L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Innuttaw, li għal tliet darbiet fl-Evanġelju li għadna kemm smajna, mit-tielet kapitlu ta’ San Luqa, diversi kategoriji ta’ nies, li jiltaqgħu ma’ Ġwanni l-Battista, ma’ Ġwanni l-Ħabbar, jistaqsuh: “X’għandna nagħmlu? (Lq 3:10). Din hija mistoqsija profonda għax aħna niftakru li l-bniedem meta jrid jagħmel ta’ rasu, lil Alla ma jistaqsihx: ‘Imma Mulej, inti x’taħseb?’ Din issir anke meta nkunu qegħdin nitfarfru, trid tagħmel xi ħaġa ta’ rasek, l-aħħar nies li tkellem huma lil ommok u missierek għax dawn inkella se jibdlulek fehmtek. Tagħmel  ta’ rasek, u meta tiġi fl-għawġ, tmur tibki fuq l-ispalla ta’ ommok, għax missierek ikellmek b’mod differenti, nimmaġinah jien. Nagħmlu ta’ rasna, u allura ma jinteressaniex x’jaħseb Alla. Imma hemm ħafna umiltà u ħafna għaqal.

Dawn in-nies li għalkemm kellhom it-toqol tal-ħajja tagħhom u l-għażliet tagħhom; waslu f’mument meta jersqu lejn il-bniedem ta’ Alla, u jistaqsu: “Mela x’għandna nagħmlu?” (Lq 3:10). Forsi għamilt ta’ rasi, għamilt li fettili, fittixt l-interessi tiegħi, ħsibt fija nnifsi biss; imma issa nixtieq nibdel ħajti. X’għandi nagħmel? Dan hu l-ewwel punt li xtaqt naqsam magħkom. Kemm għandna bżonn induru lejn Alla bħala individwi, imma anke bħala soċjetà; u lil Alla nisimgħuh, nistaqsuh: imma f’din is-sitwazzjoni, x’għandna nagħmlu? Tgħiduli, aħna issa nifhmu kollox, nafu kollox; naqra umiltà tgħinna ħafna biex nimxu tassew ’il quddiem.

It-tieni punt: ir-risposti li jagħti Ġwanni l-Battista jistgħu jkunu wkoll eżami tal-vera mod kif se nipprepara għal dan il-Milied. Tgħiduli, dak li kelli nixtri xtrajtu; dak li kelli nżejjen żejjintu. Għamilt tajjeb! Imma ħsibt fil-qalb tiegħek? Għax tajjeb li nżejnu djar tagħna, u t-toroq tagħna, u nagħmlu tajjeb; imma l-qalb tiegħi?

Isimgħu r-risposta ta’ Ġwanni l-Battista. “Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn, u min għandu x’jiekol jagħmel l-istess” (Lq 3:11). Kemm hi ħaġa sabiħa li nifhmu li l-ġenerożità kollha li nuru fil-Milied; u aħna l-Maltin u l-Għawdxin kapaċi nkunu tassew ġenerużi; hi l-vera tħejjija għall-Milied. Bħalissa jkollna diversi kampanji ta’ solidarjetà. Hu l-mument li tgħid: jien se nħejji ruħi għall-Milied, billi jekk għandi xi ħaġa, naqsamha ma’ ħaddieħor. Hawn diversi parroċċi wkoll, li jaħsbu u li joffru opportunità lil min hu waħdu, jkollu kumpanija fil-Milied. F’Jum il-Milied, pereżempju fil-Kurja, il-Caritas torganizza ikla kbira għal 500 ruħ. Bil-ġenerożità ta’ ħafna u ħafna nies; inkluż tagħkom. “Min għandu x’jiekol, jaqsam ma’ min ma għandu xejn.” (Lq 3:11)

It-tieni risposta ta’ Ġwanni l-Battista. Din għal min kien jiġbor it-taxxa. “Tissikkaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi iżjed milli jmisskom tieħdu” (Lq 3:13). Imxu bil-qies! Tkunx rgħib! Għax ir-regħba tħassar il-qalb. Mela dan il-Milied, tajjeb li neżamina lili nnifsi: kif inħares lejn il-flus? Kuntent b’dak li għandi jew imdejjaq b’li m’għandix? M’ilux smajt din il-frażi, biex ma taħsbux li vvintajtha jien, u laqtitni. Inti għandek għażla f’ħajtek: tkun kunent b’dak li għandek jew tgħix imdejjaq b’li m’għandekx. L-għażla f’idejk! Bħalma jgħidu missirijietna: imxi skont il-pass tiegħek. Ħafna drabi naqgħu f’inkwiet kbir għax għajnejna ikbar minn butna.

It-tielet risposta ta’ Ġwanni l-Battista lis-suldati li kellhom il-poter; allura l-kapaċità tal-vjolenza. Jgħidulu lil Battista: “X’għandna nagħmlu?” (Lq 3:14). “Tisirqu lil ħadd bit-theddid jew bil-qerq, u kkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom” (Lq 3:14). Ejjew nippruvaw nifhmuha din: “Ikkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom” (Lq 3:14), li jistħoqqilkom tieħdu tax-xogħol li tagħmlu, mhux ta’ dak li ma tagħmlux. “Tisirqu lil ħadd bit-theddid jew bil-qerq. (Lq 3:14) Min jista’ jifhem ħa jifhem.

Hawnhekk hawn l-għerq tal-veru ferħ. Għax illum qegħdin nifirħu; San Pawl jgħidilna: “Ifirħu” (Fil 4:4) Imma l-ferħ tagħna, mhux il-bozoz u s-siġra tal-Milied; imma hi l-qalb li tagħżel is-sewwa; li l-ħobża li inti tiekol, u li tpoġġi fuq il-mejda lil uliedek, tkun imbierka! Għax la hi frott il-qerq u lanqas frott is-serq. Anzi tkun iżjed imbierka u mkattra, jekk inti taqsamha ma’ min hu bil-ġuħ.

Darba minnhom kien hemm ġurnalist Ingliż li mar jagħmel esperjenza l-Indja mas-sorijiet ta’ Madre Teresa. U nieqaf b’dan ir-rakkont. U dan kien jemmen u ma jemminx, imma xtaq ikun jaf lil din il-mara għaliex tagħmel dak li tagħmel. U ltaqa’ ma’ Madre Teresa, illum qaddisa, tfejjaq lil dawn in-nies li kienu jiġbru mit-toroq u kienet qed idewwi wieħed qed imut, li kkankralu ġismu kollu.

U qalilha: ‘Anqas jekk jagħtuni miljun dollaru ma nagħmel dak li qed tagħmel inti’. U Madre Teresa qaltlu: ‘Lanqas jien, ta! Jien li qed nagħmel għal Ġesù!’ U nħassad bir-risposta ta’ Madre Teresa. Imbagħad, imma dan kienet xi ħaġa li laqtitu l-iżjed,  innota mara fqira li marret għand is-sorijiet u tawha bieqja bir-ross. X’għamlet din il-mara? Marret taqsamha ma’ ġara li ma kellha xejn. U dan ir-raġel li kien sinjur, ikkonverta minħabba l-ġest ta’ dik il-mara. Qal, ‘fil-faqar tagħha, kellha qalb biżżejjed kbira biex taħseb ukoll f’ħaddieħor. Jiena għandi u naħseb biss fija nnifsi’.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Sof 3:14-18a
Salm: Iż 12:2-3,4bċd,5-6
Qari II: Fil 4:4-7
L-Evanġelju: Lq 3:10-18

Aktar ritratti