L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Int li tħobb il-qalb sinċiera, għallimni l-għerf fil-fond ta’ qalbi” (Salm 51:8). Din is-silta minn Salm 51 tiġini f’moħħi meta nara din id-diskursata bejn Ġesù u l-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu li ġew fit-tempju fejn hu kien qiegħed jgħallem.

Huma għamlulu dil-mistoqsija: “Int b’liema setgħa qed tagħmel dan kollu? U min tahielek din is-setgħa?” (Mt 21:23) Naħsbu ftit: din hija domanda importanti ħafna – li tkun taf Ġesù minn fejn ġejja l-qawwa li għandu. Dawn kienu qed jagħmluhielu ftit wara li kien hemm, bħalma naqraw fl-Evanġelju skont San Mattew, il-ġrajja ta’ meta Ġesù kien daħal it-tempju u hemm keċċa l-bejjiegħa u x-xerrejja, u qalilhom: “Dari dar it-talb tissejjaħ. U intom għamiltuha għar tal-ħallelin” (Mt 21:13). Hu f’dan il-kuntest li dawn jiġu jistaqsuh dil-mistoqsija lil Ġesù.

Imma kienu sinċiera b’dil-mistoqsija? Bdew jistaqsuh għax verament riedu jkunu jafu? Ma tantx jidher li kienu sinċiera. L-ewwel nett, anke minn kif żviluppat id-diskursata bejniethom. Imma rridu niftakru li fl-Evanġelju skont San Mattew, hemm il-mument meta diversi nies, li kienu ħaġa waħda ma’ dawn, lil Ġesù jgħidulu li dak li kien qed jagħmel qed jagħmlu “bis-saħħa ta’ Begħelżebul, il-prinċep tax-xjaten” (Mt 12:24). Mela qabel qalu hekk, issa hawn jistaqsu: “b’liema setgħa qiegħed tagħmel dan?” Nafu x’kienet ir-reazzjoni ta’ Ġesù. Għax Ġesù jagħraf il-qalb u jaf li dawn ma ġewx hemmhekk b’sinċerità biex jistaqsu, għalhekk jgħidilhom: “Ħa nagħmlilkom mistoqsija waħda jien ukoll” (Mt 21:24). U meta ma jweġbuhx, jgħidulu “ma nafux”, jgħidilhom: “Mela anqas jien ma ngħidilkom b’liema setgħa qiegħed nagħmel dan” (Mt 21:27).

Fil-fatt, il-mistoqsija li għamel Ġesù lilhom hemm fiha r-risposta għal dak li staqsewh huma. Ġesù qalilhom: “Il-magħmudija ta’ Ġwanni minn fejn kienet ġejja: mis-sema jew mill-bnedmin?” (Mt 21:25) Aħna nafu li Ġwanni kien mibgħut minn Alla biex ihejji t-triq għall-Mulej u l-magħmudija tiegħu kienet magħmudija ta’ ndiema, ta’ dawk in-nies li lesti jħejju t-triq għall-Mulej f’ħajjithom. Imma barra minn hekk, interessanti ħafna l-ġrajja ta’ meta Ġesù tgħammed minn Ġwanni. Nafu li fil-bidu ma riedx jgħammdu, imma meta nsista Ġesù, Ġwanni għammdu u dik inhar instema’ leħen jgħid: “Dan hu ibni l-għażiż: fih sibt il-għaxqa tiegħi” (Mt 3:17). Hemmhekk, f’dan il-kliem ta’ leħen il-Missier, għandna t-tweġiba għal dil-mistoqsija “b’liema setgħa qiegħed tagħmel dan?” – bil-qawwa ta’ Alla, kif juri l-Missier stess proprju dak inhar li Ġesù tgħammed minn Ġwanni.

Għandna, f’din il-ġrajja tal-lum, messaġġ sabiħa għalina. L-ewwel nett, is-sinċerità tal-qalb – li għandna nkunu tassew sinċiera fil-qalb tagħna, mhux bħalma għamlu hawnhekk li meta Ġesù staqsiehom mistoqsija, qagħdu jirraġunaw bejniethom x’jaqbel li jgħidulu flok iwieġbu direttament. Aħna għandna nkunu tassew sinċiera fil-qalb tagħna. Imbagħad, li nagħrfu li Ġesù hu tassew Alla li sar bniedem biex lilna jsalvana. B’hekk għandu dik is-setgħa li kienu jaraw in-nies dak iż-żmien fil-kliem tiegħu u fl-għemil tiegħu. Ġesù mhuwiex xi ħadd li jagħmel għeġubijiet li tiskanta bihom, u daqshekk; Ġesù mhuwiex xi bniedem bravu jew li kien jgħallem sabiħ, u daqshekk. Ġesù hu Alla li sar bniedem fostna, kif se niċċelebraw ftit ġranet oħra. Huwa hu li jsalvana. Huwa hu li jurina tassew it-triq tal-ħajja.

Nagħmlulu llum it-talba li għedna fis-Salm, talba tassew sabiħa, meta nagħrfuh lill-Mulej bħala s-Salvatur tagħna: “Triqatek, Mulej, għarrafni, il-mogħdijiet tiegħek għallimni. Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni, għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi” (Salm 25:4-5).

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta