas-sema.
    Fl-Ewwel Qari (Atti 12, 1-11) illum, il-Knisja ftakret mhux biss fl-interċessjoni tagħha waqt li Pietru kien fil-ħabs, imma wkoll ftakret li l-Mulej sema’ t-talb tagħa u ħeles lil Pietru mill-ħabs kiefer ta’ Erodi. L-anġlu lil Pietru jgħidlu: “Qum malajr, tħażżem u ilbes il-qorq, dawwar il-mantar miegħek u ejja warajja” (ara Atti 12, 7-8). Illum, il-Mulej itenni dan il-kliem lilkom. Qumu malajr, tibżgħux mill-ħalel tal-baħar, tibżgħux mill-persekuturi, tibżgħux minn min jobgħod l-Evanġelju tal-Mulej. Qumu malajr għax hemm urġenza, hemm ħerqa fil-poplu t’Alla, għall-ministeru qaddis tagħkom. Tħazzmu u ilbsu l-qorq bħal wieħed li ħiereġ minn daru wara lejl ta’ mistrieħ biex jibda ġurnata xogħol. Qisu li jkollkom ukoll iċ-ċans tinżgħu l-qorq u sserħu riġlejkom. Tagħmluhiex ta’ heroes inutilment ħalli ngawdukom għal ħafna snin. Trid ħafna umiltà biex tistrieħ, imma jiena rridkom umli u mhux qed ngħidilkom għażżenin, umli! 
    “Ejja Warajja”
    “Dawwar il-mantar tiegħek u ejja warajja”. Presbiteri li għażiltu intom illum se jlibbsukom bil-pjaneta li hija l-mantar tas-saċerdozju, se jlibbsukom bil-ġieħ tal-Knisja. Bħalma tlibbistu bil-libsa tal-Magħmudija li hija sinifikata mill-alba li tilbsu, dik il-libsa bajda, hekk illum titħażżmu għall-ewwel darba u ddawru l-mantar tal-pjaneta fuq spallejkom. Imma magħha hemm stedina: “ejja warajja”. Imma min qed jgħidilkom hekk huwa Ġesù jġorr is-salib. Ġesù jġorr is-salib b’ubbidjenza lejn il-Missier, imma biċ-ċerteżża tal-qawmien. Ġesù li ma jibżax jieħu l-kalċi morr għaliex jaf li jrid jitgħammed bil-Magħmudija tat-tbatija, imma li jasal ukoll Sibt il-Glorja, kif jasal għalikom.​ 
    Tibżgħux tagħtu ħajjitkom għal Ġesù u l-Knisja
    “Issa naf tassew li l-Mulej bagħat l-anġlu tiegħu u ħelisni” (Atti 12, 11). Jalla intom ikollkom din il-grazzja li ħafna drabi f’ħajjitkom bħala saċerdoti tirrealizzaw kemm il-Mulej iħobbkom u kemm irid jeħliskom, mhux biss billi jħenn għalikom imma billi jagħmel li ma tibżgħux quddiem il-għawġ tad-dinja għax bħalma jgħid is-Salm 34, “Jiena fittixt il-Mulej u weġibni, minn kull biża’ tiegħi ħelisni”.
    Mela kuraġġ, l-appostli Pietru u Pawlu jkunu xempju, eżempju u mera għalikom, Tħeġġu bis-sens kbir ta’ appostolat, tibżgħux tagħtu ħajjitkom għal Ġesù u l-Knisja tiegħu u jalla l-Mulej jimla l-qalb tagħkom b’ħafna paċi u b’ħafna ferħ.
    ✠ Charles J. Scicluna                                                  
    Arċisqof ta’ Malta
  • Photos: Photocity, Valletta.