Tliet entitajiet tal‑Knisja li jmexxu djar residenzjali għat‑tfal se jaħdmu flimkien fuq proġett li se jkompli jtejjeb il‑ħajja tat‑tfal u l‑adolexxenti li jgħixu fid‑djar tal‑Knisja. Dan il‑proġett se jsir b’investiment ta’ €250,000 li 80% minnhom se jkunu kofinanzjati minn fondi tal‑Unjoni Ewropea u l‑bqija se jiġu ffinanzjati mill‑Knisja. Minn din ir‑riċerka se jibbenefikaw mhux biss it‑tfal iżda wkoll il‑professjonisti li jaħdmu magħhom. Fil‑preżent, f’dawn id‑djar tal‑Knisja jgħixu 72 tifel u tifla li ġejjin minn ċirkustanzi diffiċli fil‑familja, u li ġew fdati lill‑Knisja mill‑Istat għall‑kura u l‑ħarsien tagħhom.
Id‑dettalji tal‑proġett tħabbru waqt konferenza tal‑aħbarijiet li saret illum f’Dar Fra Diegu, il‑Ħamrun, u li ġiet indirizzata minn Yvonne Mallia, Direttur ta’ Fondazzjoni Sebħ; Mons. Charles Cordina, il‑Vigarju Episkopali għad‑Djakonija; u mis‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi. Preżenti wkoll Fr Louis Mallia mill‑Fondazzjoni Dar San Ġużepp tas‑Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, u Clive Bonnici minn St Patrick’s Residential Services mill‑Ordni tas‑Salesjani ta’ Don Bosco.
Fondazzjoni Sebħ, Fondazzjoni Dar San Ġużepp u St Patrick’s Residential Services, li bejniethom jieħdu ħsieb għaxart idjar residenzjali, fil‑ġimgħat li ġejjin se jibdew din ir‑riċerka li permezz tagħha ser jitfassal programm ta’ taħriġ li se jiffoka fuq ir‑realtajiet u l‑isfidi partikolari tat‑tfal. Minnu se jibbenefikaw 80 ħaddiem fit‑tliet entitajiet.
Barra minn hekk, 30 tifel u tifla u adolexxenti b’etajiet li jvarjaw minn seba’ snin sa 17‑il sena, se jingħataw l‑għodda u l‑ħiliet meħtieġa biex ikunu jistgħu jintegraw aħjar fis‑soċjetà u fid‑dinja tax‑xogħol, u b’hekk ikunu jistgħu jgħixu ħajja indipendenti. Dan se jsir permezz ta’ sessjonijiet terapewtiċi individwali kif ukoll workshops edukattivi. Il‑proġett kollu hu mqassam fuq 18‑il xahar.
Il‑Vigarju Episkopali għad‑Djakonija, Mons. Charles Cordina faħħar l‑inizjattiva ta’ dawn it‑tliet entitajiet tal‑Knisja li ħassew il‑bżonn li jkomplu jtejbu l‑kwalità tas‑servizz ta’ kura li ilhom jagħtu għal ħafna snin. Qal li f’dan il‑qasam iċ‑ċentru ta’ kollox hu t‑tfal għax il‑Knisja dejjem temmen li ċ‑ċentru ta’ kollox hu l‑bniedem. Mons. Cordina qal li l‑Knisja, bil‑ħidma li twettaq fis‑soċjetà, tagħti lura d‑dinjità lil dawk li huma żvantaġġjati u tgħinhom jimxu ’l quddiem. Huwa rringrazzja lill‑Gvern tas‑sehem tiegħu fi proġetti li jsiru bil‑għajnuna tal‑fondi Ewropej.
Is‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif dan il‑proġett li qed jiġi kofinanzjat minn fondi Ewropej se jkun qed jara x’inhuma l‑ħtiġijiet tat‑tfal u ta’ dawk li jieħdu ħsiebhom biex isir aktar taħriġ u b’kemm jiżdiedu l‑opportunitajiet sabiex it‑tfal ikollhom futur aħjar.
Dr Zrinzo Azzopardi saħaq li dan huma investiment importanti hekk kif qed niżguraw li anki t‑tfal jingħataw l‑opportunitajiet kollha biex jirnexxu fil‑ħajja irrispettivament mill‑isfond tagħhom.
Yvonne Mallia, id‑Direttur ta’ Fondazzjoni Sebħ, qalet li
l‑fondazzjoni temmen li l‑kwalità tas‑servizz li l‑Knisja toffri fis‑soċjetà
jiddependi ħafna fuq il‑kwalità tax‑xogħol li joffru l‑professjonisti li
għandhom rwol importanti fil‑ħajja u t‑trobbija tat‑tfal. Qalet li t‑taħriġ
kontinwu huwa importanti wkoll fl‑iżvilupp professjonali tal‑istess ħaddiema.
Is‑Sinjura Mallia spjegat li dawn it‑tfal ma jgħixux f’istituzzjonijiet imma
f’ambjenti
li jixbħu kemm jista’ jkun dak ta’ familja. Hi appellat lis‑socjetà biex
tagħraf l‑abbiltajiet u l‑potenzjali li għandhom dawn it‑tfal li jistħoqqilhom imħabba
u futur sabiħ.
Dan il‑proġett,
li huwa l‑ewwel wieħed tax‑xorta tiegħu, se jibbenedika mill‑Fond Strutturali
Ewropew (2014 – 2020).