L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Mela x’għad ikun dan it-tifel?” (Lq 1:66) Din hi d-domanda li għamlu l-ġirien u n-nies fuq Ġwanni l-Battista, meta għarfu dan il-mod speċjali tat-twelid tiegħu. Aħna nafu llum x’kien Ġwanni l-Battista, u hemm żewġ kelmiet li jistgħu jispjegaw ħafna min hu Ġwanni l-Battista: hu l-prekursur u x-xhud. Huwa l-prekursur – dak li ġie qabel Ġesù biex ihejji t-triq għall-Mulej – u x-xhud, bil-kelma tiegħu u b’ħajtu, xhud ewlieni ta’ min hu Ġesù.
Fil-fatt, minn qabel it-twelid, ġa għandna lil Ġwanni l-Battista bħala l-prekursur u x-xhud. Meta Marija marret għand Eliżabetta, u daħlet għandha, Eliżabetta tgħidilha: “Malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ” (Lq 1:44) Innutaw: għadu ma twelidx Ġwanni l-Battista, għadu fil-ġuf imma diġà hu ħaj għax nafu li l-ħajja tibda mat-tnissil, u hemmhekk diġà qiegħed juri li Ġesù, li għadu kif tnissel fil-ġuf ta’ Marija, huwa xi ħadd speċjali. Hemmhekk diġa qed juri min hu Ġesù.
Għalhekk aħna niċċelebraw it-twelid ta’ Ġwanni l-Battista. Dan hu l-aħħar profeta, l-iktar profeta viċin Ġesù, dak li kellu din il-missjoni minn Alla biex iħejji t-triq għal Ġesù. Nafu li qeda din il-missjoni verament b’mod tajjeb u sabiħ. Aħna llum, meta niċċelebraw it-twelid ta’ Ġwanni l-Battista, nafu li kien prekursur u xhud tiegħu kemm qabel it-twelid, kemm meta twieled, imma wkoll fil-ħajja kollha tiegħu sal-mewt tiegħu.
Nixtieq insemmi tliet karatteristiċi sbieħ ħafna fi Ġwanni l-Battista, li huma wkoll ta’
tagħlima għalina fil-ħajja tagħna. L-ewwel nett, Ġwanni l-Battista, li kellu din il-missjoni
hekk importanti, kien bniedem umli, ta’ umiltà kbira. Kull meta narawh, anke fil-missjoni
tiegħu, dejjem qed jindika lil Ġesù. Mhux: ħarsu lejja, araw lili; imma lid-dixxipli tiegħu
jgħidilhom: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla” (Ġw 1:29). Jindika lil Ġesù, jipponta lejh, biex iwassal
in-nies għandu. Bħalma smajna fl-Atti tal-Appostli, meta jgħid: “Jien m’iniex dak li intom
taħsbu li jien. Imma, araw, warajja ġej wieħed li jien lanqas jistħoqqli nħoll il-qorq ta’
riġlejh” (Atti 13:25). Din hi l-umiltà kbira li tidher f’Ġwanni l-Battista li qeda din il-missjoni billi dejjem wassal in-nies għand Ġesù. F’post minnhom fl-Evanġelju jgħid: “Jeħtieġ li jikber hu u niċkien jien” (Ġw 3:30).
Ġwanni l-Battista kien ukoll bniedem ta’ kuraġġ. Ma beżax jgħid dak li għandu jgħid, u jaqdi l-missjoni tiegħu b’qawwa. Nafu li għalhekk eventwalment spiċċa maqtul, għaliex kien jgħid ċar u tond u jwassal messaġġ ċar lil dawk li kienu jiġu għandu minn postijiet differenti, bħalma kien jgħid ukoll messaġġ ċar lil Erodi. Hawn ukoll għandu x’jgħallimna fil-ħajja tagħna. Bħalma nitgħallmu mill-umiltà tiegħu, li aħna bħala Nsara għandna l-missjoni li nressqu lin-nies lejn Ġesù mhux lejna nfusna, inkunu wkoll nies ta’ kuraġġ li l-kelma ngħiduha b’mod ċar biex inwasslu dak li hu veru, dak li hu ġust, dak li hu xieraq. U nagħmlu dan bla biża’.
Tolqtok ukoll fi Ġwanni l-Battista l-fedeltà – fedeltà sħiħa u sal-aħħar. Kellu mumenti meta qisu ma kienx qed jara ċar, imma baqa’ jgħix b’fedeltà l-missjoni li Alla fdalu. Lilna wkoll jagħtina dan il-messaġġ illum, fis-solennità tat-twelid tiegħu, u jgħinna biex aħna bħala Nsara ngħixu tassew il-magħmudija tagħna, is-sejħa li Alla għamlilna, biex inkunu wkoll dawk li nwasslu lin-nies għand Ġesù b’umiltà, b’kuraġġ, u ngħixu b’fedeltà l-missjoni li Alla jafda lilna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju