L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Aħna u nippreparaw, b’entużjażmu anke b’ferħ l-istennija għall-Milied, ta’ min nilqgħu l-kelma li Ġwanni l-Battista jibgħat iwassal lil Ġesù: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?” (Mt 11:3) Ir-risposta, din id-darba, tkun fil-qalb tagħna. Aħna lil min qegħdin nistennew f’dan il-Milied? Min hu dak Alla għalina li se jitwieled minn Marija Verġni? Lesti nilqgħuh? Aħna ppreparati tajjeb biex nilqgħuh? U nistgħu nifhmu wkoll id-dilemma li ġiet lil Ġwanni l-Battista, li kien għammed lill-Mulej fil-Ġordan, u issa, wara l-arrest tiegħu minn Erodi kien il-ħabs.

Fis-silta li għadna kemm smajna Ġwanni huwa ħabsi. (Ejjew niftakru wkoll fil-priġunieri li llum qegħdin jinġabru mal-Papa għall-Ġublew tal-Priġunieri. Fosthom hemm ukoll uħud minn ħutna li qegħdin mal-Papa Ljun XIV dalgħodu għall-Ġublew tal-Ħabsin.) Ġwanni kien wieħed minnhom. Bħalma kellu jkun Ġesù aktar tard wkoll arrestat,  u għamel lejl fil-ħabs, l-ewwel għand Anna l-Qassis il-Kbir, u mbagħad għand Pilatu. U Ġwanni jifhem, li jrid jgħaddi l-bxara t-tajba lill-Messija wasal, imma jrid ikun ċert. Anki għaliex dak li kien qed jisma’ dwar Ġesù ma kienx dwar Messija ta’ qawwa u poter, imma Messija ġwejjed li “qasba mġelġla ma jiksirhiex, musbieħ inemnem ma jitfix” (Iż 42:3) u li meta tkellem fuqu nnifsu qal “jien ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29). Imma dan hu l-Messija “jew nistennew lil ħaddieħor?” (Mt 11:3).

Ir-risposta ta’ Ġesù hija risposta li nħarsu lejn il-fejqan li ġab fostna. Jekk jixtiequ nistennewh b’mod sabiħ u nilqgħuh ta’ tabib tar-ruħ, kif inhu tassew, f’dan il-Milied ejjew nitolbuh li aħna nkunu fost dawk il-fqar li għandhom bżonn l-aħbar it-tajba, fost dawk il-morda li għandhom bżonn it-tabib (ara Mt 11:5). U Ġesù lil Ġwanni jibgħatlu din ir-risposta – bagħatha ma’ dawk iż-żewġ dixxipli li marru għand Ġesù qalulu “inti jew nistennew lil ħaddieħor?” (ara Mt 11:3) “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw” (Mt 11:4)

Ġesù jitkellem dwar kategoriji ta’ mard fiżiku li f’dan l-istaġun, l-istedina tiegħi hi li nifhmuh ukoll fuq livell spiritwali u napplikawh għalina.

  • “L-għomja jaraw” (Mt 11:5). Ejjew nitolbu l-grazzja li aħna nfiqu mill-għama tagħna u fil-proxxmu kollu tagħna naraw lill-Ġesù. “Dak li għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).
  • “Iz-zopop jimxu” (Mt 11:5). Jekk aħna fi triq tal-ħajja Nisranija nħossuna dgħajfin u nogħtru, jew naqbdu triq differenti, ejjew nitolbu lill-Mulej f’dan l-Avvent u f’dan il-Milied li nerġgħu nimxu b’ħeġġa fit-triq it-tajba.
  • “Il-lebrużi jfiqu” (Mt 11:5). Dawk li kienu bil-marda tal-ġdiem li fi żmien Ġesù, mhux biss kienet marda li tittieħed, imma ma kienx hemm fejqan għaliha, kienu l-imwarrbin tas-soċjetà. X’se nagħmlu aħna biex inħossuna parti mill-familja ta’ Ġesù, biex inħossuna milqugħin, u fl-istess ħin nagħmlu ħilitna li fostna ma jkun hemm ħadd li jħossu eskluż u emarġinat?
  • “It-torox jisimgħu” (Mt 11:5). Tafu x’ngħidu aħna l-Maltin u l-Għawdxin: ‘L-ikbar trux hu dak li ma jridx jisma’.’ Nitolbu lill-Mulej li f’dawn il-ġranet qaddisa jiftħilna widnejna għall-kelma ta’ mħabba li jrid iwasslilna, għall-kelma ta’ maħfra, għall-kelma ta’ tama.
  • “Il-mejtin iqumu” (Mt 11:5). Fis-sagrament tal-qrar aħna nerġgħu ningħataw ħajja ġdida, nerġgħu nqumu mill-qabar tal-mewt u tad-dnub, u l-Mulej iħaddanna u jitfa’ fuqna n-nifs ta’ ħajja ġdida.

Kemm tkun ħaġa sabiħa li biex nippreparaw tajjeb għal dan il-Milied nersqu lejn is-sagramenti tal-fejqan, li jagħtuna d-dawl, isaħħulna saqajna biex nimxu fit-triq it-tajba, jilqgħuna mill-ġdid fi ħdan il-Knisja, jiftħulna widnejna għall-kelma tal-imħabba u tal-ħniena. Jerġgħu jagħtuna ħajja ġdida.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 35:1-6a,10
Salm: 146 (147):7,8-9a,9bc-10
Qari II: Ġak 5:7-10
L-Evanġelju: Mt 11:2-11

Aktar ritratti