Il-messaġġ tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Nixtieq l-ewwel nett inwassal l-appoġġ u s-sapport tal-Arċisqof li bħalissa qiegħed barra minn Malta għal-laqgħa tal-Isqfijiet tal-Ewropa.
Eċċellenza President tar-Repubblika, Onorevoli Ministri, Kap tal-Oppożizzjoni, Membri Parlamentari, Sinjuri, il-preżenza tagħkom hi preżenza ta’ appoġġ u ta’ għajnuna, għax qed turu li tgħożżu l-ħajja ta’ dawn li se jiggradwaw u oħrajn li huma residenti fid-djar immexxija mill-Caritas, u tridu b’kull mod tgħinuhom jgħixu l-ħajja tagħhom b’dinjità.
Nixtieq nirringrazzja ħafna lil Mons. Charles Cordina, Vigarju Episkopali għad-Djakonija; lil Mons. Victor Grech – kemm hu sabiħ li qiegħed magħna llum; lil Anthony Gatt, direttur tal-Caritas, u l-istaff kollu kif ukoll il-voluntiera tal-Caritas. Nixtieq ngħid kemm aħna napprezzaw il-ħidma li qed issir f’isem il-Knisja f’Malta, li hija ħidma tant importanti. Aħna fil-Caritas naraw il-kliem li qal Ġesù meta semma l-iktar ħaġa essenzjali: “Kulma għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Għalhekk nixtieq nuri dan l-apprezzament u l-inkoraġġiment għall-ħidma kollha li tagħmel il-Caritas.
Ilbieraħ il-Papa Franġisku tkellem proprju fuq dan is-suġġett meta kien qed ifakkar il-Jum Dinji Kontra l-Abbuż u t-Traffikar tad-Droga. Nistedinkom biex issegwu dak li huwa qal fl-udjenza ġenerali. Jien se nsemmi tliet punti li naħseb jgħoddu ħafna għalina.
Inħeġġiġhom biex qatt u qatt ma jaqtgħu qalbhom.
L-ewwel nett, kemm hu importanti li aħna nagħrfu d-dinjità ta’ kull persuna, ta’ dawk li huma vittmi tad-droga, u għalhekk li fina jsibu min jismagħhom, min jifhimhom, min iħobbhom u min jgħinhom fit-triq tal-fejqan – min japprezza l-istorja differenti ta’ kull wieħed u waħda minnhom. Għalhekk hi okkażjoni sabiħa llum. Nixtieq ninkoraġġixxi ħafna lil dawk li llum se jiggradwaw, kif ukoll ir-residenti l-oħra li huma fit-triq tal-fejqan, biex ikomplu bl-impenn, biex jemmnu fihom infushom, u jfittxu tassew l-għajnuna li tgħinhom jimxu fit-triq it-tajba. Inħeġġiġhom biex qatt u qatt ma jaqtgħu qalbhom.
It-tieni punt li jsemmi l-Papa hu kemm hu importanti li aħna nagħrfu l-ħsara, ir-rovina li tagħmel id-droga fis-soċjetà għax timmina l-valuri u ġġib fix-xejn dak li lkoll nippruvaw nibnu. Il-Papa kellu kliem iebes ħafna lbieraħ għal dawk li huma traffikanti tad-droga, li hu sejħilhom assassini, kriminali u traffikanti tal-mewt, biex verament jenfasizza kemm tagħmel ħsara d-droga fis-soċjetà.
Meta nagħmlu differenza bejn id-droga bejn droga li tagħmel ħsara u droga li ma tagħmilx ħsar … inkunu qed nagħtu messaġġ kontradittorju lit-tfal, lill-adolexxenti u liż-żgħażagħ.
It-tielet punt li l-Papa semma lbieraħ hu li hu żball li nimmaġinaw li ħa tonqos id-dipendenza fuq id-droga billi tilliberalizza l-konsum. Għalhekk kemm hu importanti li aħna nagħtu messaġġ wieħed ċar li d-droga hija ħażina u li tagħmel il-ħsara. Meta nagħmlu differenza bejn droga li tagħmel ħsara u droga li ma tagħmilx ħsara, droga li toqtol u droga li tirrikreak, inkunu qed nagħmlu ħsara, għax inkunu qed nagħtu messaġġ kontradittorju lit-tfal, lill-adolexxenti u liż-żgħażagħ. Dan jagħmel ħsara lilhom u jmexxihom fit-triq il-ħażina. Fil-fatt, jekk aħna nisimgħu l-istejjer ta’ dawn il-persuni u l-familji tagħhom, u nisimgħu wkoll lil dawk li jaħdmu magħhom bħall-Caritas u nies oħra professjonisti li jaħdmu magħhom – diġà smajniehom tul is-snin, qalu kemm ħsara tagħmel anke dik id-droga li kultant tissejjaħ ta’ rikreazzjoni, kemm ħsara tagħmel mentalment. Ma nistgħux din il-ħaġa ma nagħtux kasha, għax fl-aħħar mill-aħħar aħna se naħsdu ż-żerriegħa ħażina li tkun inżergħet. U min ibati? Tbati s-soċjetà Maltija. Ibatu t-tfal, l-adolexxenti u ż-żgħażagħ u l-familji tagħhom, ibati kulħadd!
Għalhekk hu importanti li aħna nagħtu dejjem messaġġ wieħed ċar kontra d-droga. Dan hu l-appell li nixtieq nagħmel: ejjew niġbdu ħabel wieħed…mill-istess naħa!
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju