Waqt it-titjira lejn il-Mongolja fl-aħħar ta’ Awwissu, il-Papa Franġisku qal li hu qed iħejji Ittra appostolika dwar Santa Tereża ta’ Lisieux, li se tiġi ppubblikata fil-15 ta’ Ottubru.
Il-Papa stqarr dan waqt li kien qed isellem lis-70 ġurnalist u ġurnalista li vvjaġġaw miegħu għaż-żjara ta’ erbat ijiem f’Ulaanbaatar, il-kapitali tal-Mongolja.
Waqt Udjenza ġenerali fis-7 ta’ Ġunju, il-Papa kien diġà ħabbar li kien qed jikteb Ittra appostolika dwar il-Patruna tal-Missjonijiet. “Hi twieldet 150 sena ilu u f’dan l-anniversarju għandi f’moħħi li niddedikalha Ittra appostolika”, qal dakinhar, huwa u jitlob quddiem ir-relikwi tagħha meħuda fi Pjazza San Pietru. Dritt wara kien mar fl-Isptar Gemelli ta’ Ruma għal operazzjoni tal-ftuq.
Franġisku saħaq li Santa Tereża “għexet ħajja mogħtija għal Alla, u nsiet lilha nfisha, għax minflok riedet tħobb u tfarraġ lil Ġesù, u tinterċedi għas-salvazzjoni ta’ kulħadd”. Il-150 anniversarju minn twelidha u l-100 anniversarju mill-beatifikazzjoni tagħha jiġu mfakkra din is-sena.
Għall-okkażjoni, il-Papa ta l-permess li tiġi ċċelebrata Sena Ġubilari f’ġieħ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù li tagħlaq il-Ħadd 7 ta’ Jannar 2024, bit-tema tkun “Fiduċja u mħabba”, l-aħħar kelmiet fl-awtobijografija magħrufa tagħha, Storja ta’ ruħ.
Fuq l-istess linji, f’Diċembru 2022 il-Papa Franġisku ppubblika l-Ittra appostolika Totum amoris est (Kollox jappartieni lill-imħabba) fir-raba’ ċentinarju mill-mewt ta’ San Franġisk de Sales.
Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, magħrufa wkoll bħala l-Fjura ċ-Ċkejkna, kienet soru Karmelitana Franċiża. Twieldet fil-belt ta’ Alençon fit-2 ta’ Jannar 1873. Ġiet iddikjarata qaddisa fl-1925 mill-Papa Piju XI u pproklamata Duttur tal-Knisja fid-19 ta’ Ottubru 1997 mill-Papa San Ġwanni Pawlu II. San Piju X kien iħobb isejħilha “l-ikbar qaddisa ta’ żminijietna”.
Sors: Newsbook Malta