-
-
Fi ftit jiem oħra, il-Papa Franġisku se jibda t-18-il vjaġġ appostoliku tiegħu, din id-darba fl-Eġittu.
Skont il-kelliem tal-Vatikan, Greg Burke, bħall-vjaġġi l-oħra tiegħu, il-Papa se juża karozza normali, jiġifieri mingħajr protezzjoni. Dan minkejja l-attakki terroristiċi li ġraw jiem ilu fuq il-komunitajiet Insara.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu mal-ġurnalisti, Burke stqarr li l-Papa jrid jgħaddi messaġġ pożittiv. “Hu seren u jaf is-sitwazzjoni preżenti fl-Eġittu, jaf x’ġara fl-aħħar snin lill-Kopti, speċjalment f’Ħadd il-Palm u għalhekk irid imur u jkun pożittiv” kompla jgħid Burke.
F’pajjiż li għandu 90 miljun ċittadin, li 89% minnhom huma Musulmani Sunni, 10% Ortodossi Kopti u 0.1% biss huma Kattoliċi, Papa Franġisku se jmur bħala messaġġier tal-paċi.
Tul il-jumejn li se jqatta’ fil-Kajr, fit-28 u d-29 ta’ April li ġej, il-Papa jrid jilħaq tliet għanijiet: il-pastorali, l-ekumeniżmu u l-interreliġjosità.
Burke spjega li b’kollox, il-Papa mistenni jagħmel ħames diskorsi: L-ewwel wieħed se jkun lill-parteċipanti tal-Konferenza Internazzjonali tal-Paċi, fejn se jieħu sehem ukoll l-Imam ta’ Al Azhar.
Flimkien mal-Papa Kopt Ortodoss, Tawadros II, il-Papa Franġisku se jitlob fil-knisja ta’ San Pietru u San Pawl, li ġiet attakkata f’Diċembru li għadda.
Source: Vatican Radio