L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Min-nies qarrieqa u ħżiena eħlisni” (Salm 43:1). Dan hu li tlabna fis-Salm illum, u din hija talba li dejjem għandna nagħmlu lill-Mulej – li jipproteġina mill-qerq u mill-ħażen. Fil-fatt, fl-Evanġelju Ġesù jitkellem fuq dak li hu riżultat tal-qerq u tal-ħażen, u li kien se jgħaddi minnu. Hu li ma għamilx ħlief ġid lin-nies, u tant għallem u għamel affarijiet sbieħ, jgħid fl-Evanġelju: Bin il-bniedem se jbati ħafna, jiċħduh, joqtluh u fit-tielet jum iqum (ara Lq 9:22). Hi l-istorja ta’ dak li għadda minnu Ġesù, imma wkoll ta’ kif Alla jibdel il-ħażen tal-bniedem fl-ikbar storja ta’ mħabba.
Minn liema qerq nitolbu lill-Mulej jipproteġina? Mill-qerq li jġagħalna l-ħażin insejħulu tajjeb, u niġġustifikaw lilna nfusna fil-ħażen. Dak ikun qerq – jekk aħna flok il-ħażin ngħidulu ħażin u t-tajjeb ngħidulu tajjeb, il-ħażin nibdew niġġustifikawh. Jista’ jiġrilna li aħna, flok nagħrfu l-ħażin u nsejħulu b’ismu, niġġustifikaw lilna nfusna. Pereżempju, tkun qed tisraq, tieħu flus ħaddieħor, forsi minn taħt fejn ma jidhirx, jew tamministra ħażin il-flus li mhumiex tiegħek, u r-raġunament tiegħek ikun: m’hawnx min jagħmel agħar minni? B’daqshekk? X’fiha? Dak hu qerq, dak hu meta aħna nistgħu nitqarrqu, meta naħsbu li l-ħażin jista’ jkun għalina tajjeb għax ħaddieħor qed jagħmel agħar! U jista’ jiġrilna li nitqarrqu b’dal-mod.
Minn liema qerq nitolbu lill-Mulej jipproteġina? Mill-qerq li jġagħalna naħsbu li li titkellem ħażin u vulgari huwa stil ta’ ħajja aċċettabbli. Tolqtok din kemm daħal iktar u iktar diskors baxx, qisu wieħed jaħseb li qed jagħmel opra, li jiggustawh, għax jitkellem baxx u b’mod vulgari. Inkunu mqarrqa jekk naħsbu hekk. Il-vulgarità x’turi? Turi li ġewwa mnawwar, għax kif qal Ġesù – dan kliem tiegħu – “mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm” (Lq 6:45). Għalhekk, jekk ġewwa jkun maħmuġ, barra mbagħad joħroġ kliem li hu maħmuġ.
Fejn hemm il-mibegħda, aħna nwieġbu bl-imħabba; fejn hemm l-insulti, aħna nwieġbu bi kliem ġentili; fejn hemm id-diviżjoni, aħna nwieġbu b’ħidma għall-paċi
Minn liema qerq nitolbu lill-Mulej jipproteġina? Mill-qerq li jġagħalna ninsew il-valuri li Ġesù għallimna bil-mod kif nittrattaw lil xulxin. Flok b’rispett u mħabba, inkasbru u ninsulentaw lil xulxin. Ħu, pereżempju – ħa nsemmi eżempju komuni – il-media soċjali. Kemm tara hemmhekk, flok espressjoni ta’ fehmiet magħmula b’mod għaqli u bil-galbu, tgħajjir u insulti lil ħaddieħor. Pereżempju, issejjaħ lil ħaddieħor “żibel” jew “imbarazz tas-soċjetà”. Jista’ jkun dan ħaddieħor li qed issejjaħlu hekk huwa bniedem, jew qassis, jew isqof ukoll. Din mhix immaġinazzjoni, din hija r-realtà sfortunatament – jiġfieri taraha quddiem wiċċek, teżisti. U xi tkun din? Meta jkun hemm kliem bħal dan, hu riżultat ta’ mibegħda, ġewwa hemm il-mibegħda. Il-mibegħda kultant istigata – ikun hemm min jagħwi wkoll – imma frott tal-mibegħda. Li tgħid li din hi parti mill-avvanz kulturali tagħna turi li l-kultura teħtieġ tassew tiġdid kbir. Ma għandniex aħna nitkellmu b’dal-mod fuq ħadd, jew ninsulentaw lil ħaddieħor b’dal-mod. Qatt.
Illum nagħrfu aktar u aktar kemm jeħtieġ li nitolbu biex il-Mulej jipproteġina mill-qerq u mill-ħażen. U biex jgħinna ħalli l-atteġġjament tagħna jkun kif għallimna hu, jiġifieri: fejn hemm il-mibegħda, aħna nwieġbu bl-imħabba; fejn hemm l-insulti, aħna nwieġbu bi kliem ġentili; fejn hemm id-diviżjoni, aħna nwieġbu b’ħidma għall-paċi. Hu dan li jurina Ġesù meta jsemmi fl-Evanġelju minn xiex kellu jgħaddi, u fl-istess sentenza li jsemmi t-tbatija, il-passjoni, iċ-ċaħda minn diversi nies, il-mewt, imma mbagħad jgħid: il-qawmien. Il-qawmien ifisser ir-rebħa tat-tajjeb fuq il-ħażin, tal-ħajja fuq il-mewt, tal-imħabba fuq il-mibegħda.
Nitolbu lill-Mulej illum biex jippurifikana dejjem, jipproteġina minn kull qerq u ħażen, u jgħinna ngħixu tassew il-valuri li għallimna hu, u l-messaġġ li joħroġ b’mod hekk ċar bir-rebħa tiegħu fuq il-mewt permezz tal-qawmien tiegħu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju




