L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ngħożżu l-ħajja bl-imħabba.” Kieku kelli niġbor fi ftit kliem il-messaġġ qawwi li jagħti San Publju lilna llum hu propju biex aħna ngħożżu l-ħajja bl-imħabba.
Publju kien il-prinċep tal-gżira, l-ewwel wieħed, l-iktar bniedem b’responsabbiltà. U dak li jagħmel hu, irrakkuntat fl-Atti tal-Appostli, hu ta’ ispirazzjoni għal kull min għandu, b’xi mod jew ieħor, responsabbiltà tat-tmexxija: għal min hu responsabbli mit-tmexxija ta’ pajjiżna, għal min hu responsabbli mit-tmexxija tal-Knisja, imma wkoll għal min b’xi mod jew ieħor għandu responsabbiltà tat-tmexxija, hi ta’ liema tip hi.
Nixtieq li nħarsu lejn Publju u naraw kif jagħti ispirazzjoni sabiħa lilna lkoll, imma b’mod partikolari wkoll lil min f’xi mument jew ieħor fil-ħajja jkollu responsabbiltà tat-tmexxija.
L-għożża tal-ħajja
Publju jurina kif il-ħajja hija għażiża, u l-ħajja għandna naħdmu biex inħarsuha dejjem u ngħożżuha. Dawk li kienu fuq il-ġifen kienu mħalltin: kien hemm ħabsin, uffiċċjali, suldati, l-ekwipaġġ. San Publiju lilhom ilkoll ittrattahom b’dinjità, għaliex għalih il-ħajja ta’ kull bniedem kienet għażiża.
Ma kienx hemm pjan li dawn in-nies tal-ġifen jaslu Malta. Waslu b’nawfraġju. Ma kienx hemm ftehim li se jaslu 276 f’Malta. Daħlu minħabba li ħabtu mal-gżira. Imma għal Publju l-ħajja ta’ kull bniedem kienet ħajja li tiswa, u għalhekk li għandha tiġi salvata; u mhux biss salvaha, imma ttrattaha b’dinjità. Kienet din l-attitudni li laqqgħetu ma’ Pawlu, li ma kienx uffiċjal fuq il-ġifen imma kien wieħed minn dawk arrestati, u ttrattah b’dinjità bħal kull persuna.
Dan hu messaġġ tant importanti għalina lkoll, speċjalment għal min għandu responsabbiltà ta’ tmexxija: biex il-ħajja dejjem nipproteġuha.
Il-ħajja ta’ kull bniedem, hu min hu, hi min hi. Meta ngħid ta’ kull bniedem, ifisser ta’ dawk ukoll li jispiċċaw fil-baħar hawnhekk qrib tagħna jew ftit aktar ’il bogħod, jissieltu biex isalvaw. Kultant ikunu nies li qed jgħajtu għall-għajnuna biex ma jegħrqux, u ma nistgħux aħna niċċelebraw lil Publju li laqa’ għandu lin-nies u salvahom, imbagħad nitkellmu fuq dawn in-nies qishom mhux nies, qishom ma għadhomx ħajja b’dinjità. Għalina l-ħajja hi dejjem għażiża, u ma nistgħux nitkellmu fuq il-ħajja ta’ bniedem qisna qed nitkellmu fuq biċċa injama.
Publju jgħallimna li l-ħajja għandna nittrattawha b’dinjità. Publju, anke l-ħajja ta’ dawk qrib tiegħu, ta’ missieru stess, hekk ittrattaha. Fil-fatt talab lil Pawlu biex ifejqu, u hekk għamel Pawlu. Pubju kien jirrispetta lin-nies ta’ daru – tagħlima importanti għalina u għall-mod kif nittrattaw il-morda u l-anzjani tagħna; u Publju, ir-rispett li wera lejn in-nies ta’ daru wrieh ukoll ma’ dawk li waslu minn barra, għax għalih il-ħajja dejjem għażiża.
Meta ngħid il-ħajja tal-bniedem, qed nirreferi għal min twieled, kif ukoll għal min għadu ma twelidx. Kif nafu, il-ħajja umana tibda mat-tnissil. Minn hemmhekk irridu nibdew nuru rispett. Nirrispettaw il-ħajja mill-bidu nett, biex inkomplu nirrispettawha f’kull waqt ieħor. Din hi responsabbiltà kbira tagħna lkoll kemm aħna, u responsabbiltà kbira wkoll ta’ min imexxi biex jirrispetta u jipproteġi l-ħajja ta’ kull bniedem mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem natural tagħha, u f’kull waqt tagħha.
Il-qawwa tal-imħabba
Publju jgħallimna kif l-imħabba għandha tkun dik li tmexxina fid-deċiżjonijiet tagħna. Kemm hu sabiħ li l-Atti tal-Appostli jitkellem fuq Publju u jgħid “dan laqagħna, u bil-qalb kollha żammna għandu tlett ijiem” (Atti 28:7). Wieħed jista’ jgħid li kien qed jaqdi dmiru meta pprovda għajnuna lin-nies, imma Publju ma qediex biss dmiru imma għamel dak li għamel “bil-qalb kollha”.
Din hi l-imħabba li għandha dejjem tmexxina. Publju jurina kemm hu importanti li aħna naħdmu għall-ġid b’imħabba kbira, u ngħixu l-opri tal-ħniena kif smajna fl-Evanġelju skont San Mattew. Meta kien hemm in-nawfraġju, ħafna mill-Maltin wrew li kienu diġà qed jgħixu l-opri tal-ħniena, anke jekk kienu għadhom ma semgħux it-Tħabbira tal-Evanġelju – “Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni…kont barrani u lqajtuni…Kulma għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25). Kliem Kristu ġie bħala konferma ta’ dak li kienu qed jgħixu ħafna mill-Maltin meta temgħu lil min kien bil-ġuħ, sqew lil min kien bil-għatx, laqgħu lill-barrani.
Għandna nuru mħabba dejjem, u aktar ma jkollna responsabbiltà, aktar għandna nuru mħabba, mhux anqas. Publju jfakkarna li ma għandniex inkunu arroganti fil-qadi tar-responsabbiltajiet tagħna, ma nkunux nies li għax għandna xi tip ta’ poter, nużawh biex ngħaddu minn fuq l-oħrajn jew biex ninqdew bihom. Aktar ma jkollna responsabbiltà, aktar għandna nuru mħabba, bħalma wera Publju meta laqa’ lil kull min kien fil-ġifen fil-post tiegħu.
It-teżor tal-fidi
Publju jgħallimna wkoll kif aħna għandna nkunu dejjem miftuħa għall-verità, u lesti li nilqgħu l-verità. Publju emmen meta ġie wiċċ imb’wiċċ mat-tħabbir tal-Evanġelju hekk kif in-nies spiċċaw fuq il-gżira. U kien bis-saħħa tiegħu li Pawlu mbagħad seta’ jwasslilna l-fidi.
Hemm naraw kemm kien importanti Publju, għax laqa’ lil Pawlu u tah l-ispazju biex Pawlu seta’ jwasslilna l-fidi. U Pawlu beda bil-fejqan – mhux biss ta’ missier Publju imma wkoll ta’ tant nies oħra li bdew ġejjin minn kull parti tal-gżira – u wera kif il-fejqan hu frott il-fidi fi Kristu ħaj.
Publju laqa’ l-verita tal-fidi, u għen lin-nies biex jilqgħuha. Bil-Malti aħna ngħidu “l-eżempju jkaxkar”, u naraw dan ħafna f’Publju. Għax l-istess ħaġa li naqraw fl-Atti tal-Appostli fuq Publju naqrawh fuq il-Maltin li “ġiebu ruħhom bi ħlewwa liema bħalha” (Atti 28:2). Bħala mexxej, kellu żgur effett pożittiv ħafna fuq il-Maltin biex jgħinhom jilqgħu lin-nies f’Malta, u jilqgħu wkoll it-teżor tal-fidi.
Nitolbu llum lil San Publju biex dejjem ngħożżu l-ħajja, ngħożżuha bl-imħabba, u biex b’dal-mod inkunu qegħdin nuru fil-prattika l-qawwa tat-teżor tal-fidi tagħna. Nitolbu lil San Publju jkompli jurina wkoll kif għandha tkun it-tmexxija: b’rispett lejn il-ħajja u d-dinjità ta’ kull bniedem, b’imħabba kbira, u dejjem b’għożża wkoll tal-verità.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta