L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Nixtieq nitkellem dwar l-hena. Kemm-il darba dan id-diskors mill-Evanġelju ta’ San Mattew, li għadna nsejħulu diskors tal-Beatitudnijiet, tal-hena, Ġesù jagħżel kategorija ta’ nies, u jsejħilhom ‘henjin’. Tajjeb li wieħed meta jkollu ċans jifli ftit min hu hieni skont Ġesù. Ħa ngħidilkom xi ħaġa li tista’ tgħinkom biex tiftakru f’dawn it-tmien barkiet. Ħafna drabi nħobbu ngħidu li s-salib tal-Kavallieri, imbagħad sar is-salib ta’ Malta, għandu tmien ponot għax ifakkarna f’dawn it-tmien barkiet li jsemmi Ġesù fl-Evanġelju ta’ San Mattew. Meta taraw is-salib ta’ Malta, ftakru fit-tmien ponot tas-salib ta’ Malta, u ftakru f’dawn it-tmien barkiet li jsemmi Ġesù.
“Henjin il-foqra fl-ispirtu, l-imnikkta, ta’ qalbhom ħelwa, dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, dawk li jħennu, dawk li huma safja f’qalbhom, dawk li jġibu l-paċi, dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa. Henjin meta jippersegwitawkom minħabba f’ismi” (ara Mt 5:3-11).
Ħafna drabi din l-hena ma nifhmuhiex mill-ewwel. Xi tfisser li tkun fqir fl-ispirtu? Ħafna drabi, l-għorrief kienu jgħidu, li jekk tifhem din, tkun fhimt il-barkiet kollha; mhux li ma jkollokx flus. Għax il-flus neċessarji imbasta tużahom tajjeb u għall-ġid, u taqlagħhom b’mod onest. Jekk tagħmel hekk, il-flus huma barka. Jekk jiġu b’mod ħażin, u tużahom b’mod ħażin, il-flus ikunu saħta; imma jekk jiġu tajjeb, u tużahom tajjeb, huma utli – imbasta ma jsirux alla tagħna.
Imma l-fqir fl-ispirtu hu dak li – ħa nuża espressjoni li għallimna saċerdot li kien iħobb ħafna dawn l-inħawi – San Ġorġ Preca. Min jaf kemm-il darba ġie f’dawn l-inħawi, fejn hawn il-kulleġġ; u għallimna din it-talba: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’. Dik li tkun fqir fl-ispirtu, mhix kwistjoni ta’ flus; imma li quddiem Alla tinduna li għandek bżonnu. Jiena nawguralkom, għeżież studenti, bħalma nawgura lill-għalliema u anke lill-ġenituri tagħkom, li aħna lkoll kemm aħna, ma niddejqux lil Alla ngħidulu: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’. L-ewwel nett, inti tkun qed tgħidlu, jien nifhem li teżisti u li tħobbni; u li jien għandi bżonn l-imħabba tiegħek, u għandi bżonn nitgħallem mingħandek kif inħobb.
Meta nifhem din il-ħaġa kollox jaqa’ f’postu. Għaliex? Għax ħafna drabi fil-ħajja mhux bilfors tkun ferħan, taf tkun imnikket minħabba l-ħażen u l-inġustizzja. Il-Mulej, jekk inti mnikket minħabba l-għawġ u l-ħażen, jgħidlek ‘hieni’, għax qalbek hi f’postha; qed tirraġuna, kif jirraġuna hu. Tinsewx li meta Ġesù tana dawn it-tmien barkiet kien qed jagħtina xi ħaġa li jħobb jgħidha, il-Papa Franġisku imma anki l-Papa Benedittu XVI: qisna hawnhekk qed naraw il-profil ta’ Ġesù.
M’hemmx sinjal aqwa ta’ tama, u m’hemmx ħidma ikbar ta’ paċi, milli l-edukazzjoni; li inti tgħallem u tgħin
Trid tifhem min hu Ġesù? Ħares lejn dawn it-tmien barkiet u tifhem min hu Ġesù. Dawn it-tmien barkiet huma l-karta tal-identità ta’ Ġesù. Għax hu kien dak, li l-Missier tant kien iħoss il-bżonn tiegħu, li jqum kmieni filgħodu, qabel ma jisbaħ, ikun fit-talb mal-Missier. Xi ħaġa li għallimna wkoll l-Profeta Elija, il-patrun tal-iskola tagħkom. Elija, jgħallimna li bħal Alla m’hemm ħadd u li hu Alla ħaj u dak li lilna jagħti l-ħajja.
Il-motto tal-iskola jfakkarna, li aħna, jekk irridu ngħixu ħajja sabiħa rridu nħarsu naqra ’l fuq. Il-Profeta Elija ltaqa’ ma’ Alla fuq il-muntanja qaddisa; ma ltaqax miegħu fin-nar jew fl-istorbju; imma ltaqa’ miegħu “f’żiffa ħelwa” (1 Slaten 19:12). Alla jkellmek hekk, billi jkellem lil qalbek.
Meta jkollkom xi tgħidu bejnietkom, staqsi lilek innifsek: min se jagħmel l-ewwel pass?
Xi ħaġa oħra li tolqotni f’dan l-anniversarju hu li l-kulleġġ tagħkom beda f’sena partikolari fl-istorja ta’ pajjiżna, fl-1944. Kif tafu t-Tieni Gwerra Dinjija laqtet lil Malta b’mod ħażin ħafna. Għalina t-Tieni Gwerra Dinjija spiċċat fit-8 ta’ Settembru 1943 meta l-flotta Taljana daħlet fil-Port il-Kbir u ċediet lill-alleati. Għalhekk aħna, fit-8 ta’ Settembru, nagħmlu festa pubblika; mhux biss għar-rebħa tal-Assedju tal-1565 imma wkoll il-mument tat-8 ta’ Settembru 1943, meta għalina kienet spiċċat il-gwerra. Kompliet għax imbagħad l-alleati minn Malta marru Sqallija u bdew javvanzaw biex jirbħu l-Italja kompletament.
Imma l-Kulleġġ tagħkom, bl-inizjattiva tal-Patrijiet Karmelitani, beda proprju fis-sena ta’ wara. Il-Patrijiet, huma u jħarsu lejn il-ħerba tal-gwerra, riedu jagħtu, hekk inħoss jien u ninterpreta d-data tat-twaqqif, sinjal ta’ tama u paċi. U m’hemmx sinjal aqwa ta’ tama, u m’hemmx ħidma ikbar ta’ paċi, milli l-edukazzjoni; li inti tgħallem u tgħin. Għax l-edukazzjoni li tirċievu hawnhekk, mhux biss li tgħaddu mill-eżamijiet (għalkemm nawguralkom li tgħaddu) għax l-eżamijiet jgħaddu u jalla meta jgħaddu l-eżamijiet, ir-riżultati li tirċievu jferrħu lilkom, u ngħidilkom iżjed lill-ġenituri tagħkom.
Imma importanti, li ma tħarsux lejn l-esperjenza tagħkom hawn, bħala waħda biss biex tgħaddi mill-eżami; imma biex tikber fil-maturazzjoni tiegħek bħala bniedem, u tkun dak li ġġib il-paċi. Meta jkollkom xi tgħidu bejnietkom, staqsi lilek innifsek: min se jagħmel l-ewwel pass? Se nagħmlu l-iskola kollha miġġildin? Ngħiru għal xulxin? Nobgħodu lil xulxin? Mhux aħjar nitgħallmu minn issa nagħmlu paċi. Tgħidli kif? L-ewwel nett iġġib il-paċi billi taħfer. Mhux bilfors tinsa imma taħfer. Għax Ġesù qalilna: “Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” (Mt 6:12).
Ejjew noħolmu wkoll li nagħtu ħajjitna lejn min jista’ kollox u għandu kollox f’idejh.
Parir ieħor, meta titkellem fuq xi ħadd – l-aħjar qatt ma titkellem – dejjem għid xi ħaġa tajba fuq dak li jkun, kif tixtieq li jagħmlu fuqek. Dak bniedem bravu, dak onest. Jekk ma tista’ tgħid xejn, aħjar ma tgħid xejn. Mela nitgħallmu kif nitkellmu fuq xulxin; nitgħallmu wkoll kif nirrispettaw lil xulxin. U ma ninsewx lil Alla.
Intom qegħdin hawnhekk, fi skola mbierka bil-preżenza tal-patrijiet Karmelitani; u jien nixtieq nagħmlilkom proposta. Qatt xi ħadd minnkom, daħlitlu fil-qurriegħa ta’ rasu, li jista’ jkun Karmelitan? Li jista’ jagħti ħajtu biex il-missjoni tal-Karmelitani f’Malta u fid-dinja, tkompli? Tgħidli jien tant għandi ħolm; missieri jridni nsir imħallef mustaċċun; ommi tridni nsir mhux tabib imma konsulent mill-ewwel, kif noħroġ minn hawn – ħolm kbir.
Li tgħid ‘grazzi’, ma tiswiex flus imma timla l-qalb bil-ferħ.
Ejjew noħolmu wkoll li nagħtu ħajjitna lejn min jista’ kollox u għandu kollox f’idejh. Din hi żerriegħa li jien qed nagħtihilkom, imbagħad jagħmel Alla. Forsi jien ma narahiex tikber. Min jien, jien? Imma jekk tkun f’idejn Alla, tkun f’idejn tajbin.
U l-aħħar kelma: nafdakom f’idejn il-Madonna. Ħobbu ħafna lill-mamà ta’ Ġesù. Ħobbu wkoll lill-ġenituri tagħkom. Suġġeriment, inti taf meta twelidt, id-data? Dakinhar, int tieħu pjaċir min jgħidlek: ‘Happy Birthday!’ hux veru? Jien nieħu pjaċir meta jgħiduli ‘Happy Birthday’. Jien tgħallimt, li meta nagħlaq snini, nirringrazzja lil ommi u lil missieri. Nibgħatilhom kartolina biex nirringrazzjahom. Nieħu pjaċir nirċievi kartolina jien, illum messaġġi bil-mobile. Imma ftakru f’għeluq sninkom għidu ‘grazzi’ lill-ġenituri tagħkom. Tgħidli: jien m’għandix. Għid ‘grazzi’ lil Alla. Anke jekk ma tafhomx, ommok u missierek ġabuk fid-dinja. Hemm żewġ kreaturi: mara u raġel li ġabuk fid-dinja. Itlob għalihom. Anke jekk xi ħadd minnhom miet, anke jien, missieri miet, illum noffri quddiesa għal ruħu f’għeluq snini. Għax aħna nibqgħu f’kuntatt mal-ġenituri tagħna. Din il-ħaġa tinsewhiex. Li tgħid ‘grazzi’, ma tiswiex flus imma timla l-qalb bil-ferħ.
U meta tispiċċaw minn din l-iskola, ibqgħu ftakruha. Itolbu għall-istudenti ta’ din l-iskola, għall-għalliema ta’ din l-iskola, għall-patrijiet li taw ħajjithom biex intom tkunu tistgħu tiġu hawn. Għax aħna illum ltqajna biex lil Alla ngħidulu ‘grazzi’. Imma tajjeb ukoll ngħidu ‘grazzi’ lill-patrijiet u lil xulxin.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: 1 Kor 1:26-31
Salm: 145(146):7,8-9a,9bc-10
L-Evanġelju: Mt 5:1-12