Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Onerevoli Prim Ministru u Ministru, personalitajiet distinti, l-ewwel nett grazzi ħafna ta’ din l-okkażjoni.

Hija xhieda konkreta li meta naħdmu flimkien, il-frott ikun ta’ benefiċċju għal kull wieħed u waħda minna. Illum nixtieq ninterpreta wkoll dak li qal il-Ministru, dak li qal Dr Jake [Azzopardi] – nirringrazzjak ħafna tal-entużjażjmu tiegħek. Lill-Prim Ministru dejjem ngħidlu: kull meta ltqajt miegħek dejjem kelli sens kbir ta’ tama, ta’ persuna li l-valuri tagħha huma valuri soċjali u li l-missjoni tagħha hija proprju li tagħti tama lil tant persuni li għandhom bżonn it-tama – tama li inti jkollok saqaf fuq rasek u bejta għall-imħabba u l-ħolm tiegħek. Hija xi ħaġa kbira u messaġġ sabiħ li l-Istat u l-Knisja naħdmu flimkien għal dan il-għan.

Il-proprjetà, li issa ser tkun f’idejn il-Foundation for Affordable Housing, oriġinarjament kienet parti mill-proprjetà li l-Knisja għaddiet lill-Istat bil-ftehim tal-1992 għal għand il-Joint Office. Illum nirringrazzja ħafna lill-Ministeru li bl-għajnuna tal-Parlament, u nirringrazzja l-Parlament ukoll, għamel li din l-art tkompli l-għan soċjali li ngħatat għaliha u naħseb jiena, li l-għan soċjali fondamentali huwa li aħna lill-familji tagħna nagħtuhom l-opportunità li jkunu jistgħu jkollhom serħan il-moħħ fuq fejn jgħixu. Nawgura wkoll li din l-inizjattiva tikber biex dawk il-15% li għandhom bżonn imbottatura b’mod sostenibbli jkollhom serħan il-moħħ.

Illum il-messaġġ, anke fil-kuntest tal-Viżjoni 2050 li dan il-Gvern qed ivara wara konsultazzjoni wiesgħa, hija li l-kwalità tal-ħajja tkun, biex ngħidu hekk, l-element li jiddistingwi l-esperjenza tagħna bħala soċjetà. U l-kwalità tal-ħajja tibda mill-fatt li jkollok fejn tgħix b’mod dinjituż.

Nixtieq nirringrazzja, u nieqaf hawnhekk, lilek Prim Ministru, il-Gvern ta’ Malta, lilek Ministru, lilkom ukoll uffiċjali tal-fundazzjoni, talli bil-ħidma tagħna flimkien qegħdin nagħtu, biex ngħidu hekk, sinjal li meta nitkellmu fuq il-kwalità tal-ħajja – we mean what we say. Nirringrazzjakom u nawguraw li dak li qed jinbena kompletament illum jkollu futur sabiħ.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Aktar ritratti