L‑Arċidjoċesi ta’ Malta qed tippubblika direttivi ġodda għall‑jiem ta’ qabel u waqt il‑Ġimgħa Mqaddsa ta’ din is‑sena. Dawn il‑miżuri ta’ prevenzjoni kontra l‑imxija tal‑Covid‑19 qed jiġu ppubblikati wara li bħal‑lum xahar il‑Knisja ħabbret li f’Malta u Għawdex mhux ser jiġu organizzati pellegrinaġġi u purċissjonijiet tar‑Randan, u wara li nhar il‑Ġimgħa li għadda ġew sospiżi l‑laqgħat tal‑gruppi li jsiru b’mod fiżiku.
Il‑miżuri l‑ġodda ppubblikati llum jistabbilixxu li fil‑knejjes jistgħu jintramaw biss ix‑xbihat qaddisa tar‑Redentur, tal‑Vara l‑Kbira (jew Kurċifiss) u tal‑Madonna tad‑Duluri. L‑Irxoxt jista’ jintrama għall‑Għid il‑Kbir fejn hemm id‑drawwa li jsir dan. Filwaqt li dawn ix‑xbihat għandhom jinħarġu u jidħlu lura fin‑niċċa b’mod privat, ma għandhomx isiru purċissjonijiet bihom kemm barra kif ukoll ġol‑knisja. Il‑wirjiet organizzati mill‑Knisja jew gruppi tagħha huma pprojbiti.
F’Ħamis ix‑Xirka filgħaxija, fit‑Tifkira Solenni tal‑Ikla tal‑Mulej, mhux ser isir ir‑rit tal‑ħasil tar‑riġlejn. Bil‑permess ta’ Mons. Arċisqof ser tkun tista’ ssir quddiesa oħra filgħaxija jekk il‑ħtiġijiet pastorali tal‑komunità jirrikjedu dan.
Id‑direttivi jindirizzaw ukoll s‑Seba’ Visti li jsiru fil‑lejl ta’ Ħamis ix‑Xirka. Din is‑sena, dawk li jipparteċipaw ser ikunu jistgħu jagħmlu dan mingħajr ma jidħlu u joħorġu mill‑knisja bejn riflessjoni u oħra, billi jibqgħu f’post wieħed, u billi jsegwu l‑miżuri kollha li ġew implimentati fil‑knejjes f’Malta sa minn Ġunju li għadda. Dawn jinkludu t‑teħid tat‑temperatura, l‑użu tas‑sanitiser, u postijiet assenjati minn qabel biex titħares id‑distanza soċjali. Barra minn hekk, m’għandhomx jiġu organizzati visti li jitolbu lill‑Insara jżuru aktar minn knisja waħda.
Fil‑Ġimgħa l‑Kbira, it‑tifkira Solenni tal‑Passjoni tal‑Mulej li ssir waranofsinhar, ser issir bl‑eċċezzjoni tal‑bews tas‑Salib. Minflok għandu jsir mument qasir ta’ Adorazzjoni tas‑Salib.
Fil‑Vġili tal‑Għid, iċ‑ċelebrazzjoni ssir bħas‑soltu bid‑differenza li l‑poplu ma jinġabarx ħdejn il‑bieb ta’ barra għat‑tberik tan‑nar imma jsegwi minn postu.
Bil‑għan li l‑persuni morda u dawk vulnerabbli jkunu jistgħu jieħdu sehem f’dawn iċ‑ċelebrazzjonijiet tant importanti għall‑fidi Nisranija, din is‑sena wkoll l‑Arċidjoċesi ta’ Malta u l‑Public Broadcasting Services ser iwasslu b’mod dirett il‑funzjonijiet li ser jippresiedi l‑Arċisqof Charles Scicluna. Dawn ser jixxandru mill‑Konkatidral ta’ San Ġwann fuq TVM2, u online fuq Knisja.mt u Newsbook.com.mt.